Il-Knisja hi Omm (II): tgħallimna l-opri tal-ħniena


6. Katekeżi dwar il-Knisja mill-Papa Franġisku. 10 ta’ Settembru 2014

Nirringrazzjakom taż-żjara tagħkom, grazzi ħafna. Nitlobkom iżżommuni fit-talb tagħkom, tinsewx, eħ!, biex nista’ nibqa’ għaddej b’xogħli. Jiena nitlob għalikom ilkoll u għat-tfal. U issa, ilkoll flimkien, nitolbu lill-Madonna u nagħtikom il-barka tiegħi. [Ave Maria] Il-jum it-tajjeb, u ħarsu ’l quddiem, eħ! Grazzi lilkom! Grazzi.

Il-Knisja

6. Il-Knisja hi Omm (II): tgħallimna l-opri tal-ħniena

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba.

Tul il-mixja tagħna ta’ katekeżi fuq il-Knisja, waqafna biex naraw kif il-Knisja hi omm. L-aħħar darba tkellimt fuq kif il-Knisja tgħinna nikbru u, bid-dawl u l-qawwa tal-Kelma ta’ Alla, turina t-triq tas-salvazzjoni, u tħarisna mill-ħażin. Il-lum nixtieq nitkellem fuq aspett partikulari ta’ din l-azzjoni edukattiva ta’ ommna l-Knisja, jiġifieri fuq kif hi tgħallimna l-opri tal-ħniena.

Edukatur tajjeb jimmira lejn l-essenzjal. Ma jintilifx fid-dettalji, imma jaħseb kif ħa jittrasmetti dak li tabilħaqq jiswa biex l-iben jew l-istudent isib is-sens u l-ferħ tal-ħajja. Din hi l-verità. U l-essenzjal, skond il-Vanġelu, hu l-ħniena. L-essenzjal tal-Vanġelu hu l-ħniena. Alla bagħtilna lil Ibnu, Alla sar bniedem biex jifdina, jiġifieri biex jagħtina l-ħniena tiegħu. Dan jgħidu ċar Ġesù, meta jiġbor it-tagħlim tiegħu għad-dixxipli: “Ħennu, bħalma hu ħanin Missierkom” (Lq 6:36). Jista’ jeżisti Nisrani li ma jurix ħniena? Le. In-Nisrani neċessarjament għandu jkun ħanin, għax din hi l-qalba tal-Vanġelu. U, fidila lejn dan it-tagħlim, il-Knisja ma tagħmilx ħlief ittenni l-istess ħaġa lil uliedha: “Ħennu”, kif iħenn il-Missier, u kif kien iħenn Ġesù. Ħniena.

U għalhekk il-Knisja ġġib ruħha bħal Ġesù. Ma toqgħodx tagħmel lezzjonijiet teoriċi fuq l-imħabba, fuq il-ħniena. Ma xxerridx fid-dinja filosofija, triq ta’ għerf… Bla dubju, il-Kristjaneżmu hu dan ukoll, imma b’konsegwenza ta’ xi ħaġa oħra, b’rifless. Il-Knisja omm, bħal Ġesù, tgħallem bl-eżempju, u l-kliem iservi biex idawwal it-tifsira tal-ġesti tagħha.

Il-Knisja omm tgħallimna nagħtu jiekol u jixrob lil min hu bil-ġuħ u bil-għatx, inlibbsu lil min hu għeri. U kif tagħmlu? Tagħmlu bl-eżempju ta’ tant qaddisin li dan għamluh b’mod tassew eżemplari; imma tagħmlu wkoll bl-eżempju ta’ tant missirijiet u ommijiet, li jgħallmu lil uliedhom li dak li jibqa’ żejjed għalina qiegħed hemm għal min hu nieqes mill-meħtieġ. Dan importanti nkunu nafuh. Fil-familji Nsara l-iżjed sempliċi dejjem kienet sagra r-regola ta’ l-ospitalità: qatt ma jonqos il-platt jew is-sodda għal min hu fil-bżonn. Darba waħda, kien hemm omm li rrakkontatli – fid-djoċesi ta’ qabel – li dan riedet tgħallmu lil uliedha u kienet tgħidilhom biex jgħinu u jagħtu jiekol lil min hu bil-ġuħ; kellha tlieta. U darba waħda waqt ħin l-ikla ta’ nofs in-nhar – il-missier kien barra fuq xogħol, kienet hi flimkien ma’ wliedha, ċkejknin, ta’ 7, 5, u 4 snin bejn wieħed u ieħor – semgħu l-bieb iħabbat: kien hemm raġel jittallab għal xi ħaġa ta’ l-ikel. U l-omm qaltlu: “Stenna waħda”. Daħlet u qalet lil uliedha: “Hemm wieħed hemm barra qed jitlob xi ħaġa ta’ l-ikel. X’ħa nagħmlu?”. “Nagħtuh, mamà, nagħtuh x’jiekol!”. Kull wieħed kellu fil-platt tiegħu biċċa laħam bil-patata mixwija. “Tajjeb ferm”, qaltilhom ommhom, “naqbdu nofs li għandu kull wieħed minnkom, u nagħtuh nofs il-laħam ta’ kull wieħed minnkom”. “Hekk le, mamà, hekk m’hux sew!”. “Hekk hu, int minn tiegħek trid tagħti”. U hekk din l-omm għallmet lil uliedha jagħtu mill-ikel tagħhom. dan hu eżempju sabiħ li għenni ħafna. “Imma m’għad fadalli xejn żejjed…”. “Agħti minn tiegħek!”. Hekk tgħallimna ommna l-Knisja. U intom, tant ommijiet li tinsabu hawn, tafu x’għandkom tagħmlu biex tgħallmu lil uliedkom jaqsmu ħwejjiġhom ma’ min hu fil-bżonn.

Il-Knisja omm tgħallimna nkunu qrib ta’ min hu marid. Kemm qaddisin qdew lil Ġesù b’dan il-mod! U kemm irġiel u nisa sempliċi, ta’ kuljum, iqiegħdu fil-prattika din l-opra ta’ ħniena f’xi sala ta’ l-isptar, jew ta’ dar tax-xjuħ, u f’darhom stess, billi jassistu lil xi persuna marida.

Il-Knisja omm tgħallimna nkunu qrib ta’ min hu fil-ħabs. “Imma Dun, le, dan perikuluż, għax dawn nies ħżiena”. Imma kull wieħed u waħda minn kapaċi… Isimgħuha tajjeb din: kull wieħed u waħda minna kapaċi jagħmel l-istess ħaġa li għamel dak ir-raġel jew dik il-mara li hemm il-ħabs. Ilkoll kemm aħna nafu nidinbu u nagħmlu l-istess ħaġa, niżbaljaw fil-ħajja. Dak m’hux eħżen minnek u minni! Il-ħniena tegħleb kull ħajt, kull barriera, u twasslek biex tfittex dejjem il-wiċċ tal-bniedem, tal-persuna. U hi l-ħniena li tibdel il-qalb u l-ħajja, li tista’ tagħti l-ħajja mill-ġdid lil persuna u tgħinha tinserixxi ruħha b’mod ġdid fis-soċjetà.

Il-Knisja omm tgħallimna nkunu qrib ta’ min hu mwarrab u qed imut waħdu. Dan hu li għamlet il-Beata Teresa fit-toroq ta’ Calcutta; u dan hu dak li għamlu u jagħmlu tant Insara li ma jibżgħux inwelu jdejhom lil min wasal biex iħalli din id-dinja. U anki hawn, il-ħniena timla bil-paċi lil min wasal biex jitlaq u lil min għadu hawn, u tgħinna nħossu li Alla hu ikbar mill-mewt, u li jekk nibqgħu fiH, anki dan l-aħħar distakk hu biss tislima ta’ “nerġgħu niltaqgħu”… Fehmitu tajjeb dan il-Beata Teresa! Kienu jgħidulha: “Madre, dan ħela ta’ ħin!”. Kienet issib nies moribondi fit-toroq, persuni li ġisimhom ikun ġa beda jittiekel mill-ġrieden tat-triq, u hi kienet teħodhom id-dar biex imutu nodfa, trankwilli, maħbuba, fis-sliem. Hi kienet issellmilhom u tgħidilhom “nerġgħu niltaqgħu”, lil dawn kollha… U tant irġiel u nisa għamlu l-istess bħalha. U huma issa jistennewhom, hemm [juri s-sema], fil-bieb, biex jiftħulhom il-bieb tal-Ġenna. Jgħinu lin-nies tmut sew, fil-paċi.

Għeżież ħuti, hekk hija omm il-Knisja, billi tgħallem lil uliedha l-opri tal-ħniena. Hi din it-triq tgħallmitha minn għand Ġesù, tgħallmet li dan hu l-essenzjali li jiswa għas-salvazzjoni. M’hux biżżejjed inħobbu lil min iħobbna. Ġesù jgħid li dan anki l-pagani jagħmluh. M’hux biżżejjed nagħmlu l-ġid lil min jagħmlilna l-ġid. Biex nibdlu d-dinja jeħtieġ nagħmlu l-ġid lil min ma jistax ipattilna lura, kif għamel il-Missier magħna, meta tana lil Ġesù. Kemm ħallasna aħna għall-fidwa tagħna? Xejn, kollox b’xejn ġie! Nagħmlu l-ġid mingħajr ma nistennew xi ħaġa oħra lura. Hekk għamel il-Missier magħna u aħna rridu nagħmlu l-istess. Agħmel il-ġid u imxi!

Kemm hi ħaġa sabiħa ngħixu fil-Knisja, fi ħdan ommna l-Knisja li tgħallimna dawn il-ħwejjeġ li għallimna Ġesù. Nirringrazzjaw lill-Mulej, li tana l-grazzja li għandna lill-Knisja b’ommna, hi li tgħallimna t-triq tal-ħniena, li hi t-triq tal-ħajja. Irroddu ħajr lill-Mulej.

Miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.