Il-Papa f’Santa Marta: Tirreżistux lill-Ispirtu s-Santu

Print Friendly, PDF & Email

It-Tlieta, 16 ta’ April 2013: Din kienet it-twissija tal-Papa Franġisku meta waqt omelija tiegħu huwa tkellem dwar il-martirju ta’ San Stiefnu li, qabel ġie mħaġgar, xandar lil Kristu Rxoxt waqt li wissa lil dawk preżenti bi kliem qawwi: ‘Ja nies ta’ ras iebsa, intom għalaqtu qalbkom u saddejtu widnejkom, u dejjem waqaftulu lill-Ispirtu s-Santu’. 

Il-Papa Franġisku kompla juri kif dakinhar Stiefnu fakkar lil-Lhud kif huma kienu ppersegwitaw lill-profeti u, wara li qatluhom, bnewlhom oqbra sbieħ u mbagħad tawhom qima. Il-Papa qal li anke Ġesù ċanfar lid-dixxipli ta’ Għemmaws: ‘Boloh u tqal biex temmnu dak kollu li qalu l-profeti!’  Dejjem, anke fostna, hemm din ir-reżistenza għall-Ispirtu s-Santu.

Il-Papa qal ċar u tond li l-Ispirtu s-Santu jagħtina fastidju għaliex iħarrikna, imexxina, jimbotta lill-Knisja biex tmur ’il quddiem.  U aħna qisna bħal Pietru fit-Trasfigurazzjoni: ‘Kemm hu tajjeb li nibqgħu hekk, ilkoll flimkien!’ Nixtiequ li ma jagħtiniex fastidju.  Nixtiequ li kieku l-Ispirtu s-Santu jieħu nagħsa … irridu nimmansawh lill-Ispirtu s-Santu.  U dan mhux tajjeb.  Għaliex Hu huwa Alla. Hu huwa dak ir-riħ li jiġi u jmur u inti ma tafx minn fejn ġie u fejn mar.  Huwa l-qawwa ta’ Alla. Huwa dak li jagħtina l-faraġ, li jagħtina l-qawwa biex nimxu ’l quddiem.  Imma li nimxu ’l quddiem jagħtina fastidju.  Il-kumdità isbaħ.

Il-Papa Franġisku kompla jgħid li llum bħal donnu aħna lkoll kuntenti bil-preżenza tal-Ispirtu s-Santu, imma mhux veru.  Din it-tentazzjoni għadha anke llum.  Biex jagħti eżempju huwa talab lil dawk preżenti jaħsbu fil-Konċilju, li kien ħidma sabiħa tal-Ispirtu s-Santu; u biex jaħsbu wkoll fil-Papa Ġwanni li kien donnu kappillan twajjeb u kien ubbidjenti għall-Ispirtu s-Santu u għamel dak li għamel.  Imma ħamsin sena wara, għamilna dak kollu li qalilna l-Ispirtu s-Santu fil-Konċilju, f’dik il-kontinwità fit-tkabbir tal-Knisja li kien il-Konċilju? Le! Niċcelebraw dan l-anniversarju, nagħmlu monument għall-Konċilju, basta ma jagħtiniex fastidju.  Ma rridux ninbidlu.  Aktar minn hekk, hemm ilħna li jridu jmorru lura.  Dan huwa dak li nifhmu meta ngħidu li nkunu rjus iebsa. Dan huwa dak li nifhmu meta ngħidu li rridu nimmansaw lill-Ispirtu s-Santu.  Dan huwa dak li nifhmu meta ngħidu li nkunu boloh u tqal biex nemmnu.

Il-Qdusija Tiegħu kompla jgħid li l-istess jiġri anke fil-ħajja personali tagħna.  Infatti l-Ispirtu jimbuttana biex naqbdu triq li taqbel aktar mal-Evanġelju imma aħna nirreżistu.  Filwaqt li saħaq li m’għandniex nirreżistu lill-Ispirtu s-Santu, il-Papa esprima x-xewqa li lkoll nitolbu lill-Mulej din il-grazzja: li nkunu doċli għall-Ispirtu s-Santu, li jiġi għandna u jmexxina ’l quddiem fit-triq tal-qdusija, dik il-qdusija tal-Knisja li hija tant sabiħa. Dan jiġifieri li nkunu doċli għall-Ispirtu s-Santu.  Hekk ikun.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb


%d bloggers like this: