Fejn m’hemmx ħniena, m’hemmx ġustizzja


It-Tnejn, 23 ta’ Marzu 2015. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta

Fejn m’hemmx ħniena m’hemmx ġustizzja u ħafna drabi, illum il-ġurnata, il-poplu t’Alla jsofri ġudizzju nieqes mill-ħniena. Hekk afferma dalgħodu l-Papa Franġisku waqt l-omelija fid-Dar Santa Marta.

Hu u jikkummenta l-qari tal-ġurnata, filwaqt li rrefera wkoll għal pass ieħor mill-Vanġelu, il-Papa Franġisku tkellem dwar tliet nisa u tliet imħallfin: mara innoċenti – Susanna; midinba – l-adultera; u armla fqajra u fil-bżonn li, skont xi missirijiet tal-Knisja, dawn huma figuri allegoriċi tal-Knisja: il-Knisja Qaddisa, il-Knisja Midinba u l-Knisja fil-Bżonn.

It-tliet imħallfin huma ħżiena u korrotti, osserva l-Papa. Hemm, qabel kollox, il-ġudizzju tal-Iskribi u tal-Fariżej li jieħdu lill-adultera quddiem Ġesù. F’qalbhom kellhom il-korruzzjoni tar-riġidità. Kienu jqisu lilhom infushom puri għax kienu josservaw il-liġi fl-irqaqat: il-liġi tgħid hekk, allura rridu nagħmlu hekk.

Imma dawn ma kinux qaddisin, kienu korrotti. Korrotti għax riġidità bħal din tfisser fil-fatt ħajja doppja. Dawn li kienu jikkundannaw lil dawn in-nisa kienu jmorru jfittxuhom huma stess, biex jiddevertu ftit.

Min hu riġidu – se nuża l-aġġettiv li uża Ġesù, żied il-Papa – huwa korrott u għandu ħajja doppja. Dawk li jiġġudikaw – naħsbu aħna fil-Knisja: it-tliet nisa huma figuri allegoriċi tal-Knisja – dawk li jiġġudikaw bir-riġidità għandhom ħajja doppja. Bir-riġidità jinqatagħlek in-nifs.

Imbagħad hemm iż-żewġ imħallfin anzjani li jirrikattaw mara, Susanna, biex iċċedi għax-xewqat tagħhom, imma hi tirreżisti. Kienu mħallfin ivvizzjati, kellhom il-korruzzjoni tal-vizzju, f’dan il-każ il-lussurja.

Jingħad li meta jkun hemm dan il-vizzju tal-lussurja, maż-żmien isir aktar qawwi, aktar ħażin.

Fl-aħħar hemm l-imħallef li marret għandu l-armla fqajra. Dan l-imħallef ma kienx jibża’ minn Alla u ma kien iħabbel rasu minn ħadd. Ma kien jimpurtah minn xejn; kull ma kien jimpurtah kien minnu nnifsu.

Kien ‘affarista’, ‘negozjant’, imħallef li bix-xogħol tiegħu li jiġġudika kien jagħmel in-negozju. Kien korrott mill-flus, mill-prestiġju. Dawn l-imħallfin, osserva Franġisku, in-negozjant, l-ivvizzjat u r-riġidu, ma kinux jafu kelma waħda: ma kinux jafu xi tfisser il-ħniena.

Il-korruzzjoni kienet tbegħedhom mit-tifsira tal-ħniena, minn kif ikollhom il-ħniena. Il-Bibbja tgħidilna li l-ġudizzju ġust jinsab fil-ħniena. U t-tliet nisa, il-qaddisa, il-midinba u l-fqira, figuri allegoriċi tal-Knisja, kollha jbatu minn dan in-nuqqas ta’ ħniena.

Illum ukoll il-poplu t’Alla, meta jsib dawn l-imħallfin, ibati minn ġudizzju mneżża’ mill-ħniena kemm mill-aspett ċivili u anke mill-aspett ekkleżjastiku. U fejn m’hemmx ħniena, m’hemmx ġustizzja. Meta l-poplu t’Alla jersaq minn rajh biex jitlob il-maħfra, biex ikun iġġudikat, kemm-il darba jsib ma’ wiċċu xi mħallef minn dawn!

Isib l-ivvizzjati li għandhom ħila jaslu jisfruttawh. Dan hu wieħed mid-dnubiet l-aktar gravi; isib in-negozjanti li ma jħallux l-ossiġenu jasal fir-ruħ, ma jagħtux tama; u jsib ukoll ir-riġidi li fil-penitent jikkastigaw dak li fil-fatt għandhom f’qalbhom huma. Dan insejħulu nuqqas ta’ ħniena.

Għalhekk, ikkonkluda l-Papa Franġisku, irrid nikkwota waħda mill-isbaħ kliem tal-Vanġelu li lili tqanqalni ħafna: ‘Ħadd ma kkundannak?’ ‘Le, ħadd, Sinjur.’ ‘Mela lanqas jien ma nikkundannak.’

‘Lanqas jien ma nikkundannak’ hija waħda mill-isbaħ kelmiet għax hi miżgħuda bil-ħniena.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.