Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > Sal-ġurnata tal-lum l-Insara għadhom jinqatlu ‘f’isem Alla’

Sal-ġurnata tal-lum l-Insara għadhom jinqatlu ‘f’isem Alla’


It-Tnejn 11 ta’ Mejju 2015. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta

Fil-Vanġelu tal-lum Ġesù jħabbar lid-dixxipli li fuqhom se jinżel l-Ispirtu s-Santu: ‘Għandi ħafna x’ngħidilkom li s’issa għad ma tistgħux tifhmuh, imma meta jiġi l-Paraklitu, l-Ispirtu tal-Verità, Hu jmexxikom lejn il-verità sħiħa.’

 

Il-Mulej qed jitkellem dwar il-futur, dwar is-salib li qed jistenniena u għalhekk ikellimna dwar l-Ispirtu s-Santu. Jitkellem dwar l-‘iskandlu tas-Salib’. Il-ħajja tal-Knisja, osserva l-Papa Franġisku waqt l-omelija ta’ dalgħodu fil-kappella tad-Dar Santa Marta, hija mixja taħt il-ħarsien tal-Ispirtu s-Santu li jfakkarna fil-kliem ta’ Ġesù u jgħallimna dawk il-ħwejjeġ li Ġesù ma setax jgħidilna. L-Ispirtu hu l-ħabib tal-mixja u jiddefendina wkoll mill-‘iskandlu tas-Salib’.

Għax fil-fatt, is-Salib hu skandlu għal-Lhud, għax dawn riedu s-sinjali, u bluha għall-Griegi, jiġifieri għall-pagani, li riedu l-għerf u l-ideat ġodda. Minflok, l-Insara jipprietkaw lil Kristu msallab.

Hekk jippreparahom lid-dixxipli tiegħu Ġesù, biex huma ma jiskandalizzawx ruħhom bis-Salib ta’ Kristu: ‘Ikeċċukom mis-sinagogi,’ jgħidilhom Ġesù, ‘anzi, tasal is-siegħa li min joqtolkom ikun jemmen li qed iqim lil Alla.’

Il-Papa Franġisku kompla jgħid li llum aħna xhieda ta’ dawk li qed joqtlu lill-Insara f’isem Alla, għax dawn ma jemmnux kif jemmnu huma. Dan hu s-Salib ta’ Kristu: ‘Jagħmlu hekk għax ma sarux jafu la lill-Missier u lanqas lili. Dak li ġara lili, se jiġri lilkom – il-persekuzzjonijiet, it-tribulazzjonijiet – imma jekk jogħġobkom tiskandalizzawx ruħkom: l-Ispirtu s-Santu jmexxina hu u jgħinna nifhmu.’

F’dan il-kuntest il-Papa fakkar it-telefonata li kellu lbieraħ mal-Patrijarka tal-Kopti Tawadros II, fil-jum tat-tifkira tal-ħbiberija bejn il-Kopti u l-Kattoliċi.

Jien fakkartu, qal il-Papa, fil-fidili tiegħu li ħanxrulhom griżmejhom f’xatt il-baħar, għax kienu Nsara. Bis-saħħa li tahom l-Ispirtu s-Santu, dawn il-fidili ma skandalizzawx ruħhom. Mietu bl-isem ta’ Ġesù fuq fommhom. Din hi l-qawwa tal-Ispirtu s-Santu: ix-xhieda. Dan hu verament il-martirju: ix-xhieda suprema.

Imma, kompla jgħid il-Papa, hemm ukoll ix-xhieda tal-ħajja ta’ kuljum, ix-xhieda li bl-azzjonijiet tagħna nagħmlu preżenti l-fertilità tal-Għid li jtina l-Ispirtu s-Santu, li jmexxina lejn il-verità sħiħa u jgħinna niftakru dak li jgħidilna Ġesù Kristu.

In-Nisrani li f’ħajtu ma jiħux bis-serjetà din id-dimensjoni ta’ ‘martri’, għadu ma fehemx it-triq li għallimna Ġesù: it-triq tal-martirju tal-ħajja ta’ kuljum li bih niddefendu d-drittijiet tal-persuni, niddefendu lil uliedna, missirijiet u ommijiet li jiddefendu l-familji tagħhom, il-martirju ta’ tant u tant morda li jsofru għall-imħabba ta’ Ġesù. Ilkoll kemm aħna għandna l-possibiltà li nxerrdu din il-fekondità tal-Għid, it-triq tal-martirju, mingħajr ma niskandalizzaw ruħna.

Il-Papa Franġisku temm l-omelija b’din it-talba: Nitolbu lill-Mulej il-grazzja li nirċievu l-Ispirtu s-Santu, Hu li jfakkarna l-ħwejjeġ ta’ Ġesù, li jmexxina lejn il-verità sħiħa, u li kuljum iħejjina biex nagħtu din ix-xhieda, biex insofru dan il-‘martirju żgħir’ tal-ħajja ta’ kuljum skont ir-rieda tal-Mulej.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

%d bloggers like this: