It-Tlieta, 14 ta’ Mejju 2013: L-egoiżmu ma jwassalna mkien. Mill-banda l-oħra, l-imħabba tillibera. Minħabba dan min hu kapaċi jgħix il-ħajja proprja bħala rigal biex jingħata lill-oħrajn ma jibqa’ qatt waħdu u ma jesperimentax id-dramm tal-kuxjenza iżolata, priża faċli ta’ dak is-Satana ħallas krudil li dejjem lest biex iqarraq b’min jagħżel triqtu. Din hija r-riflessjoni li l-Papa Franġisku ħalla dalgħodu, it-Tlieta 14 ta’ Mejju 2013, lil dawk kollha li attendew għall-quddiesa fil-kappella tad-Domus Sanctæ Marthæ.
Waqt li kkummenta l-qari tal-jum, meħudin mill-Atti tal-Appostli (1, 15-17, 20-26) u mill-Evanġelju ta’ Ġwanni (15, 9-17), il-Papa beda billi fakkar li f’dawn iż-żmenijiet ta’ stennija tal-Ispirtu s-Santu jerġa’ jfiġġ il-kunċett tal-imħabba, il-kmandament il-ġdid. Ġesù jgħidilna kelma qawwija: ‘Ħadd m’għandu mħabba ikbar minn din: li tagħti ħajtek għal ħbiebek.’ L-ikbar imħabba hija li tagħti ħajtek. L-imħabba dejjem timxi minn din it-triq: li tagħti ħajtek, li tgħix ħajtek bħala rigal. Rigal biex jingħata, mhux teżor biex jinżamm. U Ġesù hekk għexha ħajtu, bħala rigal. U jekk tgħix ħajtek bħala rigal, inti tagħmel dak li jrid Ġesù: ‘Waqqaftkom sabiex tmorru u ġġorru l-frott.’ Mela m’hemmx għalfejn naħarqu ħajjitna bl-egoiżmu.
Għal dan il-għan il-Papa reġa’ ppropona l-figura ta’ Ġuda, li kellu atteġġjament kuntrarju ta’ min iħobb, għaliex – miskin – qatt ma fehem xi jkun rigal. Ġuda kien wieħed minn dawk il-bnedmin li qatt ma jaslu li jagħmlu ġest ta’ altruwiżmu u li dejjem jgħixu fl-isfera tal-proprju jien, bla ma qatt iħallu jinħatfu mis-sitwazzjonijiet sbieħ.
Minflok, dan huwa l-atteġġjament tal-Maddalena meta taħsel riġlejn Ġesù bl-ingwent li tant kien iqum flus. L-Isqof ta’ Ruma sostna li dan kien mument reliġjuż, mument ta’ gratitudni, mument ta’ mħabba. Ġuda, mill-banda l-oħra, jgħix maqtugħ, fis-solitudni tiegħu, u jibqa’ javvanza f’dik it-triq. ‘Qrusa tal-qalb’ iddefiniha l-Qdusija Tiegħu. U hekk, bħalma l-imħabba tikber fir-rigal, ukoll jikber l-atteġġjament l-ieħor, dak tal-egoiżmu. U f’Ġuda kiber sat-tradiment ta’ Ġesù. Min iħobb, qal fis-sustanza l-Papa, jagħti l-ħajja bħala rigal; min hu egoista, jittradixxi, jibqa’ dejjem waħdu, u jiżola l-kuxjenza tiegħu fl-egoiżmu, f’dik il-kura tal-proprja ħajja, imma fl-aħħar jitlifha. U li naqgħu fl-egoiżmu huwa faċli għal kulħadd.
Il-Papa reġa’ indika għal darb’oħra l-eżempju ta’ Ġuda, li kien idolatur, marbut mal-flus. Jgħidu l-istess Ġwanni: ‘kien ħalliel.’ U din l-idolatrija wasslitu biex jiżola lilu nnifsu mill-komunità tal-oħrajn. Dan huwa d-dramm tal-kuxjenza iżolata. Meta Nisrani jibda jiżola lilu nnifsu, jiżola l-kuxjenza tiegħu mis-sens komunitarju, mis-sens tal-Knisja, minn dik l-imħabba li Ġesù jagħtina, u fl-aħħar, proprju bħal Ġuda, jitlef ħajtu. Waqt li reġa’ dar fuq ir-rakkont evanġeliku, il-Papa fakkar li Ġwanni jgħidilna li f’dak il-waqt Satana daħal f’qalb Ġuda. U hemm bżonn li ngħiduha, sostna Franġisku: Satana huwa ħallas krudil. Dejjem jingannana, dejjem!
Mela hemm żewġ toroq x’nagħżlu: jew ngħixu l-ħajja għaliha nfisha jew ngħixuha bħala rigal, jiġifieri bħal ma għamel Ġesù: ‘Bħal ma ħabbni l-Missier, hekk jibgħatni għall-imħabba u jien nirregala ruħi għall-imħabba’. F’dawn il-jiem ta’ stennija għall-festa tal-Ispirtu s-Santu, ikkonkluda l-Qdusija Tiegħu, nitolbu: ‘Ejja, ejja u tini qalb wiesgħa li tkun kapaċi tħobb b’umiltà, b’manswetudni.’ U nitolbuh ukoll, kompla l-Papa, li jeħlisna dejjem mit-triq l-oħra, dik tal-egoiżmu, li fl-aħħar tispiċċa ħażin.
Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb