Il-Papa f’Santa Marta: Il-fidi mhi qatt fatt privat

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħamis, 28 ta’ Novembru 2013: Il-projbizzjoni li naduraw lil Alla hija s-sinjal ta’ apostasija ġenerali. Din hija t-tentazzjoni l-kbira li tipprova tikkonvinċi lill-Insara biex jaqbdu triq iktar raġonevoli, iktar trankwilla, waqt li jobdu l-ordnijiet tal-poteri mondani li jippretendu li jnaqqsu r-reliġjon għal ħaġa privata. U fuq kollox ma jridux li Alla jkun adurat b’fiduċja u fedeltà. Kien proprju minn din it-tentazzjoni li l-Papa Franġisku wissa biex noqogħdu attenti huwa u jitkellem fil-quddiesa ċċelebrata l-Ħamis, 28 ta’ Novembru 2013, fil-kappella tad-Dar Santa Marta.

Bħas-soltu l-Papa ħa spunt mil-liturġija tal-Kelma li, huwa enfasizza, iġġegħilna naħsbu dwar l-aħħar jiem, għal żmien it-tmiem, għal tmiem id-dinja, għaż-żmien tal-miġja tal-Mulej Ġesù Kristu. Infatti, huwa spjega li fil-ħajja tagħna, fil-ħajja ta’ kull wieħed minna, ikollna t-tentazzjonijiet. Bosta. Id-demonju jimbuttana biex ma nkunux fidili lejn il-Mulej. Ħafna drabi b’qawwa kbira. Bħal dik id-darba li dwarha Ġesù kellem lil Pietru: id-demonju ried jgħaddik mill-għarbiel bħal qamħ. Ħafna drabi aħna kellna din it-tentazzjoni u, midinbin li aħna, waqajna. Imma fil-liturġija, qal il-Papa, illum nitkellmu dwar it-tentazzjoni universali, dwar il-prova universali, dwar il-waqt li l-ħolqien kollu, il-ħolqien kollu tal-Mulej, isib ruħu quddiem din it-tentazzjoni bejn Alla u l-ħażen, bejn Alla u l-prinċep ta’ din id-dinja.

Mill-bqija, huwa kompla, ma’ Ġesù d-demonju beda jagħmel din il-prova fil-bidu ta’ ħajtu fid-deżert. U fittex li jikkonvinċih biex jaqbad triq oħra, iktar raġonevoli, iktar trankwilla, inqas perikoluża. Fl-aħħar wera l-intenzjoni tiegħu: ‘Jekk inti tadurani, jien nagħtik dan kollu!’ Ipprova jkun l-alla ta’ Ġesù. U Ġesù stess, enfasizza l-Papa, kellu mbagħad bosta provi tul ħajtu pubblika: l-insulti, il-kalunji, jew meta ppreżentaw ruħhom quddiemu b’mod ipokritu biex jippruvawh. Ukoll fl-aħħar ta’ ħajtu kien ippruvat mill-prinċep ta’ din id-dinja fuq is-salib: ‘Imma jekk inti bin Alla inżel u aħna lkoll nemmnu!’ Hekk hu, kompla l-Papa, li Ġesù sab ruħu għal darb’oħra fil-prova li jagħżel triq oħra ta’ salvazzjoni. Imma fl-aħħar il-qawmien ta’ Ġesù seħħ permezz tat-triq li ried il-Missier u mhux minn dik li ried il-prinċep ta’ din id-dinja.

Fil-liturġija, qal il-Papa, illum il-Knisja ġġegħilna naħsbu dwar tmiem din id-dinja. Għaliex din trid tintemm. Il-faċċata ta’ din id-dinja tgħib. U hemm kelma fl-Evanġelju li tolqotna biżżejjed: ‘dawn l-affarijiet kollha jridu jseħħu’. Imma sa meta rridu nistennew? It-tweġiba jagħtihielna l-Evanġelju ta’ Luqa (20, 21-28), li hija ‘sakemm iż-żminijiet tal-pagani ma jkunux kompluti.’ U infatti, qal il-Papa, il-pagani wkoll għandhom żmien ta’ twettiq: il-kairòs tal-pagani. Huma, huwa tenna, għandhom kairòs li jkun dan, it-trijonf finali: Ġerusalemm ikkalpestata u, fl-Evanġelju naqraw, li jkun hemm sinjali fix-xemx u l-qamar u l-kwiekeb. Il-ġnus fuq l-art, b’qalbhom ittaqtaq, ma jafux x’jaqbdu jagħmlu minħabba l-ħsejjes tal-baħar u ta’ l-imwieġ; in-nies ruħhom ħierġa bil-biża’ billi jobsru x’ikun ġej fuq id-dinja, għax il-qawwiet tas-smewwiet jitqallbu.
Fil-prattika din hija l-kalamità, ippreċiża l-Papa. Imma meta Ġesù jitkellem dwar il-kalamità f’silta oħra tal-Evanġelju, jgħidilna li tkun profanazzjoni tat-tempju, profanazzjoni tal-fidi, tal-poplu. Tkun l-abominazzjoni. Tkun id-deżolazzjoni tal-abominazzjoni (Danjel 9, 27). Xi jfisser dan? Dan ikun bħal trijonf tal-prinċep ta’ din id-dinja, it-telfa ta’ Alla. Ikun donnu li hu, f’dak il-waqt finali ta’ kalamità, jimpadronixxi ruħu minn din id-dinja hekk li jsir qisu padrun tad-dinja.

Il-Papa Franġisku mbagħad spjega, kif nistgħu nsibu fl-ewwel qari meħud mill-ktieb tal-profeta Danjel (6, 12-28), iċ-ċentru ta’ din it-triq, ta’ din il-ġlieda bejn Alla l-ħaj u l-prinċep ta’ din id-dinja. Fis-sustanza Danjel huwa kkundannat biss għall-adorazzjoni, għax jadura lil Alla. U d-deżolazzjoni tal-abominazzjoni tissejjaħ projbizzjoni tal-adorazzjoni.

F’dak iż-żmien, spjega l-Papa, wieħed ma setax jitkellem dwar reliġjon; kienet ħaġa privata. Is-sinjali reliġjużi kienu qegħdin jitneħħew u kien hemm bżonn li jkunu obduti l-ordnijiet li kienu jinħarġu mill-poteri mondani. Setgħu jsiru bosta ħwejjeġ, ħwejjeġ sbieħ, imma mhux li wieħed jadura lil Alla. Dan kien ipprojbit. Dan kien iċ-ċentru, il-kairòs ta’ dan l-atteġġjament pagan. Imma proprju meta jitwettaq dan iż-żmien, allura, iva, jiġi Hu. Bħal ma naqraw fis-silta tal-Evanġelju: ‘Huma jaraw lil Bin il-bniedem ġej fuq is-sħab b’qawwa kbira u glorja.’

Il-kelma ta’ Alla tfakkarna, kompla l-Papa, fl-Insara li jsofru żminijiet ta’ persekuzzjoni, żminijiet ta’ projbizzjoni ta’ adorazzjoni. Din hija profezija ta’ dak li jrid iseħħ lil kulħadd. Imma proprju f’waqtiet bħal dawk, jiġifieri meta ż-żminijiet tal-pagani jitwettqu, ‘qumu u għollu raskom, għaliex il-ħelsien tagħkom ikun fil-qrib.’ Infatti, spjega l-Isqof ta’ Ruma, it-trijonf, ir-rebħa ta’ Ġesù Kristu hija li twassal il-ħolqien lill-Missier fl-aħħar taż-żminijiet. Imma m’għandniex minn xiex nibżgħu. Il-Papa tenna l-wegħda ta’ Alla li jitlob minna fedeltà u sabar. Fedeltà bħal Danjel, li kien fidil lejn Alla tiegħu u adura lil Alla sat-tmiem. U sabar, għaliex ix-xagħar ta’ rasna ma jintilifx, hekk wiegħed il-Mulej.

Imbagħad Franġisku kkonkluda billi stieden għar-riflessjoni, speċjalment f’din il-ġimgħa, fuq din l-apostasija ġenerali li tissejjaħ projbizzjoni tal-adorazzjoni; u biex nagħmlu lilna nfusna din il-mistoqsija: Jien nadura lill-Mulej? Jien nadura lil Ġesù Kristu l-Mulej? Jew ftit jew wisq nofs u nofs u nilgħab il-logħba tal-prinċep tad-dinja? Li naduraw sat-tmiem b’fiduċja u fedeltà hija l-grazzja li jmissna nitolbu.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb


%d bloggers like this: