Il-Papa f’Santa Marta: Min fil-Knisja hu msejjaħ biex jamministra s-Sagramenti, għandu jħalli spazju għall-grazzja t’Alla u mhux joħloq ostakoli ‘burokratiċi’

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħamis, 8 ta’ Mejju 2014: Min fil-Knisja hu msejjaħ biex jamministra s-Sagramenti, għandu jħalli spazju għall-grazzja t’Alla u mhux joħloq ostakoli ‘burokratiċi’.  Hekk afferma l-Papa Franġisku fl-omelija li għamel dalgħodu waqt il-quddiesa fid-Dar Santa Marta.

Huwa Alla li jevanġelizza, saħaq il-Papa Franġisku.  Din il-verità hija l-oppost tal-burokrazija żejda fil-Knisja, burokrazija li xi kultant hija ostakolu għall-persuni li jridu jersqu qrib ta’ Alla.

Il-mudell li rridu nħarsu lejh, qal il-Papa Franġisku, hu l-Appostlu Filippu, li s-silta mill-Atti tal-Appostli li ttina l-liturġija tallum, turi t-tliet kwalitajiet ċarissimi li jeħtieġ li jkollu n-Nisrani: doċilità għall-Ispirtu, djalogu, fiduċja fil-grazzja.

L-ewwel waħda tidher fil-waqt li l-Ispirtu juri lil Filippu li għandu jieqaf minn dak li kien qed jagħmel u jmur jiltaqa’ mal-karozzella li kienet qed tivvjaġġa bejn Ġerusalemm u Gaża u li fuqha kien hemm il-ministru tar-reġina tal-Etjopja.  Filippu jobdi:  huwa mans għas-sejħa tal-Mulej.  Żgur li ħalla warajh ħafna affarijiet li kellu jagħmel, għax dak iż-żmien l-Appostli kienu impenjati ħafna bl-evanġelizzazzjoni.  Imma ħalla kollox u mar.  Dan jurina li mingħajr din id-doċilità għal-leħen tal-Mulej, ħadd ma jista’ jevanġelizza, ħadd ma jista’ jħabbar lil Ġesù; l-aktar li jkun jista’ jagħmel hu li jħabbar lilu nnifsu!  Huwa Alla li jsejjaħ, huwa Alla li lil Filippu jurih it-triq.  U Filippu jmur, huwa doċli.

Għal Filippu, il-laqgħa mal-ministru Etjopiku ssir okkażjoni ta’ evanġelizzazzjoni.  Imma din it-tħabbira, spjega l-Papa Franġisku, mhix xi tagħlima li tiġi minn fuq, impożizzjoni.  Hija djalogu li l-Appostlu jibda b’rispett lejn is-sensibilità spiritwali ta’ dak li kien qed jitkellem miegħu, li kien qed jaqra bla ma jifhem silta mill-Profeta Iżaija.

Ma tistax issir evanġelizzazzjoni mingħajr id-djalogu:  ma tistax.  Għax int trid titlaq eżatt minn fejn tinsab il-persuna li qed tkun evanġelizzata.  Kemm hu importanti dan! ‘Imma padre, jintilef wisq żmien, għax kulħadd għandu l-istorja tiegħu, jiġi b’dik u l-oħra, bl-ideat tiegħu…  U jintilef iż-żmien…’  Kemm tilef żmien Alla biex ħalaq id-dinja u għamilha tajba, esklama l-Papa! Id-djalogu.  Taħli ż-żmien mal-persuna l-oħra, għax dik il-persuna hi dik li Alla jridek tevanġelizzaha, ittiha l-aħbar ta’ Ġesù: dak hu l-aktar importanti.  Kif inhi dik il-persuna jgħodd, mhux kif suppost għandha tkun;  kif inhi issa jgħodd.

Il-kliem ta’ Filippu jqanqal fil-ministru Etjopiku x-xewqa li jitgħammed u fl-ewwel nixxiegħa ta’ ilma li jsib mat-triq hekk jiġri.  Filippu jamministra l-Magħmudija lill-ministru Etjopiku u jwasslu, osserva l-Papa, f’dirgħajn Alla, fil-grazzja tiegħu.  U min-naħa tiegħu, il-ministru, kompla jispjega Franġisku, kiseb il-ħila li jxerred il-fidi – u forsi dan jgħinna nifhmu aħjar li l-evanġelizzatur huwa Alla.

Naħsbu fit-tliet mumenti tal-evanġelizzatur, temm jgħid Franġisku: l-ewwel, id-doċilità għall-evanġelizzazzjoni, li nagħmlu dak li jibgħatna nagħmlu Alla; t-tieni: id-djalogu mal-persuni, imma fid-djalogu rridu nitilqu minn fejn tinsab il-persuna; u t-tielet, nafdaw fil-grazzja: hija ferm aktar importanti l-grazzja mill-burokrazija kollha.

X’inhu dak li jfixkel lill-ieħor?  Niftakru dan:  tant drabi fil-Knisja aħna nkunu ditta li toħloq l-impedimenti u ma tħallix lill-persuni jaslu għall-grazzja.  Jalla l-Mulej jgħinna nifhmu dan.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija, Rabat, Malta

%d