L-Erbgħa, 17 ta’ April 2013: Il-Knisja m’għandhiex tkun bħal baby sitter li tieħu ħsieb it-tarbija biex traqqadha. Li kieku kien hekk kienet tkun Knisja li ttaffi. Min sar jaf lil Ġesù għandu l-qawwa u l-kuraġġ li jxandru. Bl-istess mod, min irċieva l-Magħmudija għandu l-qawwa li jimxi, li javvanza, li jevanġelizza. U meta nagħmlu dan, il-Knisja ssir omm li tiġġenera wlied kapaċi li jġibu lil Kristu fid-dinja. Din hija fil-qosor ir-riflessjoni proposta mill-Papa Franġisku dalgħodu, l-Erbgħa 17 ta’ April 2013, waqt iċ-celebrazzjoni tal-quddiesa fil-kappella tad-Domus Sanctæ Marthæ, li għaliha assistew bosta dipendenti tal-Istitut għall-Opri tar-Reliġjon. Fost il-konċelebranti kien hemm Monsinjur Vincenzo Pisanello, Isqof ta’ Oria, u Monsinjur Giacinto Boulos Marcuzzo, Vigarju tal-Patrijarka ta’ Ġerusalemm tal-Latini għal Iżrael.
Fl-omelija, waqt li kkummenta l-ewwel qari meħud mill-Atti tal-Appostli (8, 1-8), il-Papa fakkar li wara l-martirju ta’ Stiefnu, faqqgħet persekuzzjoni vjolenti kontra l-Knisja ta’ Ġerusalemm. Qrajna fil-ktieb tal-Atti li l-Knisjakienet kollha trankwilla, kollha fil-paċi, bil-karità bejniethom, ir-romol ikkurati. Imma mbagħad faqqgħet il-persekuzzjoni. Dan huwa ftit jew wisq l-istil tal-ħajja tal-Knisja: bejn il-paċi tal-karità u l-persekuzzjoni. U dan iseħħ għaliex din kienet il-ħajja ta’ Ġesù, spjega l-Papa. Huwa kompla li, wara l-persekuzzjoni, ilkoll ħarbu minbarra l-Appostli. L-Insara, għall-kuntrarju, telqu. Waħedhom: mingħajr saċerdoti; mingħajr isqfijiet: waħedhom. L-isqfijiet, l-Appostli, kienu Ġerusalemm biex joffru ftit tar-reżistenza għal din il-persekuzzjoni.
Madankollu, dawk li kienu ħarbu marru minn post għall-ieħor ixandru l-Kelma, żied jgħid il-Papa li proprju fuq dawn ried li jiffoka l-attenzjoni ta’ dawk preżenti. Huma ħallew djarhom u ħadu magħhom ftit li xejn. Ma kellhomx sikurezza, imma marru minn post għall-ieħor ixandru l-Kelma. Ġarrew magħhom l-unika rikkezza li kellhom: il-fidi, dik ir-rikkezza li l-Mulej kien tahom. Kienu fidili sempliċi, għadhom kemm ġew mgħammda, xi sena qabel jew ftit iktar forsi. Imma kellhom il-kuraġġ li jmorru jxandru. U twemmnu! U wkoll għamlu l-mirakli! Minn bosta indemonjati keċċew spirti impuri, li werżqu bil-kbir, u fejqu bosta paralitiċi u zopop. U fl-aħħar kien hemm ferħ kbir f’dik il-belt! Kien mar ukoll Filippu. Dawn l-Insara – Insara li ftit kien ilhom mgħammda – kellhom il-qawwa, il-kuraġġ li jxandru lil Ġesù. Xandruh bil-kliem, imma wkoll b’ħajjithom. Qanqlu kurżità: ‘Imma… min huma dawn?’ U huma qalulhom: ‘Sirna nafu lil Ġesù, sibna lil Ġesù, u issa nġorruh.’ Kellhom biss il-qawwa tal-Magħmudija. U l-Magħmudija tathom dan il-kuraġġ appostoliku, il-qawwa tal-Ispirtu.
Ir-riflessjoni tal-Papa mbagħad spustat ruħha fuq il-bniedem tal-lum u staqsa jekk fina, l-imgħammdin, għandniex din il-qawwa u jekk nemmnux li l-Magħmudija hija biżżejjed biex nevanġelizzaw, jew inkella nittamawx li s-saċerdot…. l-isqof jgħid…. Bosta drabi, innota l-Papa, il-grazzja tal-Magħmudija titħalla ftit fil-ġenb u aħna ningħalqu fi ħsibijietna, fi ħwejjiġna. Kultant naħsbu: ‘Le, aħna Nsara: irċevejna l-Magħmudija, għamilna l-Griżma, l-Ewwel Tqarbina….,’ u hekk il-karta tal-identità hija f’postha, nistgħu norqdu trankwilli, aħna Nsara.
Imma fejn hi din il-qawwa tal-Ispirtu li timbuttak ’il quddiem?, staqsa l-Papa. Aħna fidili għall-Ispirtu biex inxandru lil Ġesù b’ħajjitna, bix-xhieda tagħna u bi kliemna? Meta nagħmlu dan, il-Knisja ssir Knisja Omm li tiġgenera l-ulied: ulied il-Knisja li jixhdu lil Ġesù u lill-qawwa tal-Ispirtu. Imma, wissa l-Papa, meta dan ma nagħmluhx, il-Knisja ssir mhux omm, imma Knisja baby sitter, li tieħu ħsieb it-tarbija biex traqqadha. Hija Knisja li ttaffi. Naħsbu dwar il-Magħmudija tagħna, dwar ir-responsabbiltà tal-Magħmudija tagħna.
U biex isaħħaħ il-kunċett espress, il-Papa Franġisku fakkar episodju li seħħ fil-Ġappun tul l-ewwel deċenni tal-elf u sitt mija, meta l-missjunarji kattoliċi kienu mkeċcija mill-pajjiż u l-komunitajiet baqgħu għal kważi żewġ sekli mingħajr saċerdoti. Mingħajr saċerdoti. Imbagħad, meta reġgħu lura l-missjunarji, sabu komunità ħajja li fiha kollha kienu mgħammda, mgħallma, miżżewġa fil-Knisja! U saħansitra dawk li kienu mietu kienu rċevew difna nisranija. Imma, kompla l-Papa, ma kienx hemm saċerdot! Min kien għamel dan? L-imgħammdin! Hemm hi l-kbira responsabbiltà tal-imgħammdin. Inxandru l-Knisja, immexxu l-Knisja ’l quddiem. Din hi l-maternità fekonda tal-Knisja: li tkun Nisrani. Mhux li tagħmel karriera fi studju biex issir avukat jew tabib nisrani. Le. Li tkun Nisrani huwa don li jmexxina ’l quddiem bil-qawwa tal-Ispirtu fix-xandir ta’ Ġesù Kristu.
Fl-aħhar il-Papa dawwar ħsiebu fuq il-Madonna li dejjem akkumpanjat lill-Insara permezz tat-talb meta kienu ppersegwitati jew imferrxa. Kienet titlob tant, qal il-Papa, imma kienet ukoll tħeġġiġhom: ‘Morru, agħmlu….!’ Għalhekk, il-Qdusija Tiegħu ħeġġeġ lil dawk prezenti biex jitolbu l-grazzja lill-Mulej li jsiru mgħammdin kuraġġużi u sikuri li l-Ispirtu li għandna fina, li rċevejna fil-Magħmudija, jimbuttana dejjem biex inxandru lil Ġesù Kristu b’ħajjitna, bix-xhieda tagħna u wkoll bi kliemna.
Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb