It-Tlieta, 30 ta’ Settembru 2014: Fil-waqtiet mudlama anke l-ilment isir talba, imma rridu noqogħdu attenti mill-ilmenti teatrali. Din l-affermazzjoni l-Papa Franġisku għamilha dalgħodu hu u jirrifletti dwar l-ewwel qari tal-liturġija tallum, meħud mill-Ktieb ta’ Ġob. Il-Qdusija Tiegħu fakkar f’dawk l-Insara li qed jgħixu traġedji kbar għax imkeċċijin minn djarhom minħabba l-fidi.
Ġob jisħet il-jum li twieled. It-talba tiegħu tidher qisha saħta. Ġob kien għadda minn provi ibsin: kien tilef il-familja, ġidu kollu, saħħtu, u ġismu kien sar pjaga waħda, pjaga mistkerrha. F’dak il-mument hu kien tilef il-paċenzja, qal il-Papa, u jibda jgħid dawn l-affarijiet. Huma affarijiet koroh! Imma hu minn dejjem kien imdorri jitkellem bil-verità u din kienet il-verità li kien qiegħed iħoss dak il-ħin.
Anke Ġeremija, fakkar il-Papa, juża kważi l-istess kliem: ‘Misħut il-jum li fih twelidt!’ Imma dal-bniedem qiegħed jidgħi? Din hi l-mistoqsija li nagħmel lili nnifsi. Dal-bniedem, waħdu, abbandunat, b’dak li jgħid qed jidgħi? Meta Ġesù jilmenta u jgħid: ‘Missier għaliex abbandunajtni?’, kien qed jidgħi? Tant drabi, żied il-Papa, smajt nies li jkunu għaddejjin minn sitwazzjonijiet diffiċli, ta’ dwejjaq, li tilfu kollox, jew iħossuhom waħedhom u abbandunati, jilmentaw u jagħmlu dawn il-mistoqsijiet: ‘Għaliex? Għaliex?’ Jirribellaw kontra Alla. U jiena ngħid: kompli itlob hekk, għax anke dan hu talb. Kienet talba wkoll anke meta Ġesù qal lill-Missier, ‘Għaliex abbandunajtni?’
Hawnhekk Ġob qiegħed jagħmel talba. Għaliex, osserva l-Papa, it-talb hu meta nsiru verità quddiem Alla. U Ġob ma setax jitlob mod ieħor. Nitolbu bil-verità. Il-veru talb jiġi minn qalbna, mill-mument li nkunu qed ngħixu, meta ma narawx aktar tama jew meta ebda xefaq ma jkun jidher quddiemna.
Tant nies illum jinsabu fis-sitwazzjoni ta’ Ġob. Tant nies twajba, bħal Ġob, ma jifhmux xi jkun ġralhom, għaliex ġralhom dak li ġralhom. Tant aħwa li m’għandhomx tama. Naħsbu ftit fit-traġedji, fit-traġedji l-kbar, per eżempju dawk ħutna li, għax Insara, tkeċċew minn djarhom u baqgħu b’ta’ fuqhom senduqhom. ‘Imma, Mulej, jien emmint fik: għaliex? Li nemmen fik hija saħta, Mulej?’ Niftakru fl-anzjani mwarrbin, kompla l-Papa, niftakru fil-morda, f’tant nies waħedhom, fl-isptarijiet. Il-Knisja titlob għal dawn in-nies kollha u anke għalina meta nsibu ruħna fit-triq mudlama. Il-Knisja titlob! Tieħu fuq spallejha dawn it-tbatijiet, u titlob.
U aħna, meħlusin mill-mard, mitmugħin, li ma neħtiġux affarijiet importanti, widdeb il-Papa, malli nħossu ftit dlam f’ruħna, naħsbu li sirna martri u nieqfu nitolbu. U hemm min jgħid: ‘Irrabjat għal Alla, mhux se mmur aktar nisma’ l-quddies!’ Imma għaliex, staqsa l-Papa? Għal xi ħaġa żgħira…
Franġisku fakkar li fl-aħħar xhur ta’ ħajjitha, Santa Tereża tal-Bambin Ġesù, waqt li kienet tipprova taħseb dwar is-sema, kienet tħoss ġo fiha bħal leħen li jgħidilha: ‘Tkunx belha, tibnix fantasiji. Taf x’hemm jistenniek? Il-baħħ!’
Tant drabi nsibu ruħna f’din is-sitwazzjoni, ngħixu din l-esperjenza. U hawn tant nies li jaħsbu li aħna se nispiċċaw fix-xejn. U Santa Tereża kienet titlob u titlob għall-qawwa biex tkompli miexja ’l quddiem fid-dlam. Dan insejħulu: twaħħid mal-paċenzja.
Ħajjitna hi wisq faċli, l-ilmenti tagħna huma lmenti teatrali. Quddiem dawn, quddiem l-ilmenti ta’ tant nies, tant ħutna li jinsabu fid-dlam, li kważi tilfu l-fakra, kważi tilfu t-tama, li jgħixu f’eżilju minnhom infushom,… huma eżiljati, jgħixu fil-baħħ! U Ġesù għadda minn dit-triq: mil-lejl fuq l-Għolja taż-Żebbuġ sal-aħħar kelma fuq is-Salib: ‘Missier, għaliex abbandunajtni?’
Allura l-Papa Franġisku issuġġerixxa żewġ affarijiet li jistgħu jgħinu: l-ewwel – inħejju ruħna għal meta jaqa’ fuqna d-dlam, li forsi ma jkunx tant iebes bħalma kien għal Ġob, imma li se jmissna żgur. Inħejju qlubna għal dak il-mument. It-tieni: Nitolbu kif titlob il-Knisja, mal-Knisja, għal tant ħutna li qegħdin taħt il-madmad tal-eżilju minnhom infushom, fid-dlam, fit-tbatija, mingħajr tama.
Din hija t-talba tal-Knisja – temm il-Papa – għal dawn in-nies li nistgħu nsjeħulhom ‘Ġesù fit-Tbatija’, li nsibuhom kullimkien.
Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija, Rabat, Malta