It-Tnejn, 29 ta’ Settembru 2014: Satana jippreżenta l-affarijiet qishom kienu xi ħaġa tajba imma l-intenzjoni tiegħu hi li jiddistruġġi lill-bniedem, anke għal raġunijiet ‘umanistiċi’. L-anġli jissieltu max-xitan u jiddefenduna. Dan hu l-ħsieb ewlieni tal-omelija li għamel dalgħodu l-Papa Franġisku waqt il-quddiesa fid-Dar Santa Marta fil-jum li fih il-Knisja tiċċelebra l-festa tal-Arkanġli Mikiel, Gabrijel u Rafel.
Il-qari tal-ġurnata jtina xbihat qawwijin ħafna: il-viżjoni tal-glorja t’Alla kif jirrakkuntaha l-Profeta Danjel; ta’ Bin il-Bniedem Ġesù Kristu, quddiem il-Missier; it-taqbida tal-Arkanġlu Mikiel u l-anġli tiegħu mad-dragun il-kbir, is-serpent l-antik, dak li jissejjaħ xitan u jisseduċi l-art kollha imma jisfa megħlub kif jaffermaw l-Apokalissi; u l-Evanġelju li fih Ġesù jgħid lil Natanjel: ‘Għad taraw is-sema miftuħ u l-Anġli tal-Mulej telgħin u neżlin fuq Bin il-Bniedem.’
Il-Papa Franġisku tkellem dwar it-taqbida bejn Alla u d-demonju u qal li din it-taqbida sseħħ wara li Satana jipprova jeqred lill-mara li waslet biex twelled lil binha. Satana dejjem ifittex li jeqred lill-bniedem: dak il-bniedem li Danjel kien jara hemmhekk, fil-glorja, u li Ġesù qal lil Natanjel li kellu jiġi fil-glorja.
Sa mill-bidu nett il-Bibbja tkellimna dwar dan: din is-seduzzjoni ta’ Satana biex jeqred. Forsi għall-għira. Fis-Salm 8 naqraw: ‘Int għamilt lill-bniedem ’il fuq mill-anġli’, u dik l-intelliġenza tant kbira tal-anġlu ma setgħetx toqgħod għal din l-umiljazzjoni, li kreatura inferjuri ssir superjuri. Għalhekk ipprova jeqridha.
Satana jipprova jeqred lill-umanità, lilna lkoll. Ħafna proġetti, minbarra d-dnubiet personali, tant u tant proġetti li jneżżgħu lill-bniedem mill-umanità tiegħu, huma ħidma ta’ Satana sempliċiment għax jobgħod lill-bniedem.
Satana moħħu jilħaqlu. Dan tgħidu l-ewwel paġna tal-Ġenesi: astut. Jippreżenta l-affarijiet bħalkieku kienu ħaġa tajba. Imma l-għan tiegħu hu li jeqred. U l-anġli jiddefenduna, kompla jgħid il-Qdusija Tiegħu. Jiddefendu lilna u jiddefendu lill-Bniedem/Alla, il-bniedem superjuri, Ġesù Kristu, li hu l-perfezzjoni tal-umanità, l-aktar perfett. Hu għal din ir-raġuni li l-Knisja tqim lill-anġli, għax huma dawk li huma fil-glorja t’Alla – jinsabu fil-glorja t’Alla – għax jiddefendu l-misteru kbir u mistur ta’ Alla, jiġifieri l-Verb li sar laħam.
Dmir il-poplu t’Alla, afferma l-Papa Franġisku, hu li jħares il-bniedem ta’ ġo fih: il-bniedem Ġesù għax hu l-bniedem li jagħti l-ħajja lill-bnedmin kollha. Iżda, fil-proġetti tiegħu ta’ distruzzjoni, Satana jivvinta raġunijiet umanistiċi li jmorru proprju kontra l-bniedem, kontra l-umanità u kontra Alla. It-taqbida hi realtà ta’ kuljum fil-ħajja nisranija: f’qalbna, f’ħajjitna, fil-familji tagħna, fil-poplu tagħna, fil-knejjes tagħna… Jekk ma nitqabdux, noħorġu tellifin.
Imma l-Mulej ta dan ix-xogħol prinċipalment lill-anġli: li jitqabdu u jirbħu. U wara din it-taqbida… Il-kantiku tal-aħħar tal-Apokalissi hu tant sabiħ: ‘Issa seħħet is-salvazzjoni, il-qawwa u s-Saltna ta’ Alla tagħna u l-qawwa ta’ Kristu, għax dak li xela lil ħutna, dak li kien jakkużahom quddiem Alla tagħna lejl u nhar, waqa’.’
Fl-aħħar il-Papa għamel stedina biex nitolbu lill-Arkanġli Mikiel, Gabrijel u Rafel u ngħidu dik it-talba antika imma tant sabiħa lill-Arkanġlu Mikiel biex ikompli jiġġieled ħalli jiddefendi l-akbar misteru tal-umanità: li l-Verb sar bniedem, miet u rxoxta. Dan hu t-teżor tagħna. Jalla hu jkompli jissielet biex iħarsu, temm jgħid Franġisku.
Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija, Rabat, Malta