Il-Papa f’Santa Marta: Niftħu l-bibien għall-fidi

Print Friendly, PDF & Email

Is-Sibt, 25 ta’ Mejju 2013: Min javviċina l-Knisja għandu jsib il-bieb miftuħ u mhux nies li jippruvaw jikkontrollawlu l-fidi.  Dan qalu l-Papa Franġisku waqt l-omelija tal-quddiesa li ċċelebra llum, is-Sibt 25 ta’ Mejju 2013, fid-Dar Santa Marta. 

L-Evanġelju tal-ġurnata jirrakkonta li Ġesù jċanfar lid-dixxipli li ma ridux lit-tfal jersqu lejh biex iberikhom.  Imma Ġesù lit-tfal jgħannaqhom, ibushom, imellishom, kollha.  Ġesù għajjien u d-dixxipli jridu jwaqqfuhom.  Imma xi kultant anke Ġesù jagħdab u jgħidilhom: ‘Ħalluhom jiġu għandi, iżżommuhomx, għax is-Saltna t’Alla hi għal min hu bħalhom.’ Il-fidi tal-poplu t’Alla, osserva l-Papa, hija fidi sempliċi, fidi li forsi ma fihiex wisq teoloġija, imma hija mirfuda minn teoloġija interna li mhix żbaljata għax warajha hemm l-Ispirtu Qaddis.

Il-Papa semma l-Ewwel u t-Tieni Konċilju Vatikan fejn jingħad li ‘l-poplu qaddis t’Alla …. ma jistax jiżbalja fejn jidħol it-twemmin’ (Lumen Gentium). U biex jispjega din l-affermazzjoni teoloġika, żied jgħid li jekk trid tkun taf min hi Marija għandek tmur għand teologu u dan jgħidlek eżatt min hi. Imma jekk trid tkun taf kif tħobb lil Marija, mur għand il-poplu t’Alla li jgħallem aħjar.  Il-poplu t’Alla, kompla l-Papa, dejjem jitlob xi ħaġa li tkun aktar qrib ta’ Ġesù u kultant ikun insistenti mhux ħażin!  Imma din xorta waħda hi l-insistenza ta’ min jemmen. 

Il-Papa ftakar f’darba, meta kien ħiereġ mill-belt ta’ Salta nhar il-festa tal-qaddis patrun, u kien hemm mara umli li talbet il-barka ta’ qassis.  Il-qassis wieġeb: ‘Tajjeb, imma int kont għall-quddiesa,’ u spjegalha t-teoloġija kollha tal-barkiet fil-Knisja.  ‘Grazzi Dun, iva Dun,’ wieġbet il-mara. Meta telaq l-ewwel saċerdot, il-mara daret fuq ieħor u talbitu jberikha.  Kull ma kien qalilha l-ewwel wieħed ma ħalla ebda effett fuqha għax hi kellha ħtieġa oħra: kellha l-ħtieġa li tintmiss mill-Mulej.  Din hi l-fidi li għandna dejjem infittxu, din hi l-fidi li tiġi mill-Ispirtu Qaddis. Aħna għandna niffaċilitawha, inkabbruha, ngħinuha tikber. 

Il-Papa semma wkoll l-istorja tal-agħma ta’ Ġeriko li kien imċanfar mid-dixxipli għax beda jgħajjat: ‘Ġesù, Iben David, ikollok ħniena minni.’  L-evanġelju jgħid li ma riduhx jgħajjat.  Huma ma riduhx imma hu beda jgħajjat aktar.  Għaliex?  Għax kellu l-fidi f’Ġesù!  L-Ispirtu s-Santu kien nissillu l-fidi f’qalbu.  U huma qalu: ‘Le, ma tistax tagħmel hekk!  Ma tgħajjatx lill-Mulej għax il-protokol ma jippermettilekx.  Dan hu t-Tieni Persuna tat-Trinità!  Ara x’int tagħmel!’  Mhux hekk kienu qishom qed jgħidulu? U aħsbu fl-attitudni ta’ bosta Nsara:  aħsbu fl-Insara t-tajbin, ta’ rieda tajba.  Naħsbu fis-segretarju ta’ xi parroċċa….  ‘Bonġu, il-lejla t-tajba.  Aħna t-tnejn, għarus u għarusa, irridu niżżewġu!’  U minflok jgħidilhom kemm hi ħaġa sabiħa, jisimgħu: ‘Għandkom ċertifikat tal-Magħmudija? …. Mela tajjeb!’  U b’hekk isibu bieb magħluq…. meta dan in-Nisrani u din in-Nisranija għandhom il-ħila jiftħu bieb u jirringrazzjaw lil Alla għal żwieġ ġdid.

Ħafna drabi aħna nikkontrollaw il-fidi minflok niffaċilitawha fin-nies.  U dejjem tibqa’ t-tentazzjoni, kompla l-Papa, li nippruvaw nieħdu pussess ta’ Alla, li nidħlu minfloku!

U żied storja oħra.  Huwa ssuġġerixxa lil dawk preżenti jaħsbu dwar mara mhux miżżewġa li tmur il-knisja, fil-parroċċa, u tgħid: ‘Nixtieq ngħammed lit-tarbija tiegħi.’  U dan-Nisrani…. dan-Nisrani jwieġeb: ‘Le, għax m’intix miżżewġa!’  Dan meta din it-tfajla kellha l-kuraġġ iżżomm it-tqala u ma tibgħatx lil binha għand il-Ħallieq!  X’inhu dan?, staqsa l-Qdusija Tiegħu.  Bieb magħluq!  Dan mhux żelu.  Dan hu bogħod minn Alla, ma jiftaħx bibien.

Allura, meta nkunu f’dit-triq, meta jkollna din l-attitudni, kompla jirrifletti l-Papa, ma nkunux qed nagħmlu ġid lill-poplu, lill-poplu t’Alla.  Ġesù waqqaf seba’ sagramenti u bl-attitudni tagħna aħna nkunu qed noħolqu t-tmien wieħed: is-sagrament tad-dwana pastorali!  Ġesù jagħdab meta jara dawn l-affarijiet, għax dawk li jbatu huma l-poplu fidil tiegħu, il-poplu li hu l-aktar li jħobb.

Imbagħad il-Papa Franġisku kkonkluda hekk: Illum naħsbu f’Ġesù li dejjem iridna aktar qrib tiegħu. Naħsbu dwar il-poplu qaddis t’Alla, poplu sempliċi, li jrid joqrob lejn Ġesù, u naħsbu dwar tant Insara li jiżbaljaw u minflok jiftħu l-bieb tar-rieda tajba, jagħlquh.  Għalhekk nitolbu lill-Mulej biex dawk kollha li jersqu lejn il-Knisja jsibu l-bibien miftuħin, isibu l-bibien miftuħin biex jiltaqgħu ma’ din l-imħabba ta’ Ġesù.  Nitolbu din il-grazzja.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija



%d bloggers like this: