Il-Papa f’Santa Marta: In-Nisrani ma jistax jifhem lil Kristu Redentur mingħajr is-Salib

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ġimgħa, 26  ta’ Settembru 2014: In-Nisrani ma jistax jifhem lil Kristu Redentur mingħajr is-Salib, mingħajr ma jkun dispost li jġorru miegħu, afferma l-Papa Franġisku fl-omelija ta’ dalgħodu fil-kappella tad-Dar Santa Marta.  Kristu hu ugwali għaċ-Ċirinew.  Li jkollok il-fidi jfisser li tkun tidentifika ruħek hekk: aħna ta’ Ġesù jekk miegħu nġorru t-toqol tas-Salib.  Inkella nkunu mixjin fi triq li fid-dieher tkun tajba, imma li ma tkunx vera.

L-Evanġelju tallum, li fih insibu lil Kristu jistaqsi lid-dixxipli x’jgħidu n-nies dwaru u kellu tweġibiet mill-aktar varjati, nebbaħ ir-riflessjoni li għamel il-Papa llum.  L-episodju, osserva l-Papa, irridu narawh fil-kuntest tal-Evanġelju li fih naraw lil Ġesù jindokra b’mod speċjali l-identità vera tiegħu.  F’bosta okkażjonijiet meta xi ħadd kien ikun wasal biex jikxef il-vera identità tiegħu, Ġesù kien iwaqqfu, bħalma bosta drabi waqqaf ukoll lid-demonju biex ma jikxifx li ‘Hu kien l-Iben t’Alla li ġie biex isalva d-dinja.’

Dan biex, spjega l-Papa Franġisku, in-nies ma jaqgħux f’xi ekwivoku u jaħsbu li l-Messija kien xi ġeneral li ġie biex ikeċċi lir-Rumani.  Kien biss meta kien waħdu mat-tnax li Ġesù beda katekeżi dwar l-identità vera tiegħu.  Huwa qal li Bin il-Bniedem, jiġifieri l-Messija, il-Midluk, jeħtieġlu jbati ħafna, ikun miċħud mill-anzjani, mill-kapijiet tas-saċerdoti u mill-iskribi, imut u mbagħad jirxoxta.  Din hi t-triq tal-Messija, tal-Ġust: il-Passjoni, is-Salib.

U lilhom jgħidilhom min kien verament.  Huma ma jkunux iridu jifhmu u fl-Evanġelju ta’ San Mattew naraw li Pietru jirrifjuta dan u jgħid: ‘Le, le, Mulej…’  Imma hemm jibda jidher il-misteru tal-identità proprja tiegħu: ‘Iva, jien l-Iben t’Alla.  Din hi t-triq tiegħi: jeħtieġli ngħaddi minn din it-triq tat-tbatija.’ Din hija, spjega l-Papa Franġisku, il-pedagoġija li juża Ġesù biex iħejji l-qlub tad-dixxipli tiegħu, il-qlub tal-bnedmin, biex jifhmu l-Misteru ta’ Alla.

L-imħabba t’Alla hija tant kbira u d-dnub hu tant ikrah, kompla jgħid il-Papa Franġisku, li Hu jsalvana hekk: b’din l-identità tas-Salib.  Ma nistgħux nifhmu lil Ġesù Redentur mingħajr is-Salib: ma nistgħux nifhmuh dan!  Nistgħu forsi naslu li nifhmu li hu profeta kbir, jagħmel il-ġid, huwa qaddis.  Imma lil Kristu Redentur mingħajr is-Salib ma nistgħux nifhmuh.  Imma l-qlub tad-dixxipli, il-qlub tan-nies ma kinux lesti biex jifhmuh dan.  Ma kinux fehmu l-profeziji, ma kinux fehmu li kien proprju Hu l-Ħaruf tas-sagrifiċċju.  Ma kinux ippreparati.

Hu biss nhar Ħadd il-Palm, innota l-Papa, li Kristu jippermetti lill-folla tistqarr bejn wieħed u ieħor l-identità tiegħu meta għajtet, ‘Imbierek min ġej f’isem il-Mulej.’  U Hu stess qal li jekk ma kinux se jgħajtu n-nies kien jgħajjat minflokhom il-ġebel!

Minflok, hu biss wara mewtu li l-identità ta’ Ġesù tidher fil-milja tagħha, u l-ewwel stqarrija jgħidha ċ-ċenturjun Ruman, fakkar Franġisku li żied jgħid li Ġesù jħejjina pass, pass biex nifhmuh sewwa.  Iħejjina biex nakkumpanjawh bis-slaleb tagħna fit-triq lejn ir-redenzjoni.  Iħejjina, żied il-Qdusija Tiegħu, biex inkunu Ċirinew u ngħinuh iġorr is-Salib.  U l-ħajja nisranija tagħna mingħajr dan ma tkun nisranija xejn.  Tkun ħajja spiritwali tajba… ‘Ġesù hu l-profeta l-kbir, salvana lkoll… imma jien u Hu, le…’ Le, int timxi miegħu fl-istess triq.  Anke l-identità tagħna ta’ Nsara għandha titħares, u ma nqarrqux bina nfusna u naħsbu li l-fatt li aħna Nsara hu xi mertu, imma hu mixja spiritwali lejn il-perfezzjoni.  Mhux mertu imma grazzja pura, temm il-Papa.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija, Rabat, Malta

%d bloggers like this: