Il-Familja, L-Omm


3. Katekeżi dwar il-Familja mill-Papa Franġisku. 7 ta’ Jannar 2015

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba. Il-lum sa nkomplu bil-katekeżi tagħna fuq il-Knisja u nagħmlu riflessjoni fuq il-Knisja omm. Il-Knisja hi omm. Ommna l-Knisja mqaddsa.

F’dawn il-jiem il-liturġija tal-Knisja qiegħdet quddiem għajnejna l-ikona tal-Verġni Marija Omm Alla. L-ewwel jum tas-sena hu l-festa ta’ Omm Alla, u warajha tiġi l-Epifanija, bit-tifkira taż-żjara tal-Maġi. Jikteb l-evanġelista Mattew: “Meta mbagħad daħlu d-dar u raw lit-tifel ma’ ommu Marija, inxteħtu fl-art iqimuh” (Mt 2:11). Hi l-Omm li, wara li nisslitu, tippreżenta lid-dinja ’l-Iben tagħha. Hi tagħtina lil Ġesù, hu turina lil Ġesù, hi ddaħħalna naraw lil Ġesù.

Qed nissoktaw bil-katekeżi fuq il-familja, u fil-familja hemm l-omm. Kull bniedem jaf ħajtu lil omm, u kważi dejjem jaf lilha wkoll ħafna mill-bqija ta’ ħajtu, mill-formazzjoni umana u spiritwali tiegħu. Imma l-omm, anki jekk hi eżaltata ħafna mil-lat simboliku, – tant poeżiji, tant affarijiet sbieħ li jingħadu poetikament fuq l-omm – ftit hi mismugħa u ftit issib għajnuna fil-ħajja ta’ kuljum, ftit hi meqjusa fir-rwol ċentrali tagħha fis-soċjetà. Anzi, spiss napprofittaw mid-disponibbiltà ta’ l-ommijiet li jissagrifikaw ruħhom għal uliedhom biex “niffrankaw” l-ispejjeż soċjali.

Jiġri li anki fil-komunità Nisranija l-omm mhux dejjem tingħata l-importanza li jixirqilha, u ftit li xejn hi mismugħa. U sadattant, fil-qalba tal-ħajja tal-Knisja hemm Omm Ġesù. Forsi l-ommijiet, dejjem lesti li jissagrifikaw ruħhom għal uliedhom, u spiss anki għal oħrajn, jixirqilhom li jinstemgħu iżjed. Għandna nifhmu iżjed it-taħbit tagħhom ta’ kuljum biex ikunu effiċjenti f’xogħolhom u attenti u kollhom għożża għall-familja; irridu nifhmu aħjar lejn xiex jimmiraw biex jesprimu l-aħjar frott awtentiku ta’ l-emanċipazzjoni tagħhom. Omm li għandha l-ulied dejjem ikollha tħabbat wiċċha mal-problemi, max-xogħol. Jien niftakar kif id-dar konna ħamest ulied u waqt li wieħed kien jagħmel ħaġa, l-ieħor kien ikun jaħseb biex jagħmel l-oħra, u l-imsejkna omm kienet il-ħin kollu tiġri minn ħaġa għall-oħra, imma kienet hienja. Tatna ħafna lilna.

L-ommijiet huma l-aqwa antidotu kontra t-tixrid ta’ l-individwaliżmu egoistiku. “Individwu” jfisser “li ma tistax taqsmu”. Imma l-ommijiet “jinqasmu”, ibda minn meta jilqgħu iben fi ħdanhom biex jagħtuh lid-dinja u jrabbuh. Huma l-ommijiet l-aktar li jobogħdu l-gwerra, li toqtlilhom lil uliedhom. Kemm-il darba ħsibt f’dawk l-ommijiet meta tkun waslitilhom l-ittra: “Ngħarrfek li ibnek ħalla ħajtu hu u jiddefendi lil pajjiżu…”. Imsejkna nisa! Kemm tbati l-omm! Huma li jagħtuna xhieda tal-ġmiel tal-ħajja. L-Arċisqof Oscar Arnulfo Romero kien jgħid li l-ommijiet iġarrbu “martirju matern”. Fl-omelija għall-funeral ta’ saċerdot maqtul mill-iskwadri tal-qtil, hu tenna dak li qal il-Konċilju Vatikan II: “Kollha kemm aħna rridu nkunu lesti mmutu għall-fidi tagħna, anki jekk il-Mulej ma jagħtiniex dan l-unur… Li nagħtu ħajjitna ma jfissirx biss niġu maqtula; nagħtu ħajjitna, ikollna spirtu ta’ martirju, ifisser li ningħataw fid-doveri tagħna, fis-silenzju, fit-talb, fit-twettiq onest ta’ dmirijietna; f’dak is-silenzju tal-ħajja ta’ kuljum; nagħtu ħajjitna ftit ftit! Iva, kif tagħtiha omm, li bla biża’, bis-sempliċità tal-martirju matern, tnissel f’ġufha iben, tagħtih id-dawl, treddgħu, trabbih u tieħu ħsiebu bi mħabba. Dan ifisser tagħti ħajtek. Dan hu martirju”. Sa hawn il-kwotazzjoni. Iva, li tkun omm ma jfissirx biss iġġib iben fid-dinja, imma hi anki għażla ta’ ħajja. X’tagħżel omm, x’għażla ta’ ħajja tagħmel omm? L-għażla ta’ ħajja li tagħmel omm hi l-għażla li tagħti l-ħajja. U din hi ħaġa kbira, ħaġa sabiħa.

Soċjetà mingħajr ommijiet kienet tkun soċjetà diżumana, għax l-ommijiet jafu jagħtu xhieda dejjem, anki fl-agħar mumenti, bil-ħlewwa tagħhom, bid-dedikazzjoni tagħhom, bil-fibra morali li għandhom. L-ommijiet spiss jittrasmettu wkoll is-sens l-aktar profond tal-prattika reliġjuża: fl-ewwel talbiet, fl-ewwel ġesti ta’ devozzjoni li tfajjel jitgħallem, hemm minqux il-valur tal-fidi fil-ħajja ta’ bniedem. Hu messaġġ li l-ommijiet li jemmnu jafu jgħadduh mingħajr ħafna spjegazzjonijiet: dawn jiġu wara, imma ż-żerriegħa tal-fidi qiegħda f’dawk l-ewwel waqtiet mill-aktar prezzjużi. Mingħajr l-ommijiet, mhux biss ma kienx ikun hemm fidili ġodda, imma l-fidi kienet titlef parti sewwa mis-sħana sempliċi u qawwija tagħha. U l-Knisja hi omm, b’dan kollu, hi ommna! M’aħniex iltiema, għandna omm! Il-Madonna, ommna l-Knisja, u l-omm tagħna. M’aħniex iltiema, aħna wlied il-Knisja, aħna wlied il-Madonna, u aħna wlied l-ommijiet tagħna.

Għeżież ommijiet, grazzi, grazzi ta’ dak kollu li intom fil-familja u għal dak li tagħtu lill-Knisja u lid-dinja. U lilek, maħbuba Knisja, grazzi, grazzi li int omm. U lilek, Marija, Omm Alla, grazzi li turina lil Ġesù. U grazzi lill-ommijiet kollha hawn preżenti: insellmulhom b’applaws!

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.