Il-Papa f’Santa Marta: Nitolbu lil Alla għall-vokazzjonijiet

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn, 3 ta’ Marzu 2014: Nitolbu lil Alla għall-vokazzjonijiet u biex jibgħat saċerdoti u sorijiet li qalbhom tkun biss għaliH, ħielsa mill-idolatrija, mill-vanità, mill-poter u mir-rabta mal-flus.  Din l-eżortazzjoni għamilha l-Papa Franġisku dalgħodu waqt il-quddiesa fid-Dar Santa Marta.  L-Evanġelju tar-raġel għani li jinxteħet f’riġlejn Ġesù biex jitolbu jgħidlu x’kellu jagħmel biex jikseb il-ħajja ta’ dejjem, kien il-qofol tal-omelija tal-Papa Franġisku.  Dan ir-raġel, enfasizza l-Papa, kellu tant ħerqa biex jisma’ kliem Ġesù.  Kien raġel tajjeb għax sa minn żgħożitu kien josserva l-kmandamenti.  Għalhekk kien raġel tajjeb.  Imma dan ma kienx biżżejjed għalih, ried aktar.

L-Ispirtu s-Santu kien qed jimbuttah.  Ġesù jagħtih ħarsa ħanina u jagħmillu proposta: ‘Bigħ kollox u ejja warajja biex ixxandar l-Evanġelju.’  Imma dak, malli sema’ dak il-kliem, qarras wiċċu u telaq lil hinn b’qalb tqila għax kien għani ħafna.

Qalbu kienet inkwieta.  Proprju l-Ispirtu s-Santu kien qed jimbuttah biex jersaq qrib Ġesù u jsegwih.  Kienet qalb mimlija u hu ma kellux il-kuraġġ li jiżvojtaha.  U għamel għażla: il-flus.  Qalb mimlija bil-flus… Imma ma kienx ħalliel, jew għamel xi reat, le, le u le!  Kien raġel tajjeb: qatt ma kien seraq, qatt!  Qatt ma qarraq: flusu kienu onesti.  Imma qalbu kienet ilsira tagħhom, kien marbut mal-flus u ma kellux il-libertà li jagħżel.  Il-flus għamlu l-għażla għalih.

Kemm żgħażagħ, kompla l-Papa, iħossu f’qalbhom din is-sejħa biex jersqu ħdejn Ġesù u jħossuhom entużjasti, ma jistħux jinżlu għarkupptejhom quddiemu, li juru pubblikament il-fidi tagħhom f’Ġesù Kristu u jridu jsegwuh, imma meta jkollhom qalbhom mimlija b’xi ħaġa oħra u ma jkollhomx tant kuraġġ biex jiżvujtawha, jerġgħu lura, u dak il-ferħ jinbidel fi dwejjaq.  Anke llum hemm tant żgħażagħ li għandhom il-vokazzjoni, imma kultant ikun hemm xi ħaġa li twaqqafhom.

Jeħtieġ nitolbu biex il-qalb ta’ dawn iż-żgħażagħ titbattal, titbattal minn interessi oħra, imħabbiet oħra, biex qalbhom tikseb il-libertà.  Din hi t-talba għall-vokazzjonijiet: ‘Mulej ibagħtilna sorijiet, ibagħtilna saċerdoti, iddefendihom mill-idolatrija tal-vanità, mill-idolatrija tal-kburija, mill-idolatrija tal-poter, mill-idolatrija tal-flus.’  U t-talba tagħna ssir biex inħejju lil dawn il-qlub ħalli jkunu jistgħu jsegwu lil Ġesù mill-qrib.  Ir-raġel ta’ dan l-Evanġelju – afferma l-Papa – hu tant tajjeb imma wkoll tant infeliċi.  Hawn bosta żgħażagħ bħalu llum.  Għalhekk huwa  meħtieġ li nagħmlu talb ħerqan lil Alla.

Din hija t-talba: ‘Mulej, għin lil dawn iż-żgħażagħ biex ikunu liberi u ma jkunux skjavi, biex ikollhom qalbhom għalik biss, u b’hekk is-sejħa tal-Mulej tkun tista’ tasal, tkun tista’ tagħti l-frott.’  U din hi t-talba għall-vokazzjonijiet.  Irridu ngħiduha ħafna drabi: nitolbu.  Imma noqogħdu dejjem attenti.  Għax hawn vokazzjonijiet, imma rridu ngħinu biex dawn jikbru, biex il-Mulej ikun jista’ jidħol f’dawk il-qlub u jtihom dan il-ferħ li ma jitfissirx u glorjuż li jkollha kull persuna li ssegwi lil Ġesù mill-qrib, temm il-Papa.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija, Rabat, Malta

%d bloggers like this: