Il-Papa f’Santa Marta: Biex nagħrfu lil Ġesù

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħamis, 26 ta’ Settembru 2013: Biex nagħrfu tassew lil Ġesù hemm bżonn li nitkellmu miegħu, niddjalogaw miegħu waqt li nsegwu fi triqtu. Il-Papa Franġisku ċċentra proprju fuq l-għarfien ta’ Ġesù l-omelija tal-quddiesa ċċelebrata dalgħodu, il-Ħamis 26 ta’ Settembru 2013, fil-kappella tad-Dar Santa Marta.

Il-Papa ħa spunt mis-silta tal-Evanġelju ta’ Luqa (9, 7-9) li fiha Erodi jistaqsi dwar min hu Ġesù li dwaru tant kien qed jisma’ min jitkellem. Il-persuna ta’ Ġesù, fakkar il-Papa, qanqlet dejjem mistoqsijiet ta’ dan it-tip: Min hu dan? Minn fejn hu? Naħsbu dwar Nazaret, per eżempju, fis-sinagoga ta’ Nazaret, meta mar hemm l-ewwel darba: Imma fejn tgħallem dawn il-ħwejjeġ? Aħna nafuh sewwa: huwa bin il-mastrudaxxa. Naħsbu dwar Pietru u l-Appostli wara dik it-tempesta, dak ir-riħ li Ġesù sikket. Imma min hu dan li saħansitra s-sema u l-art, ir-riħ, ix-xita u t-tempesta jobduh? Imma min hu?

Mistoqsijiet, spjega l-Papa, li jistgħu jsiru b’kurżità jew biex ikollok sikurezza dwar kif għandek iġġib ruħek quddiemu. Jibqa’ madankollu l-fatt li kull min jaf lil Ġesù jagħmel dawn il-mistoqsijiet. Anzi, xi wħud, kompla l-Papa waqt li reġa’ dar għas-silta evanġelika, jibdew iħossu biża’ minn dan il-bniedem, għaliex jista’ jwassal għal konflitt mar-Rumani; u allura jaħsbu li ma jagħtux kasu kemm jistgħu lil dan il-bniedem li joħloq tant problemi.

Għaliex, staqsa l-Papa, Ġesù joħloq il-problemi? Huwa wieġeb li ma tistax tagħraf lil Ġesù mingħajr ma jkollok problemi. U żied li, b’mod paradossali, jekk trid li jkollok problema, kompli miexi fit-triq li twasslek biex tagħraf lil Ġesù u allura jitqanqlu tant problemi. Hu x’inhu, lil Ġesu ma tistax tagħrfu fl-ewwel klassi jew fit-trankwillità, wisq inqas fil-bibljoteka. Lil Ġesù tagħrfu biss fil-mixja tal-ħajja ta’ kuljum.

U nistgħu nagħrfuh, saħaq il-Qdusija Tiegħu, ukoll fil-katekiżmu. Dan huwa minnu! Il-katekiżmu, huwa ppreċiża,  jgħallimna tant affarijiet dwar Ġesù u hemm bżonn li nistudjawh, hemm bżonn li nitgħallmuh. Hekk nitgħallmu li Bin Alla ġie biex isalvana u nifhmu, mis-sbuħija tal-istorja tas-salvazzjoni, l-imħabba tal-Missier. Iżda jibqa’ l-fatt li l-għarfien ta’ Ġesù wkoll permezz tal-katekiżmu mhuwiex biżżejjed.  Li ssir tafu b’moħħok huwa diġà pass ’il quddiem, imma lil Ġesù hemm bżonn li nagħrfuh fid-djalogu miegħu, fit-talb, għarkupptejna. Jekk ma titlobx, jekk ma titkellimx ma’ Ġesù, int ma tagħrfux, qal il-Papa.

Hemm fl-aħħarnett it-tielet triq biex tagħraf lil Ġesù. Din hija s-sekwenza, li tmur miegħu, li timxi miegħu, timxi t-toroq tiegħu. U waqt li timxi miegħu, tagħraf lil Ġesù bil-lingwaġġ tal-azzjoni. Jekk inti tagħraf lil Ġesù b’dawn it-tliet lingwaġġi: tal-moħħ, tal-qalb, tal-azzjoni, allura tkun tistà tgħid li għaraftu lil Ġesù. Li tagħmel dan it-tip ta’ għarfien jinvolvi l-konvolġiment personali. Ma tistax tagħraf lil Ġesù, reġa’ tenna l-Papa, mingħajr ma tinvolvi ruħek miegħu, mingħajr ma tilgħab ħajtek għalih. Mela biex tagħrfu tassew hemm bżonn li taqra dak li l-Knisja tgħid dwaru, titkellem miegħu u timxi għal għonq triqtu miegħu. Din hija t-triq u kull wieħed irid jagħmel l-għażla tiegħu, temm jgħid il-Qdusija Tiegħu.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb


%d bloggers like this: