Nemmen fi Knisja waħda


16. Katekeżi dwar il-Kredu mill-Papa Franġisku. 25 ta’ Settembru 2013

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Fil-Kredu aħna ngħidu “Nemmen fi Knisja waħda”, jiġifieri nistqarru li l-Knisja hi unika u li din il-Knisja hi għaqda waħda fiha nfisha. Imma jekk inħarsu lejn il-Knisja Kattolika fid-dinja niskopru li hi tiġbor fiha kważi 3,000 djoċesi mxerrda mal-kontinenti kollha: tant ilsna, tant kulturi! Hawn insibu Isqfijiet ġejjin minn tant kulturi differenti, minn tant pajjiżi. Hawn l-Isqof tas-Sri Lanka, l-Isqof ta’ l-Afrika ta’ Isfel, Isqof mill-Indja, hawn ħafna hawnhekk… Isqfijiet mill-Amerika Latina. Il-Knisja hi mxerrda mad-dinja kollha! U safrattant l-eluf ta’ komunitajiet Kattoliċi jiffurmaw għaqda waħda. Kif jista’ jseħħ dan?

1. Tweġiba li tiġbor kollox fiha nsibuha fil-Kompendju tal-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, li jafferma: il-Knisja Kattolika mxerrda mad-dinja “għandha fidi waħda, ħajja sagramentali waħda, suċċessjoni Appostolika waħda, tama waħda, karità waħda” (n. 161). Hi definizzjoni sabiħa din, ċara, torjentana tajjeb. Għaqda fil-fidi, fit-tama, fl-imħabba, għaqda fis-Sagramenti, fil-Ministeru: huma bħal pilastri li jwieżnu u jżommu magħquda l-binja kbira waħdanija tal-Knisja. Kull fejn immorru, anki fl-iżjed parroċċa żgħira, fl-iktar rokna minsija ta’ din l-art, hemm il-Knisja waħda; aħna nħossuna d-dar, fil-familja, qalb ħutna. U dan hu don kbir ta’ Alla! Il-Knisja hi waħda għal kulħadd. M’hemmx Knisja għall-Ewropej, oħra għall-Afrikani, oħra għall-Amerikani, oħra għall-Asjatiċi, oħra għal min jgħix fl-Oċeanja, le, hi l-istess waħda kull fejn tmur. Dan bħal f’familja: nistgħu nkunu mbiegħda, imxerrda mad-dinja, imma r-rabtiet profondi li jgħaqqdu flimkien il-membri kollha tal-familja jibqgħu sodi, tkun xi tkun id-distanza. Tiġini f’moħħi, ngħidu aħna, l-esperjenza tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ f’Rio de Janeiro: f’dik il-folla immensa ta’ żgħażagħ fuq ix-xatt ta’ Copacabana stajt tisma’ mitkellma bosta lingwi, stajt tilmaħ bixriet ta’ wiċċ ħafna differenti minn xulxin, iltaqgħu flimkien kulturi differenti, u safrattant kien hemm għaqda profonda, għax jiffurmaw Knisja waħda, kollha kienu f’għaqda waħda u dan stajt tħossu. Ejjew nistaqsu lkoll lilna nfusna: Jiena bħala Kattoliku nħossha din l-għaqda? Jien bħala Kattolika qed ngħix din l-għaqda tal-Knisja? Jew ma tinteressanix, għax magħluq fil-grupp ċkejken tiegħi jew fija nnifsi? Forsi jien fost dawk li “jipprivatizzaw” il-Knisja għall-grupp tagħhom, għal pajjiżhom, għal ħbiebhom? Hu ta’ swied il-qalb tara Knisja “privatizzata” minħabba f’dan l-egoiżmu u dan in-nuqqas ta’ fidi. Ta’ swied il-qalb! Meta nara lil tant Insara fid-dinja jbatu, nibqa’ indifferenti jew inħoss li qed ibati wieħed minn tal-familja? Meta naħseb jew nismagħhom jgħidu li tant Insara qed jiġu ppersegwitati u qed jagħtu saħansitra ħajjithom għall-fidi tagħhom, dan imissli qalbi jew lanqas jasal għandi? Qed ninfetaħ għal dak ħija jew dik oħti fil-familja li qed tagħti ħajjitha għal Ġesù Kristu? Qed nitolbu għal xulxin? Nagħmlilkom mistoqsija, imma tweġbux b’vuċi għolja, imma biss fil-qalb tagħkom: Kemm minnkom jitolbu għall-Insara li huma ppersegwitati? Kemm? Kull wieħed u waħda jwieġeb fil-qalb tiegħu. Jien qed nitlob għal dak ħija, għal dik oħti li qiegħda f’diffikultà, biex tistqarr u tħares il-fidi tagħha? Importanti li nħarsu ’l barra miċ-ċint tagħna, li nħossuna Knisja, familja waħda ta’ Alla!

2. Immiddu pass ieħor u nistaqsu lilna nfusna: Din l-għaqda għandha xi ġrieħi? Nistgħu nferuha din l-għaqda? Sfortunatament naraw li fil-mixja ta’ l-istorja, anki l-lum, mhux dejjem qed ngħixu din l-għaqda. Xi kultant jixref in-nuqqas ta’ ftehim, il-kunflitt, it-tensjoni, il-firdiet, li jferuha, u allura l-Knisja ma jkollhiex il-wiċċ li nixtiequ li jkollha, ma tirriflettix l-imħabba, dak li jrid Alla minnha. Aħna stess li noħolqu dan it-tiċrit fil-laħam! U jekk inħarsu lejn il-firdiet li għadhom jeżistu bejn l-Insara, Kattoliċi, Ortodossi, Protestanti… inħossu kemm m’hix faċli li din l-għaqda ssir viżibbli b’mod sħiħ. Alla jagħtina l-għaqda, imma aħna spiss inbatu biex ngħixuha. Jeħtieġ infittxu, nibnu l-komunjoni, nedukaw għall-komunjoni, biex nissuperaw kull nuqqas ta’ ftehim u firdiet, ibda mill-familja, mir-realtajiet ekkleżjali, fid-djalogu ekumeniku wkoll. Id-dinja tagħna għandha bżonn ta’ l-għaqda, din hi epoka li fiha lkoll għandna bżonn ta’ l-għaqda, għandna bżonn tar-rikonċiljazzjoni, tal-komunjoni, u l-Knisja hi Dar tal-komunjoni. San Pawl lill-Insara ta’ Efesu qalilhom: “Inħeġġiġkom jien, il-priġunier tal-Mulej, biex timxu sewwa skond is-sejħa li biha kontu msejħin; billi bl-umiltà kollha, bil-ħlewwa u bis-sabar, taħmlu u tħobbu ’l xulxin. Ħabirku biex iżżommu spirtu wieħed bir-rabta tas-sliem” (4:1-3). Umiltà, ħlewwa, ġenerożità, imħabba biex inżommu sħiħa l-għaqda! Dawn, dawn huma t-toroq, it-toroq veri tal-Knisja. Ejjew kull darba nħossuhom ftit iżjed. Umiltà kontra l-vanità, kontra s-suppervja, umiltà, ħlewwa, ġenerożità, imħabba biex inżommu l-għaqda. U jkompli San Pawl: ġisem wieħed, dak ta’ Kristu li nirċievu fl-Ewkaristija; Spirtu wieħed, l-Ispirtu s-Santu li jagħti l-ħajja u l-ħin kollu joħloq mill-ġdid lill-Knisja; tama waħda, il-ħajja ta’ dejjem; fidi waħda, Magħmudija waħda, Alla wieħed, Missier ta’ kulħadd (ara vv. 4-6). L-għana ta’ dak li jgħaqqadna! U dan hu l-għana tassew: dak li jgħaqqadna, mhux dak li jifridna. Dan hu l-għana tal-Knisja! Kull wieħed u waħda l-lum jistaqsi lilu nnifsu: Qed ngħin biex toktor l-għaqda fil-familja, fil-parroċċa, fil-komunità, jew moħħi biex inpaċpaċ fuq dak u fuq l-oħra. Jien qed inkun kawża ta’ firda, ta’ skumdità? Imma intom ma tafux xi ħsara jagħmel it-tqassis lill-Knisja, lill-parroċċa, lill-komunitajiet! Jagħmlilhom il-ħsara! It-tqassis jiftaħ il-feriti. In-Nisrani qabel ipaċpaċ irid jigdem ilsienu! Iva jew le? Jigdem ilsienu: dan jagħmlilna tajjeb, għax imbagħad ilsienna jintefaħ u ma jkunx jista’ jitkellem u ma jkunx jista’ jqassas. Għandi l-umiltà li bis-sabar kollu, bis-sagrifiċċju nħit mill-ġdid il-ġrieħi ħalli nwassal għall-komunjoni?

3. Fit-tmiem hemm l-aħħar pass iktar fil-fond. U din hi mistoqsija sabiħa: Min hu l-mutur ta’ din l-għaqda fil-Knisja? Hu l-Ispirtu s-Santu li lkoll kemm aħna rċivejna fil-Magħmudija u anki fis-Sagrament tal-Griżma. Hu l-Ispirtu s-Santu. L-għaqda ta’ bejnietna qabel xejn m’hix frott tal-kunsens tagħna, jew tad-demokrazija fil-Knisja, jew ta’ l-isforz li nagħmlu biex naqblu ma’ xulxin, imma ġejja minnU li kapaċi joħloq l-għaqda fid-diversità, għax l-Ispirtu s-Santu hu armonija, dejjem iġib l-armonija fil-Knisja. Hi għaqda armonjuża f’tant diversità ta’ kulturi, ta’ ilsna u ta’ ħsieb. Hu l-Ispirtu s-Santu l-mutur. Għalhekk hu importanti t-talb, li hu r-ruħ ta’ l-impenn tagħna bħala rġiel u nisa ta’ komunjoni, ta’ għaqda. It-talb lill-Ispirtu s-Santu, biex jiġi u joħloq l-għaqda fil-Knisja.

Nitolbuh lill-Mulej: Mulej, agħtina li nkunu dejjem iżjed magħquda, li ma nkunu qatt strumenti ta’ firda; agħmel li nħabirku, kif tgħid talba sabiħa Franġiskana, biex fejn hemm il-mibegħda nħeġġu l-imħabba, fejn hemm il-ħtija nferrxu l-maħfra, fejn hemm il-firda nġibu l-għaqda. Hekk ikun.

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.