L-Erbgħa, 29 ta’ Mejju 2013: It-trijonfaliżmu li jmiss lill-Insara huwa dak li jgħaddi mill-falliment uman, il-falliment tas-salib. Li nħallu lilna nfusna nippruvaw minn trijonfaliżmi oħra, minn trijonfaliżmi tad-dinja, ifisser li nċedu għat-tentazzjoni li nwelldu kristjaneżmu bla salib, nofs kristjaneżmu. Kienet l-umiltà ċ-ċentru tar-riflessjoni tal-Papa Franġisku waqt il-quddiesa ċċelebrata dalgħodu, 29 ta’ Mejju 2013, fil-kappella tad-Domus Sanctæ Marthæ.
Fl-Evanġelju tallum (Mark 10, 32-45) hemm deskritt il-vjaġġ ta’ Ġesù lejn Ġerusalemm, segwit mid-dixxipli. Il-Papa spjega li kienu fi triqthom li titla’ lejn Ġerusalemm. Ġesù kien miexi quddiem, deċiż. Nistgħu wkoll naħsbu li bil-għaġġla. Waqt li waqaf fuq is-sentimenti li kienu jitqanqlu f’dak il-waqt fil-qlub tad-dixxipli – twerwir u biżgħat – il-Qdusija Tiegħu ried iġiegħel jispikka l-komportament tal-Mulej li jgħidilhom il-verità: ‘Hekk hu, aħna telgħin Ġerusalemm, Bin il-Bniedem ikun mogħti lill-mexxejja tal-qassisin u lill-iskribi, ikun ikkundannat għall-mewt u joqtluh, imma mat-tielet jum jerga’ jqum.’ Ġesù jgħid il-verità u jurihom il-mixja li tintemm fit-tielet jum.
Minkejja l-kliem ta’ Kristu, id-dixxipli jaħsbu li jkun aħjar li jieqfu. U fl-istess ħin, ġibed l-attenzjoni l-Papa, jibdew jiddiskutu bejniethom kif jissistemaw il-knisja. Anzi Ġakbu u Ġwanni marru għand Ġesù biex jitolbuh l-uffiċċju ta’ kap tal-gvern. Imma wkoll l-oħrajn kienu jiddiskutu u jistaqsu min fosthom kien l-iktar importanti f’dik il-knisja li riedu jissistemaw. Il-Papa osserva li Kristu kien quddiem biex iwettaq il-missjoni tiegħu, waqt li d-dixxipli kienu waqfu biex jiddiskutu dwar proġett ieħor, punt di vista ieħor tal-knisja.
B’dan il-mod kienu milquta mill-istess tentazzjoni ta’ Ġesù fid-deżert, meta x-xitan kien mar biex jipproponilu mixja differenti u kien sfidah biex iwettaq miraklu, bħal li jinxteħet minn fuq it-tempju u jsalva b’tali mod li lkoll setgħu jaraw il-miraklu u jinfdew. Xi ħaġa li kulħadd kien jitlob, fakkar il-Papa. Ġesù, żied il-Papa, għadda mill-istess tentazzjoni ta’ Pietru. Meta tkellem dwar is-salib, fakkar l-isqof ta’ Ruma, l-appostlu li saħansitra kien għarfu bħala l-Iben ta’ Alla, talbu biex jirrinunzja. U Ġesù qallu ‘Satana’ u rrinunzja għat-tentazzjoni.
Illum, saħaq il-Papa, il-periklu huwa dak li nċedu għat-tentazzjoni ta’ kristjaneżmu bla salib, kristjaneżmu b’nofs mixja. Din hija t-tentazzjoni. Imma hemm oħra, żied il-Papa, dik ta’ kristjaneżmu bis-salib mingħajr Ġesù, li dwarha, qal il-Qdusija Tiegħu, forsi jitkellem f’okkażjoni oħra. U waqt li reġa’ lura għas-suġgett tal-omelija, il-Papa spjega li din titkellem dwar it-tentazzjoni tat-trijonfaliżmu. Aħna rridu t-trijonf issa, qal Franġisku, mingħajr ma mmorru fuq is-salib: trijonf mondan, trijonf raġonevoli. Biex jagħti eżempju semma l-episodju evanġeliku tat-tentazzjonijiet ta’ Kristu: ‘Int tadurani u jien intik kollox.’ U dan, ġiegħel li jkun innutat il-Papa, sabiex ma naslux li nagħmlu dak li l-Missier ried li Ġesù jagħmel.
Il-Papa kompla li t-trijonfaliżmu fil-Knisja jwaqqaf lill-Knisja. It-trijonfaliżmu tagħna l-Insara jwaqqaf lill-Insara. Knisja trijonfalista hija Knisja f’nofs mixja: Knisja li tikkuntenta ruħha li tkun issistemata sewwa, bl-uffiċċji kollha b’kollox f’postu, kollox sabiħ, effiċjenti, imma li tiċħad il-martri. Tkun Knisja li taħseb biss fit-trijonfi, li m’għandhiex dik ir-regola ta’ Ġesù: ir-regola tat-trijonf permezz tal-falliment, il-falliment uman, il-falliment tas-salib. U din hija tentazzjoni li ngħaddu minnha lkoll kemm aħna.
Dwar dan il-Papa fakkar episodju minn ħajtu. Huwa rrakkonta li darba kien jinsab f’waqt mudlam ta’ ħajtu spiritwali, u talab grazzja lill-Mulej. Huwa mar jipprietka l-eżerċizzi spiritwali lis-sorijiet u fl-aħħar jum marru jqerru. Marret tqerr soru anzjana, li kellha iktar minn tmenin sena, imma b’għajnejha ċari, proprju jibbru. Huwa qal li kienet mara ta’ Alla. Imbagħad fl-aħħar tant raha mara ta’ Alla li qalilha: ‘Sor, bħala penitenza itlob għalija, għaliex għandi bżonn grazzja, eh? Jekk int titlobha lill-Mulej, jagħtihieli żgur.’ Hi waqfet ftit, bħallikieku qiegħda titlob, u qaltlu hekk: ‘Dażgur li l-Mulej jagħtik il-grazzja, imma la tiżbaljax, bil-mod divin tiegħu.’ Il-Papa stqarr li dan tant għamillu ġid: li ħass li l-Mulej jagħtina dejjem dak li nitolbu imma li dan jagħmlu bil-mod divin tiegħu. Dan il-mod, spjega l-Papa, idaħħal fis is-salib. Mhux bħala mażokiżmu, le, le: bi mħabba, bi mħabba sal-aħħar.
Bħala konklużjoni tal-omelija l-Qdusija Tiegħu stieden lil kulħadd biex jitlob lill-Mulej il-grazzja biex ma tkunx Knisja f’nofs mixja, Knisja trijonfalista, tas-suċċessi kbar. Jekk il-Knisja tkun umli, kompla jgħid il-Papa Franġisku, din timxi b’deċiżjoni bħal Ġesù, tmur ’il quddiem, ’il quddiem, ’il quddiem!
Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb