Il-Papa f’Santa Marta: Il-ħwejjeġ t’Alla ma nistgħux nifhmuhom b’moħħna biss, jeħtieġ niftħu qlubna għall-Ispirtu s-Santu

Print Friendly, PDF & Email

Il-Tlieta, 13 ta’ Mejju 2014: Il-ħwejjeġ t’Alla ma nistgħux nifhmuhom b’moħħna biss, jeħtieġ niftħu qlubna għall-Ispirtu s-Santu, afferma l-Papa Franġisku dalgħodu, waqt il-quddiesa fid-Dar Santa Marta. Franġisku kompla jafferma li l-fidi hi rigal mingħand Alla imma ma nistgħux ngħixuha jekk ninqatgħu mill-poplu tiegħu u mill-Knisja. 

Il-qari tal-ġurnata, osserva l-Papa Franġisku, jurina żewġ gruppi ta’ nies.  Fl-ewwel qari hemm dawk li tferrxu minħabba l-persekuzzjoni li faqqgħet wara l-mewt ta’ Stiefnu.  Tferrxu bħaż-żerriegħa  tal-Evanġelju – qal il-Papa – u jwassluha kullimkien.  Għall-bidu kienu jkellmu biss lil-Lhud.  Imbagħad, b’mod naturali, xi wħud minnhom li waslu Antjokja, bdew ikellmu wkoll lill-Griegi.

B’hekk, bil-ftit il-ftit, fetħu l-bibien għall-Griegi u għall-pagani.  Meta waslet l-aħbar f’Ġerusalemm, fakkar il-Papa, Barnaba ntbagħat f’Antjokja biex jagħmel żjara ta’ kontroll. U kulħadd kien kuntent għax folla kbira ngħaqdet mal-Mulej.

Dawn in-nies, żied il-Papa, ma qalux: ‘L-ewwel immorru għand il-Lhud, imbagħad għand il-Griegi, u wara għand il-pagani.’  Le!  Ħallew lill-Ispirtu s-Santu jmexxihom!  Kienu doċli għall-Ispirtu s-Santu.  Imbagħad, kompla jgħid Franġisku, ħaġa ġġib lill-oħra u jispiċċaw biex jiftħu l-bibien għal kulħadd, anke għall-pagani, li fil-mentalità tagħhom kienu jitqiesu impuri.  Fetħu l-bibien għal kulħadd.  Dan, tenna l-Papa, hu l-ewwel grupp ta’ persuni, dawk li huma doċli għall-Ispirtu s-Santu. 

Xi drabi, żied jgħid Franġisku, l-Ispirtu s-Santu jimbuttana biex nagħmlu ħwejjeġ iebsa kif għamel ma’ Filippu meta bagħtu jgħammed lill-ministru Etjopiku, kif għamel ma’ Pietru meta bagħtu jgħammed lil Kornelju.  Drabi oħra, l-Ispirtu s-Santu jmexxina bil-ħlewwa, u hija virtù li nħalluh imexxina Hu, li ma nagħmlux reżistenza għall-Ispirtu s-Santu.  L-Ispirtu llum jaħdem fil-Knisja, jaħdem f’ħajjitna.   

Xi ħadd jista’ jgħidli: ‘Qatt ma rajtu!’  Imma oqgħod attent għal dak li jiġri, għal dak li jiġik f’moħħok, dak li tħoss f’qalbek.  Affarijiet tabin?  Hu l-Ispirtu s-Santu li qed jgħidlek timxi dik it-triq.  Meħtieġa d-doċilità, id-doċilità għall-Ispirtu s-Santu.

It-tieni grupp li jippreżentawlna s-siltiet tallum hu dak tal-intellettwali li jersqu lejn Ġesù fit-tempju: huma l-imgħallmin tal-Liġi.  Ġesù, osserva l-Papa, dejjem kellu l-inkwiet ma’ dawn għax qatt ma riedu jifhmu, dejjem kienu jduru madwar l-istess affarijiet għax kienu jaħsbu li r-reliġjon kienet xi ħaġa tal-moħħ biss, liġijiet.  Għalihom kien importanti tobdi l-kmandamenti u xejn aktar.  Qatt ma kienu jimmaġinaw li jeżisti l-Ispirtu s-Santu.  Kienu jinterrogaw lil Ġesù, riedu jiddiskutu.  Kollox kien f’rashom u fl-intellett.  F’dawn in-nies, qal il-Papa, m’hemmx qalb, m’hemmx imħabba u sbuħija, m’hemmx armonija; huma nies li kulma jridu hu spjegazzjoni.  Imbagħad inti ttihielhom l-ispjegazzjoni u huma, mingħajr konvinzjoni, jagħmlulek mistoqsija oħra.

B’hekk iduru, iduru… kif kienu jduru ma’ Ġesù tul ħajtu kollha sakemm irnexxielhom jaqbduh u joqtluh!  Dawn ma jiftħux qalbhom għall-Ispirtu s-Santu!  Jaħsbu wkoll li l-affarijiet t’Alla tista’ tifhimhom b’moħħok biss, bl-ideat, bl-ideat tagħhom.  Huma suppervi.  Jidhrilhom li jafu kollox.  U dak li ma jidħolx fl-intelliġenza tagħhom allura mhux veru.  Inti tista’ tqajjem lil xi ħadd mill-mewt quddiemhom, imma huma jibqgħu ma jemmnux!

Ġesù ma jibqax hemm, imur aktar lil hinn u jgħid xi ħaġa qawwija ħafna: ‘Intom ma temmnux għax m’intomx mill-merħla tiegħi!’  Intom ma temmnux għax m’intomx mill-poplu ta’ Iżrael.  Intom tagħmlu parti mill-aristokrazija tal-intellett.  Dan l-atteġġjament, wissa l-Papa, jagħlaq il-qlub.  Huma ċaħdu lill-poplu tagħhom.

Dawn in-nies kienu tbiegħdu mill-poplu t’Alla u għalhekk ma setgħux jemmnu.  Il-fidi hija rigal t’Alla!  Imma l-fidi tiġi jekk int tkun parti mill-poplu tiegħu:  jekk int bħalissa tinsab fil-Knisja, jekk int megħjun mis-Sagramenti, minn ħutek, mill-assemblea, jekk int temmen.  Din il-Knisja hija l-poplu t’Alla.

Imma dawn in-nies kienu ddistakkaw ruħhom, ma kinux jemmnu fil-poplu t’Alla, kienu jemmnu biss fl-ideat tagħhom.  U b’hekk kienu bnew sistema ta’ kmandamenti li kienet tbiegħed in-nies: kienu jkeċċu n-nies u ma kinux iħalluhom jidħlu fil-Knisja, fil-poplu.  Ma setgħux jemmnu! Dan hu d-dnub: ir-reżistenza għall-Ispirtu s-Santu.

Żewġ gruppi ta’ nies, tenna l-Papa, dawk mimlijin ħlewwa: dawn in-nies ħewlin, umli, miftuħin għall-Ispirtu s-Santu; u l-oħrajn, kburin, mimlijin bihom infushom, suppervi, maqtugħin mill-poplu, aristokratiċi tal-intellett, li jagħlqu l-bibien u jirreżistu lill-Ispirtu s-Santu.

Din mhix ras iebsa, kompla jgħid il-Papa, din hi xi ħaġa aktar: hi qalb iebsa! Dan hu aktar perikoluż.  Meta naraw dawn iż-żewġ gruppi ta’ nies, qal il-Qdusija Tiegħu, jagħmlilna tajjeb nitolbu lill-Mulej il-grazzja li nkunu doċli għall-Ispirtu s-Santu biex nimxu ’l quddiem fil-ħajja, inkunu kreattivi, inkunu ferriħin, għax dawk l-oħrajn ma kellhomx ferħ f’qalbhom.  U fejn hemm il-gdiedem, afferma Franġisku, ma jkunx hemm l-Ispirtu ta’ Alla.

Għalhekk nitolbu l-grazzja tad-doċilità u jalla l-Ispirtu s-Santu jgħinna niddefendu ruħna minn dan l-ispirtu ħażin tas-suffiċjenza, tal-kburija, tas-suppervja, tal-qalb magħluqa għall-Ispirtu s-Santu, temm il-Papa.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija, Rabat, Malta

%d bloggers like this: