Katekeżi Knisja, Papa Franġisku, Udjenza Ġenerali

Il-Knisja – Kariżmi: diversità u għaqda


8. Katekeżi dwar il-Knisja mill-Papa Franġisku. 1 t’Ottubru 2014

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba.

Il-Mulej sawwab sa mill-bidu fuq il-Knisja d-doni ta’ l-Ispirtu tiegħu, u hekk għamilha dejjem ħajja u għammiela bid-doni ta’ l-Ispirtu s-Santu. Fost dawn id-doni, jingħażlu xi wħud li huma partikularment prezzjużi għall-bini u l-mixja tal-komunità Nisranija: dawn huma l-kariżmi. F’din il-katekeżi nixtiequ nsaqsu lilna nfusna: X’inhi eżattament kariżma? Kif għandna nagħrfuha u nilqgħuha? U fuq kollox: il-fatt li fil-Knisja hemm diversità u kotra ta’ kariżmi, għandna nħarsu lejh f’sens pożittiv, bħala xi ħaġa sabiħa, jew bħala problema?

Fil-lingwaġġ komuni, meta nitkellmu fuq “kariżma”, spiss inkunu nfissru talent, ħila naturali. Ngħidu: “Din il-persuna għandha kariżma speċjali biex tgħallem. Għandha dan it-talent”. Hekk, quddiem persuna partikularment brillanti u affaxxinanti, jingħad: “Hi persuna kariżmatika”. “Xi jfisser dan?”. “Ma nafx, imma hi kariżmatika”. U hekk ngħidu. Ma nkunux nafu eżatt x’irridu ngħidu, imma ngħidu: “Għandha kariżma”. Imma fil-perspettiva Nisranija, il-kariżma hi wisq aktar minn kwalità personali, minn predispożizzjoni li wieħed jista’ jkun imżejjen biha: il-kariżma hi grazzja, don imsawwab minn Alla l-Missier, permezz tal-ħidma ta’ l-Ispirtu s-Santu. U hi don li jingħata lil xi ħadd mhux għax hu bravu iktar mill-oħrajn jew għax jistħoqqlu: hi rigal li Alla jagħmillu, biex bl-istess gratwità u l-istess imħabba jista’ jqegħidu għas-servizz tal-komunità kollha, għall-ġid ta’ kulħadd. Biex nitkellmu xi ftit ta’ bnedmin li aħna, nistgħu ngħidu hekk: “Alla jagħti minn din il-kwalità, din il-kariżma lil din il-persuna, imma mhux biex iżżommha għaliha, imma biex tkun ta’ servizz għall-komunità kollha”. Il-lum, qabel ma ġejt fil-pjazza, iltqajt ma’ bosta tfal b’diżabbiltà fl-Awla Pawlu VI. Kien hemm ħafna li ġew ma’ Assoċjazzjoni li hi mogħtija għall-kura ta’ dawn it-tfal. X’inhi? Din l-Assoċjazzjoni, dawn il-persuni, dawn l-irġiel u nisa, għandhom il-kariżma li jieħdu ħsieb it-tfal b’diżabbiltà. Din hi kariżma!

Punt importanti li jixraq dritt nagħfsu fuqu hu l-fatt li wieħed ma jistax jifhem waħdu jekk għandux kariżma, u liema hi. Tant drabi smajna min jgħid: “Jien għandi din il-kwalità, jien naf inkanta tajjeb ħafna”. U ħadd ma jkollu l-kuraġġ jgħidlu: “Aħjar jekk iżżomm ħalqek magħluq, għax tweġġgħalna rasna kollha meta tkanta!”. Ħadd ma jista’ jgħid: “Jien għandi din il-kariżma”. Hu fi ħdan il-komunità li jinbtu u jwarrdu d-doni li jxerred fuqna l-Missier; u hu f’ġuf il-komunità li nitgħallmu nagħrfuhom bħala sinjal ta’ mħabbtu għal uliedu kollha. Għalhekk, kull wieħed u waħda minna jagħmel sew jekk jistaqsi lilu nnifsu: “Hemm xi kariżma li l-Mulej nibbet fija, bil-grazzja ta’ l-Ispirtu tiegħu, u li ħuti, fil-komunità Nisranija, għarfu u ħeġġu fija? U kif qed inġib ruħi jien fid-dawl ta’ dan id-don: qed ngħixu b’ġenerożità, u nqiegħdu għas-servizz ta’ kulħadd, jew qed nittraskurah u nispiċċa ninsieh? Jew forsi sar fija motiv ta’ kburija, hekk li l-ħin kollu ngerger fuq l-oħrajn u nippretendi li fil-komunità jsir kif ngħid jien?”. Huma mistoqsijiet li aħna jeħtieġ nagħmlu: jekk hemmx kariżma fija, jekk din il-kariżma hix magħrufa mill-Knisja, jekk iniex kuntent b’din il-kariżma jew jien xi ftit għajjur għall-kariżmi ta’ l-oħrajn, jekk ridtx, irridx inħaddan din il-kariżma. Il-kariżma hi don: Alla biss jista’ jagħtih!

Imma l-isbaħ esperjenza hi meta niskopru kemm kariżmi differenti u kemm doni ta’ l-Ispirtu tiegħu l-Missier isawwab fuq il-Knisja tiegħu! Dan m’għandniex inħarsu lejh bħala motiv ta’ konfużjoni jew li jdejjaqna: dawn kollha huma rigali li Alla jagħmel lill-komunità Nisranija, biex tista’ tikber fl-armonija, fil-fidi u fl-imħabba tiegħu, bħala ġisem wieħed, il-ġisem ta’ Kristu. L-istess Spirtu li jagħti din id-differenza ta’ kariżmi, iġib l-għaqda fil-Knisja. Hu dejjem l-istess Spirtu. Għalhekk quddiem din il-kotra ta’ kariżmi, qalbna trid tinfetaħ għall-ferħ u rridu naħsbu: “Kemm hi ħaġa sabiħa! Tant doni diversi, għax aħna lkoll ulied Alla, u aħna lkoll maħbuba b’mod uniku”. Mela ħażin għalina jekk dawn id-doni jsiru motiv ta’ mibegħda, ta’ firda, ta’ għira! Kif ifakkar l-Appostlu Pawlu fl-Ewwel Ittra tiegħu lill-Korintin, fit-tnax-il kapitlu, il-kariżmi kollha huma importanti f’għajnejn Alla u, fl-istess ħin, ħadd ma hu insostitwibbli. Dan ifisser li fil-komunità Nisranija għandna bżonn wieħed ta’ l-ieħor, u kull don milqugħ jitwettaq b’mod sħiħ meta jinqasam ma’ l-aħwa, għall-ġid ta’ kulħadd. Din hi l-Knisja! U meta l-Knisja, fil-firxa tal-kariżmi tagħha, tesprimi ruħha f’komunjoni, ma tistax tiżbalja: dawn huma l-ġmiel u l-qawwa tas-sensus fidei, ta’ dak is-sens sopranaturali tal-fidi, li jingħata mill-Ispirtu s-Santu biex, flimkien, nistgħu lkoll kemm aħna nidħlu fil-qalba tal-Vanġelu u nitgħallmu nimxu wara Ġesù fil-ħajja tagħna.

Il-lum il-Knisja qed tagħmel it-tifkira ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesù. Din il-qaddisa, li mietet ta’ erbgħa u għoxrin sena u kienet tħobb tant lill-Knisja, riedet issir missjunarja, imma riedet li jkollha l-kariżmi kollha, u kienet tgħid: “Jien nixtieq nagħmel dan, dan u dan”, il-kariżmi kollha ridithom. Fit-talb ħasset li l-kariżma tagħha kienet l-imħabba. U ħarġet b’din il-frażi sabiħa: “Fil-qalb tal-Knisja jiena nkun l-imħabba”. U din il-kariżma lkoll kemm aħna għandna: il-ħila li nħobbu. Nitolbu l-lum lil Santa Tereża tal-Bambin Ġesù din il-ħila li nħobbu ħafna lill-Knisja, li nħobbuha ħafna, u nilqgħu dawk il-kariżmi kollha b’din l-imħabba ta’ wlied tal-Knisja, ta’ ommna l-Knisja mqaddsa ġerarkika.

Miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s