Il-Familja. L-Aħwa


7. Katekeżi dwar il-Familja mill-Papa Franġisku. 18 ta’ Frar 2015

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba.

Fil-mixja tal-katekeżi tagħna fuq il-familja, wara li rajna x’inhu r-rwol ta’ l-omm, tal-missier, ta’ l-ulied, il-lum imiss lill-aħwa. “Ħija” u “oħti” huma kelmiet li l-Kristjaneżmu jħobb ħafna. U, grazzi għall-esperjenza tal-familja, huma kelmiet li l-kulturi u ż-żminijiet kollha jifhmuhom.

Ir-rabta bejn l-aħwa għandha post speċjali fl-istorja tal-poplu ta’ Alla, li jirċievi r-rivelazzjoni tiegħu fil-qalba ta’ l-esperjenza umana. Is-Salmista jgħanni l-ġmiel tar-rabta bejn l-aħwa: “Kemm hi ħaġa sabiħa u ħelwa li l-aħwa jgħammru flimkien!” (Salm 133:1). U dan hu minnu, hi ħaġa sabiħa li ngħixu ta’ aħwa! Ġesù Kristu ġab fil-milja tagħha anki din l-esperjenza umana li nkunu aħwa ta’ xulxin, u assumieha fl-imħabba Trinitarja waqt li saħħaħha biex setgħet tmur lil hemm mir-rabtiet ta’ parentela u tegħleb kull ħajt ta’ dak li hu barrani.

Nafu li meta titfarrak ir-relazzjoni bejn l-aħwa, meta titkisser din ir-relazzjoni bejn l-aħwa, tinfetaħ it-triq għal esperjenzi ta’ wġigħ il-qalb ta’ kunflitt, ta’ tradiment, ta’ mibegħda. Ir-rakkont Bibliku ta’ Kajjin u Abel hu l-eżempju ta’ dan ir-riżultat negattiv. Wara l-qtil ta’ Abel, Alla jistaqsi lil Kajjin: “Fejn hu ħuk Abel?” (Ġen 4:9a). Hi mistoqsija li l-Mulej jissokta jtenni f’kull nisel. U b’xorti ħażina, f’kull nisel, ma tieqaf qatt lanqas tiġi mtennija t-tweġiba drammatika ta’ Kajjin: “Ma nafx. Jaqaw jien għassies ta’ ħija?” (Ġen 4:9b). It-tifrik tar-rabta bejn l-aħwa hi ħaġa kerha u ħażina għall-umanità. Anki fil-familja, kemm aħwa jillatikaw bejniethom minħabba fi ħwejjeġ żgħar, jew għall-wirt, u mbagħad ma jitkellmux iżjed, ma jsellmux aktar lil xulxin. Din hi ħaġa kerha! L-imħabba bejn l-aħwa hi ħaġa kbira, meta wieħed jaħseb li l-aħwa kollha għexu fil-ġuf ta’ l-istess omm għal disa’ xhur, ħarġu minn laħam l-istess omm! U ma tistax tkissirha din ir-rabta ta’ l-aħwa. Naħsbu ftit: kollha nafu familji li għandhom l-aħwa mifruda bejniethom, li huma miġġeldin; nitolbu lill-Mulej għal dawn il-familji – forsi fl-istess familja tagħna hemm xi każi – biex jgħinhom jerġgħu jgħaqqdu l-aħwa bejniethom, jibnu mill-ġdid il-familja. Ir-rabta ta’ l-aħwa m’għandha qatt tiġi mxellfa, u meta tixxellef, iseħħ dak li seħħ lil Kajjin u Abel. Meta l-Mulej jistaqsi lil Kajjin fejn kien ħuh, hu jwieġeb: “Jien ma nafx. X’jimpurtani minn ħija!”. Kemm hi ħaġa kerha din, hi ħaġa li toħloq uġigħ kbir ta’ qalb. Fit-talbiet tagħna ejjew nitolbu dejjem għall-aħwa mifruda bejniethom.

Ir-rabta ta’ fraternità li tissawwar fil-familja bejn l-ulied, jekk isseħħ fi klima ta’ edukazzjoni għall-ftuħ lejn l-oħrajn, issir l-iskola kbira tal-libertà u l-paċi. Fil-familja, l-aħwa jitgħallmu kif il-bnedmin jgħixu flimkien, kif wieħed għandu jgħix f’soċjetà. Forsi mhux dejjem aħna konxji, imma hi propju l-familja li tintroduċi l-imħabba ta’ l-aħwa fid-dinja! Ibda minn din l-ewwel esperjenza ta’ bejn l-aħwa, li tixrob mill-imħabba u l-edukazzjoni fil-familja, l-istil ta’ fraternità jiddi bħala wegħda għas-soċjetà kollha u għar-relazzjonijiet bejn il-popli.

Il-barka li Alla, f’Ġesù Kristu, isawwab fuq din ir-rabta ta’ bejn l-aħwa tkabbarha b’mod immaġinabbli, u tagħmilha kapaċi tmur lil hemm minn kull differenza ta’ nazzjon, ta’ lsien, ta’ kultura u saħansitra ta’ reliġjon.

Aħsbu ftit kemm tista’ tikber ir-rabta bejn il-bnedmin, anki differenti għal kollox bejniethom, meta jistgħu jgħidu wieħed lill-ieħor: “Dan verament qisu ħija, din tassew qisha oħti għalija”! Kemm hi ħaġa sabiħa din! Mill-bqija, l-istorja wrietna biżżejjed li anki l-libertà u l-ugwaljanza, mingħajr il-fraternità, jistgħu jimtlew b’individwaliżmu u konformiżmu, anki b’interess personali.

Ir-rabta ta’ l-aħwa fil-familja tilma b’mod speċjali meta naraw b’liema għożża, b’liema sabar, u mħabba huma mdawra l-aħwa l-iktar dgħajfa, morda, jew li jġorru xi diżabbiltà. L-aħwa li jagħmlu dan huma ħafna, fid-dinja kollha, u forsi ma napprezzawx biżżejjed il-ġenerożità tagħhom. U meta l-aħwa huma ħafna fil-familja – il-lum sellimt familja li għandha disat ulied! – l-ikbar wieħed, jew l-akbar waħda, tgħin lill-missier, lill-omm, biex jieħdu ħsieb iż-żgħar. Kemm hi ħaġa sabiħa din il-ħidma ta’ għajnuna bejn l-aħwa!

Li jkollok ħuk, oħtok li jħobbuk hi esperjenza qawwija, li ma tixtrihiex bil-flus, ma jeħdilha postha xejn. Bl-istess mod nistgħu nitkellmu dwar il-fraternità Nisranija. L-iżgħar, l-aktar dgħajfa, l-aktar foqra għandhom imissulna qalbna: għandhom “dritt” li jirbħulna ruħna u qalbna. Iva, huma ħutna u għandna nħobbuhom u nittrattawhom bħala tali. Meta jseħħ dan, meta l-foqra huma qishom ta’ ġewwa, l-istess fraternità Nisranija tagħna terġa’ tieħu l-ħajja. L-Insara, fil-fatt, jersqu jgħinu lill-foqra u d-dgħajfa mhux biex jobdu xi programm ideoloġiku, imma għax il-kelma u l-eżempju tal-Mulej jgħidilna li lkoll aħna aħwa. Dan hu l-prinċipju ta’ l-imħabba ta’ Alla u ta’ kull ġustizzja bejn il-bnedmin. Nissuġġerilkom ħaġa: qabel nispiċċaw, fadalli ftit biss linji, kull wieħed minna fis-skiet, ejjew naħsbu f’ħutna, u fis-skiet ta’ qalbna nitolbu għalihom. Mument ta’ skiet.

Hekk hu, b’din it-talba ġibniehom kollha, ħutna rġiel u nisa, bil-ħsieb, bil-qalb, hawn fil-pjazza biex jirċievu l-barka.

Il-lum iżjed minn qatt qabel jeħtieġ inqiegħdu l-imħabba ta’ l-aħwa fiċ-ċentru tas-soċjetà teknokratika u burokratika tagħna: allura anki l-libertà u l-ugwaljanza jiksbu l-intonazzjoni t-tajba. Għalhekk, ejjew ma nċaħħdux għalxejn il-familji tagħna, minħabba suġġezzjoni jew biża’, mill-ġmiel ta’ esperjenza wiesgħa ta’ fraternità bejn l-ulied. U ma nitilfux il-fiduċja tagħna fil-kobor tax-xefaq li l-fidi, imdawla mill-barka ta’ Alla, għandha l-ħila tislet minn din l-esperjenza.

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.