Il-Papa f’Santa Marta: Il-fidi mhix ingann

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ġimgħa, 26 ta’ April 2013: Il-fidi mhix aljenazzjoni, lanqas mhi ingann, imma hija mixja konkreta ta’ sbuħija u ta’ verità, imfassla minn Ġesù biex tħejjilna lil għajnejna biex jiffissaw bla ebda nuċċali fuq il-Wiċċ meraviljuż ta’ Alla fil-post definittiv li hemm imħejji għal kull wieħed u waħda minna. Hija stedina biex ma ninħakmux mill-biża’ u biex ngħixu l-ħajja bħala tħejjija biex naraw aħjar, nisimgħu aħjar u nħobbu iktar dak li l-Papa Franġisku xandar fl-omelija tal-quddiesa ċcelebrata l-Ġimgħa filgħodu, 26 ta’ April 2013, fil-kappella tad-Domus Sanctæ Marthæ.

Il-Papa Franġisku ċċentra l-omelija fuq il-pass evanġeliku ta’ San Ġwann (14, 1-6): ‘Tħallux qalbkom titħawwad. Ikollkom fidi f’Alla u jkollkom fidi wkoll fija. F’dar Missieri hemm bosta djar. Li kieku mhux hekk, kont se ngħidilkom: Sejjer biex inħejjilkom post? Meta nkun mort u nkun ħejjejtilkom post, nerġa’ niġi u neħodkom miegħi sabiex fejn inkun jien tkunu intom ukoll. U dwar il-post fejn se mmur jien, intom tafu t-triq.’

Dan il-kliem ta’ Ġesù, ikkummenta l-Papa, huwa proprju kliem tassew sabiħ. F’waqt ta’ firda, Ġesù jkellem lid-dixxipli tiegħu proprju mill-qalb. Huwa jaf li d-dixxipli tiegħu huma mdejqa, għaliex jintebħu li l-affarijiet mhumiex sejrin tajjeb. Hekk hu. Mela Ġesù jinkoraġġihom, iqawwilhom qalbhom, jassigurahom, jipproponilhom orizzont ta’ tama: ‘La tħawdux qalbkom!’ U jibda jkellimhom hekk, bħala ħabib, ukoll b’atteġġjament ta’ ragħaj. Jiena ngħid li l-mużika ta’ dan il-kliem ta’ Ġesù hija l-atteġġjament tar-ragħaj, bħal ma r-ragħaj jagħmel mal-ħrief tiegħu: ‘La thawdux qalbkom. Ikollkom fidi f’Alla u jkollkom fidi wkoll fija.’

Hawn il-Papa staqsa: Meta jippronunzja dan il-kliem, skont in-narrazzjoni evanġelika ta’ San Ġwann, Gesù dwar xiex jibda jitkellem? Dwar is-sema, dwar il-patrija definittiva: ‘Ikollkom fidi wkoll fija.’ Donnu bħallikieku jrid jgħid, ‘Jien nibqa’ fidil.’ U waqt li juża l-metafora, il-figura tal-inġinier, tal-perit, jgħidilhom dwar dak li se jmur jagħmel: ‘Se mmur inħejjilkom post, f’dar Missieri hemm bosta djar.’ U Ġesù jmur biex iħejjilna post.

Kif inhi din it-tħejjija?, staqsa l-Papa Franġisku. Kif se ssir? Kif inhu l-post? Xi jfisser iħejjilna l-post? Jikrilna kamra hemm fuq? Iħejjilna l-post ifisser iħejjilna l-possibiltà tagħna ta’ tgawdija, il-possibiltà tagħna li naraw, li nħossu, li nifhmu s-sbuħija ta’ dak li jistenniena, ta’ dik il-patrija li lejha ninsabu mexjin.

Il-Papa kompla li l-ħajja nisranija kollha hija xogħol ta’ Ġesù, tal-Ispirtu s-Santu biex iħejjilna post, iħejjilna għajnejna biex inkunu nistgħu naraw. ‘Imma, Missier, jien nara sewwa! M’għandix bżonn in-nuċċali!’ Imma dik hija viżjoni oħra. Naħsbu dwar dawk li huma morda bil-katarretta u għandhom bżonn li joperaw din il-katarretta: huma jaraw, imma wara l-intervent x’jgħidu? ‘Qatt ma ħsibt li stajt nara hekk tajjeb, mingħajr nuċċali!’ Għajnejna, l-għajnejn ta’ qalbna għandhom bżonn, jinħtieġu li jkunu mħejjija biex iħarsu lejn dak il-Wiċċ meraviljuż ta’ Ġesù. Mela, hemm bżonn li nħejju s-smigħ biex inkunu nistgħu nisimgħu l-affarijiet sbieħ, il-kliem sabiħ. U prinċipalment inħejju qalbna: inħejju qalbna biex inħobbu, inħobbu iktar.

Il-Qdusija Tiegħu spjega li fil-mixja tal-ħajja l-Mulej dejjem jagħmel dan: bil-provi, bil-konsolazzjoni, bit-tribulazzjonijiet, bl-affarijiet tajbin. It-triq kollha tal-ħajja hija mixja ta’ tħejjija. Xi minn daqqiet il-Mulej dan irid jagħmlu bil-għaġġla, bħal ma għamel mal-ħalliel it-tajjeb: kellu biss ftit minuti biex iħejjih u hekk għamel. Imma n-normalità tal-ħajja tmur hekk: inħallu li jiġu mħejjija l-qalb, l-għajnejn, is-smigħ, biex naslu f’din il-patrija. Għaliex dik hija l-patrija tagħna.

Il-Papa Franġisku ħeġġeġ biex ma nitilfux minn quddiem għajnejna din id-dimensjoni fundamentali ta’ ħajjitna u tal-mixja ta’ fidi u tal-oġgezzjonijiet ta’ min ma jagħrafx il-prospettiva tal-eternità. ‘Imma, Missier, jien mort għand filosfu u qalli li dawn il-ħsibijiet kollha huma aljenazzjoni, li aħna aljenati, li l-ħajja hija din, il-konkret, u hemmhekk ħadd ma jaf x’inhu…’ Xi wħud jaħsbuha hekk. Imma Ġesù jgħidilna li mhux hekk u jgħidilna: ‘Ikollkom ukoll fidi fija. Dan li ngħidilkom jien huwa l-verità: jien ma nidħakx bikom, jien ma ningannakomx.’ Aħna mexjin lejn il-patrija tagħna, aħna wlied tar-razza ta’ Abraham, kif jgħid San Pawl fl-ewwel qari (Atti tal-Appostli13, 26-33).

Il-Papa sostna li ilna minn żmien Abraham nimxu b’din il-wegħda tal-patrija definittiva. Jekk immorru naqraw il-kapitlu 11 tal-ittra lil-Lhud insibu dik il-figura sabiħa tal-antenati tagħna, ta’ missirijietna li għamlu din il-mixja lejn il-patrija u sellmulha mill-bogħod. U din mhix aljenazzjoni: din hija l-verità. Dan huwa li nħallu li Ġesù jħejjilna qalbna, għajnejna għal dik is-sbuħija hekk kbira. Hija l-mixja tas-sbuħija. Hija wkoll il-mixja tar-ritorn lejn il-patrija.

Il-Papa kkonkluda l-omelija billi awspika li l-Mulej jagħtina din it-tama qawwija u jagħtina wkoll il-kuraġġ li nsellmu lill-patrija mill-bogħod. U fl-aħħa nett jagħtina l-umiltà li nħallu li nkunu mħejjija, jiġifieri li nħallu lill-Mulej iħejji d-dar, id-dar definittiva, f’qalbna, f’għajnejna u fis-smigħ tagħna.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb


%d bloggers like this: