Home > L-Isqof ta' Għawdex Mario Grech > Nieqfu mal-kurċifissi tal-lum

Nieqfu mal-kurċifissi tal-lum


It-Tnejn 17 ta’ Lulju 2017. Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech, fil-Festa tal-Verġni Mqaddsa tal-Karmelu, Knisja tal-Madonna tal-Karmnu, Ta’ Ħamet, ix-Xewkija.

Il-qofol tal-ispiritwalità Karmelitana huwa li l-bniedem jikber fl-għarfien u l-intimità tiegħu ma’ Ġesù Kristu. Skont ir-Regola tal-Ordni tal-Karmelitani, l-irħieb għandhom jistinkaw biex ħajjithom tkun dedikazzjoni sħiħa biex jimxu wara Kristu (ara Ratio Institutionis Vitæ Carmelitanæ, 8).

Jekk dan jgħodd għall-patrijiet, kemm jiswa aktar u aktar għall-poplu ta’ Alla b’mod ġenerali! Huwa minnu li aħna poplu reliġjuż u nħobbu l-festi reliġjużi, imma nħoss li nista’ ngħid li l-qalb ta’ parti mdaqqsa ta’ ġensna mhix daqshekk imdakkra minn Kristu. Hija tassew ħasra li rriduċejna t-twemmin Nisrani, il-kult u ċ-ċelebrazzjonijiet bħala oġġetti li nesponuhom fil-vetrina biex noħolqu t-turiżmu reliġjuż. Kif tennejt ftit jiem ilu, “nistgħu nkunu nies tal-knisja, imma ma nkunux Kristjani”. It-twemmin fi Kristu jissarraf f’esperjenza. Kristu jagħti togħma għalkollox speċjali lill-ħajja tagħna. Il-persuna tiegħu u t-tagħlim tiegħu jispirawna biex nagħmlu għażliet li għalkemm ma humiex skont ix-xejra tad-dinja, jagħmlu ħafna sens għax iwieġbu għall-ħtiġijiet veri tagħna l-bnedmin. Għalhekk, meta llum qed nagħmlu l-Festa tal-Madonna tal-Karmnu, nagħmel stedina biex nixtarru sew din ir-regola Karmelitana li tixprunana nniżżlu l-għeruq tagħna fil-misteru ta’ Kristu.

Wistin Camilleri, Il-Kurcifiss, Knisja tal-Madonna tal-Karmnu (Ta' Hamet...Il-liturġija tal-Festa tal-Karmnu tippreżentalna lil Marija wieqfa ħdejn il-Kurċifiss (ara Ġw 19:25). Fuq il-Kalvarju Marija turina fejn għandna nserrħu l-ħarsa tagħna: fuq Ġesù msallab. Għax Kristu fuq is-salib joffrilna l-aqwa narrattiva tal-imħabba ta’ Alla għall-bniedem. “Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lill-Iben il-waħdieni tiegħu biex kull min jemmen fih ma jintilifx, imma jkollu l-ħajja” (Ġw 3:16). L-imħabba awtentika hija dik li tingħata. B’din l-imħabba jħobbna l-Kurċifiss. Fuq l-għuda tas-salib huwa tbattal mid-divinità tiegħu – ma kellu ebda sura umana, inqas u inqas dik divina! Hu li ma kienx jaf x’inhu dnub, ħa fuqu d-dnubiet tiegħi u tiegħek – tħammeġ bid-dnub tagħna. Għalhekk inħallu lil Marija tressaqna lejn il-Kurċifiss biex inkunu nistgħu nduqu din l-imħabba unika li ma tistax ma tiġġenerax l-imħabba fina.

 

Maħtufa minn din l-imħabba msallba, Marija tibqa’ wieqfa ħdejn il-Kurċifiss – ma titilqux waħdu, imma takkumpanjah u toffri ruħha biex tilqgħu fi ħdanha. L-istess imħabba ssammar lil Marija ma’ kull salib li fuqu hemm il-bniedem imsallab, sew jekk dan ikun sallab lilu nnifsu u sew jekk ikun sallbu ħaddieħor. Ikun xi jkun is-salib tagħna, Marija qatt ma hi sejra tabbanduna l-kurċifissi tal-lum. Marija ma tistkerrah ebda salib. Bil-preżenza materna tagħha hija tieqaf magħna, iddewwilna l-ġrieħi tagħna u tgħinna ninżlu minn fuq is-salib. Għalhekk nagħmlu l-qalb, għax għalkemm aħna msallbin, ma aħniex waħidna, imma għandna l-wens tal-Omm tagħna.

M’aħniex devoti veri tal-Madonna tal-Karmnu jekk aħna ndawru wiċċna meta niġu wiċċ imb wiċċ mal-“kurċifissi” tal-lum, partikularment ma’ dawk li jħossu li sallbu lilhom infushom b’xi żball fil-ħajja personali, fiż-żwieġ, fil-familja u fis-soċjetà. Ma nistax nifhem kif fi ħdan il-komunità Nisranija hemm min għandu stmerrija għal dawn ukoll, meta jaf li dawn ikunu sogħbiena għall-għemil tagħhom! B’mod stramb ħafna hemm “Kristjani” li jippreferu jħallu lill-imsallba minxura fuq l-għuda tas-salib! Dan mhux atteġġjament Marjan. Bħal Marija aħna għandna nfittxu nieqfu ma’ kull kurċifiss kontemporanju u nagħmlu li nistgħu biex jinżel minn fuq is-salib u hekk it-tiċrita tal-pjagi ta’ jdejh u riġlejh ma tibqax tikber!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: