Home > Minn Fr Michael Bugeja > L-Evanġelju tat-Tnejn, 30 ta’ Ottubru 2017

L-Evanġelju tat-Tnejn, 30 ta’ Ottubru 2017


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Lq 13, 10-17

X’għarukaża! Jmissu jistħi u jmisshom jistħu daqsu! Huma jmisshom jistħu għax jiġu biex jitfeqju u agħar minn hekk, hawn ġew fis-sinagoga stess, fejn il-liġi tiġi mgħallma; jiġu hawn biex jiksru l-liġi. Hu jmissu jistħi għax jataqlhom xewqithom, jagħtihom il-lala biex jerġgħu jiġu s-Sibt li ġej. Tal-mistħija!

Ġesù qed jgħallem fis-sinagoga, ifisser il-Kelma ta’ Alla, kif kien imdorri jagħmel nhar ta’ Sibt, sewwa sew kif kien għamel f’Nażaret u riedu jixħtuh minn fuq l-irdum għal isfel. Waħda mara marida tisma’ u titgħallem. Ġesù ried juriha li mhux bil-paroli biss tasal l-imħabba ta’ Alla iżda bil-fatti. Sejħilha u fejjaqha. Kient mgħawġa u Ġesù ddrittaha; kienet bla wiċċ, bla identità għax timxi wiċċa ’l isfel u Ġesù mhux biss raddilha l-identità imma taha dinjità. Issa setgħġet timxi wieqfa, dritta b’wiċċha minn quddiem mhux tħares lejn it-trab; setgħet tkun waħda mill-oħrajn mhux waħda li trid mill-oħrajn. Meħlusa. Mogħtija l-ħelsien li timxi u tgħix ħajjitha wara tmintax-il sena marbuta u mxekkla bil-mard tagħha. U dik waqfet u bdiet tfaħħar lil Alla. U riedet tfaħħru u faħħritu għax għarfet xi jsarraf.

Iżda kien hemm min regħex bil-mistħija, tkaża, skandaliżża ruħu. Kien hemm min ħaseb li s-sinagoga se jbdluhielu fi klinika fejn tista’ tfiq b’xejn. X’għarukaża. Id-dar fejn il-Kelma ta’ Alla tiġi mfissra issir id-dar fejn il-Kelma ta’ Alla tissarraf f’mogħdrija u ħniena, fejn mill-kliem issir fatti. Il-post fejn tiġi mgħallma l-liġi isir l-istess wieħed fejn tinkiser. F’għajnejn dawn in-nies il-liġi saret Alla u l-osservanza tagħha ikbar u aqwa mill-iskop tagħha.

Ġesù, għal darb’oħra m’hu ħelu xejn ma min irid jgħawweġ il-liġi għall-iskopijiet tiegħu. Ma jilgħabx bil-kliem, ma joqgħodx jomgħod ir-risposta. Dak nagħmluh int u jien, meta rridu ningħoġbu, meta ma rridu niksruha ma’ ħadd, anke fuq prinċipji u valuri, għax ma nafux bżonn min niġu; meta noqgħodu pass lura u ma nieqfux mal-verità quddiem il-ġid għax f’moħħna jiġuna ħafa suppostijiet ta’ x’sjita’ jiġri u x’jista’ ma jiġrix; meta noqgħodu gallarija biex ma nħammġux idejna. Uċuh b’oħra. Quddiem l-għajta ta’ min hu batut l-ebda liġi, l-ebda pretensjoni, l-ebda skuża ma hi ġsutifikata. Quddiem it-tbatija l-ebda setgħa ma tibqa’ bilqiegħda fuq it-tron komdu tagħha.

Għal dan Ġesù stramb f’għajnejna, Alla juri s-setgħa tiegħu bla tarf meta jaħfrilna u jħenn għalina, hekk tistqarr waħda mill-kolletti tal-Quddiesa. Alla juri s-setgħa tiegħu meta lil min hu mgħawweġ jiddrittah u jagħtih id-dinjità li ħaqqu, meta jgħinu jieqaf fuq saqajh biex ma jkun jiddependi minn ħadd.

Il-kap tas-sinagoga kienu jieħu gost jiddetta u jikkundizzjona l-ħajja tan-nies, iġib il-kuxjenza tagħhom tiddependi fuqu. It-tentazzjoni ta’ kull min għandu s-setgħa u sfortunatament mhumiex ħafna dawk li jieqfulha. L-iktar mod dispreġativ kif bniedem jagħmel bniedem ieħor ilsir tiegħu huwa li jikkontrollalu l-kuxjenza, jiddeċiedilu hu x’inhu t-tajjeb u x’inhu l-ħażin. Min lest li jagħti l-ħelsien mill-mard, min jagħti d-dinjità lill-bniedem li jgħix mingħajrha, min jagħti l-ħelsien tal-ħsieb lil min mhux imdorri jaħseb, isir l-għadu ta’ min għandu din is-setgħa u jabbuża minnha, u la hu għadu ħaqqu l-kastig, ħaqqu jiġi mwarrab, ħaqqu jmut.

Il-kontroll tal-kuxjenza jista’ jsir b’żewġ modi. Jista’ wieħed jiddeċiedi għal ħaddieħor x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin u jista’ jkun hemm min jikkonvinċi lil ħaddieħor li m’għandux kuxjenza, li l-kuxjenza ma teżistix. Kemm fil-knisja u kemm fis-soċjetà ċivili, jeżistu mit-tnejn. Dawk lijhħobbu jilgħabuha ta’ Alla jagħmluhom it-tnejn. Biex iżommu s-setgħa tagħhom u jħarsuha jnessu lil dawk afdati f’idejhom biex imexxuhom li l-ikbar u l-aqwa kmandament hu li tħobb lil Alla b’qalbek, b’moħħok u bil-qawwa tiegħek kollha u lill-proxxmu bħalek innifsek.

Iżda s-setgħa mhix biss f’idejn il-mexxejja tal-Knisja jew il-politiċi. Ilkoll kemm aħna għandna xi tip jew ieħor ta’ setgħa fuq l-oħrajn. Mela hija t-tentazzjoni tagħna lkoll.

Il-frażi ‘jmissek titħi’, ‘imisskom tistħu’ saret tiġi applikata għal min ma jaqbilx magħna jew għemilu jew kliemu ma jogħġbuniex. Jekk għadna nafu x’inhi mistħija u jekk għad fadlilna, imissna nistħu lkoll meta nużaw il-liġi ta’ Alla biex inqarru; imissna nistħu meta nippruvaw inraqqdu l-kuxejnza tagħna nfusna u tal-oħrajn u t-tajjeb ngħidulu ħażin u l-ħażin nigglorifikawh bħala tajjeb.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: