Home > Minn Angelo Xuereb > Priedki ta’ Lejliet il-Milied

Priedki ta’ Lejliet il-Milied


Kitba ta’ Angelo Xuereb – © Angelo Xuereb

BEJN ĦSIEB U IEĦOR

“Imiss il-priedka tat-tifel!” Meta fil-Milied jiġi preżentat xi programm imżewwaq bis-sehem tat-tfal, għadek tosserva kemm tkun mistennija, anki għall-kurżità, ir-reċta preparata bl-amment minn tfajjel ċkejken li b’paċenzja kbira jitgħallimha ftit ftit b’dawk il-ġesti artifiċjali li jqabbduh jagħmel biex jipprova jidher u jimita xi ftit lil xi ħadd kbir. Imma xorta li hu jibqa’, xi ħadd żgħir, u hekk għandu jkun!

Ma ninsewx kif tkellem minnhom Kristu meta lil ta’ madwaru qalilhom: “Tassew, tassew ngħidilkom, li jekk intom ma terġgħux issiru bħat-tfal iż-żgħar, żgur li ma tidħlux fis-Saltna tas-Smewwiet” (Mt 18, 3). U f’dak it-tifel li jkollu messaġġ x’iwassal meta d-‘dinja’ tkun qed taparsi tiċċelebra t-twelid ta’ Ġesù Bambin jitfaċċaw quddiemna dak li fehem Kristu xħin “ressaq lejh tfajjel ċkejken, qiegħdu f’nofshom, ħaddnu bejn dirgħajh u qalilhom: “Kull min jilqa’ wieħed minn dawn iċ-ċkejknin minħabba f’ismi, ikun jilqa’ lili” (Mk 9, 36-37).

Il-Milied, mhux għax għandu jkun tat-tfal biss, imma mingħajrhom qajla jiftiehem u jiġi apprezzat. Dnub li ‘serquh’ il-kbar biex minnu għamlu biċċa negozju ara wiċċek! U jisfaw vittma tagħhom it-tfal ukoll. Frattant bihom tinħass l-iktar l-innoċenza vera u propja, kemm-il darba sabu trobbija għaqlija fi ħdan il-familji tagħhom. Fihom tintlemaħ l-iktar is-sbuħija tas-safa tal-qalb, frott il-grazzja ta’ Alla, rigal li ma jinxtarax bil-flus imma ġej mis-sema. Magħhom tirrenja l-aħjar l-atmosfera ta’ paċi, tant mixtieqa fid-dinja u tant jitkellmu dwarha l-mexxejja u ma jidhirx li jistgħu jaslu għaliha. Lilhom suppost li trid tingħata minn ta’ l-ewwel l-attenzjoni biex isibu posthom f’ħajja ta’ ċittadini li tixirqilhom, minflok li jużawhom, iħassruhom jew jistagħnu minn fuqhom.

Dan kollu u ħafna iktar joħroġ aħjar mit-tfal, u anki b’vuċi ogħla, meta għandhom sehem u ġiet l-okkażjoni tal-ġranet tal-Milied. Għalkemm din il-vuċi tagħhom tista’ tisfa fgata, xorta tibqa’ dritt tat-tifel dik is-sempliċi priedka, qasira, li tiġbed l-attenzjoni u tinfed fil-fond lil min ‘irid’ jismagħha u hekk tħalli xi riflessjoni.

Għalhekk għandek inti wkoll f’idejk dawn l-eżempji, anki jekk mhux biex tismagħhom jiġu reċitati minn xi tfajjel, taf tagħtihom daqqa t’għajn – waħdek – fil-kwiet – u fi spirtu qaddis tal-Milied.

Mons. Salv Grima

DAĦLA

Il-festa tal-Milied tfakkarna fit-twelid ta’ Ġesù tarbija. F’Malta din il-festa nħossuha ħafna fil-kultura tagħna u għandna diversi modi kif niċċelebrawha.

Waħda mit-tradizzjonijiet tagħna li għandhom x’jaqsmu mal-Milied hija l-priedka tat-tifel. Fiha jingħażel tifel li jagħmel priedka f’lejlet il-Milied. Għalhekk ħsibt biex nagħmel ħames skemi ta’ priedki. Għalkemm għandhom titlu differenti, madankollu hemm ħafna ħwejjeġ komuni bejniethom. L-iskop tiegħi ma kienx li nagħmel xi trattat fuq il-Milied iżda li jkun hemm ħames priedki, ftit jew wisq differenti minn xulxin. Għalkemm fil-ħames skemi hemm bosta temi li jixxiebhu, madankollu min jattendi għalihom jisma’ xi ħaġa differenti.

Temi li huma komuni għall-ħames skemi huma: i. In-nuqqas ta’ paċi fil-Milied: ii. il-bżonn li nimxu wara Ġesù. iii. ir-rabta tal-Milied mal-maħfra. iv. il-paċi tal-qalb. v. Il-Beatu Ġorġ Preca u l-Milied.

Għalhekk meta wieħed ikun ser jgħallem lit-tifel il-priedka, jista’ juża skema minn dawn. Jista’ wkoll ibiddel xi partijiet minnha u jadattaha għall-udjenza li ser jkollu.

Nispera li din il-biċċa xogħol żgħira tħalli, jekk Alla jrid, bosta frott.

Angelo Xuereb
9 ta’ Mejju 2002
Festa tal-Beatu Ġorġ Preca

SKEMA I
KRISTU HUWA L-BIEB EWLIENI TA’ ĦAJJITNA

|mien il-Milied huwa wieħed sabiħ u ta’ ferħ. Fih niċċelebraw it-twelid ta’ Ġesù tarbija f’Betlem tal-Lhudija.

Sabiex infakkru din hekk il-ġrajja hekk kbira u sabiħa niċċelebraw il-festa tal-Milied. F’pajjiżna din il-festa tiġi ċċelebrata bil-kbir: il-quddiesa ta’ nofs il-lejl, presepji, is-siġra tal-Milied, armar ta’ toroq, parties, u daqq tal-carols flimkien ma’ diversi ikliet.

Tkun ħasra kbira jekk dawn l-affarijiet ma jwassluniex aktar biex nifhmu l-kobor ta’ din il-festa hekk għażiża. Il-Beatu Ġorġ Preca tant ħabb il-verità li Sidna Ġesù Kristu sar bniedem, li ried li kulħadd jġib fuq sidru l-kelmiet “Verbum Dei caro factum est”. Barra minn hekk, huwa kien li ta bidu għall-purċissjoni tal-Milied, sabiex jagħmel enfasi li Sidna Ġesù Kristu sar bniedem tassew.

Għalhekk tkun ħaġa tajba li matul dawn il-festi nifirħu wkoll. U għandna biex nifirħu għax l-Iben ta’ Alla sar bniedem bħalna f’kollox barra id-dnub. Hekk Ġesù ġie mis-sema biex jippriedka l-Vanġelu kif ukoll biex jifdina permezz tal-passjoni u l-mewt tiegħu fuq is-salib.

Kieku aktar bnedmin jimxu wara l-Vanġelu, kieku hawn il-paċi fid-dinja. Hekk ħabbru l-anġli fl-ewwel Milied: “Paċi fl-art lil bnedmin ta’ rieda tajba”. Huwa qsim ta’ qalb li filwaqt li aħna nifirħu fil-Milied, tiftaħ ir-radju u t-televiżjoni u għadek tara ġlied imdemmi kif ukoll atti ta’ mibegħda proprju anki nhar il-festa tal-Milied: il-festa li ġġib tant ferħ fid-dinja meta l-bnedmin jaraw lil Ġesù tarbija, imqiegħed ġo maxtura bejn il-baqra u l-ħmara.

Din is-sena, ta’ tfajjel li jien, ser nipprova nispjegalkom aktar fid-dettal ħsieb sabiħ fuq il-Milied. Nittama li minkejja ċ-ċokon tiegħi jirnexxielna niftehmu. Xħin inħarsu lejn Ġesù tarbija narawh sabiħ, iżda forsi nirriflettu min hija din il-persuna. Huwa l-bidu u t-tmien. Il-ġenna qisha palazz kbir u sabiħ li lkoll nittamaw li xi darba għad immorru. Iżda biex nidħlu fih rridu ngħaddu mill-bieb il-waħdieni. U dan l-bieb huwa Sidna Ġesù Kristu. Mhux ta’ b’xejn li kull Ġublew fil-Knisja, li jsir kull ħamsa u għoxrin is-sena, il-Papa jinawgura din is-sena ta’ l-indulġenzi billi jiftaħ bieb. B’dan il-ġest simboliku l-Knisja trid tfisser li Ġesù huwa t-triq waħdanija lejn Alla.

It-tixbiha ta’ Kristu ma’ bieb hija tassew f’postha. Kien huwa stess fil-Vanġelu li qal: “Tassew, tassew ngħidilkom, jiena l-bieb tan-nagħaġ. Dawk kollha li ġew qabli kienu ħallelin li jisirqu, imma n-nagħaġ ma semgħuhomx. Jiena hu l-bieb; min jidħol minni jkun meħlus, jidħol u joħroġ u jsib il-mergħa”.

Hawnhekk Sidna Ġesù Kristu qiegħed ixebbah ruħu mal-bieb tan-nagħaġ li jipproteġihom biex ma jiġux misruqa mill-ħallelin. Għalhekk f’din is-silta huwa jqabbel lilu nnifsu mar-Ragħaj it-tajjeb.

Jalla ż-żmien tal-Milied ikun wieħed speċjali. Dan ifisser li matul dan iż-żmien nagħmlu eżami tal-kuxjenza biex naraw jekk Ġesù huwiex il-bieb ta’ ħajjitna. Għandu jiġi qabel kollox, jigifieri jiġi qabel il-flus, l-unuri u l-ħwejjeġ l-oħra ta’ din id-dinja.

Allura jekk Kristu jsir iċ-ċentru tal-qalb tagħna, żgur ser ninbidlu. Nibdew naħfru lil min weġġagħna, u nġibu l-paċi fil-familji, fir-raħal tagħna kif ukoll fuq il-post tax-xogħol.

Dan huwa l-ferħ li ħabbru l-anġli lir-rgħajja ta’ Betlem: “La tibżgħux! Għax, ara, sa nħabbrilkom ferħ kbir, li jkun għall-poplu kollu. Tweldilkom illum, fil-belt ta’ David, Ħellies, li hu l-Messija l-Mulej”. Jekk naċċettaw it-tagħlim ta’ Sidna Ġesù Kristu, allura ser ninbidlu.

U żgur biex ninbidlu għandna nżommu f’moħħna u qalbna li Sidna Ġesù Kristu huwa l-bieb ewlieni li minnu rridu ngħaddu. Qegħdin ngħixu f’dinja materjalista fejn aħna kontinwament qegħdin niġu bbumbardjati minn ideat foloz: kumdità, flus, divertiment bla rażan, konsumiżmu, u li nirnexxu mingħajr sagrifiċċju. Iżda jekk inżommu quddiem għajnejna lil Sidna Ġesù Kristu bħala l-uniku Mgħallem ta’ ħajjitna, nibdew naraw il-ħajja minn lenti differenti. Is-sagrifiċċju għad baqa’ bżonnu, filwaqt li ma rridux ninsew il-foqra u s-saltna ta’ Alla.

Jekk irridu ninbidlu spiritwalment tassew, ejjew inħarsu lejn Ġesù tarbija. Ejjew nitolbuh biex jgħinna naqtgħu l-vizzji u d-difetti li waqajna fihom. Ejjew nitolbuh inissel fina sentimenti ta’ maħfra, mogħdrija u ħniena lejn il-proxxmu tagħna u hekk żgur li ser tiġi l-paċi.

Dan huwa l-aqwa rigal li jista’ jagħtina Sidna Ġesù Kristu. Mhux qiegħed iwegħidna ħajja faċli iżda l-paċi u r-rassenjazzjoni fost id-diffikultajiet u s-slaleb tal-ħajja. Infatti l-ewwel darba li deher wara l-mewt lill-Appostli miġbura flimkien huwa qalilhom: “Xalom”, jiġifieri “il-paċi magħkom”.

Jekk nibżgħu mit-triq tal-Mulej, għax taqta’ fil-laħam il-ħaj, ejjew inħarsu lejn Ġesù tarbija. Huwa niżel mis-sema mhux biex igawdi. Infatti l-Beatu Ġorġ jgħid li Kristu twieled fil-faqar, ’il bogħod mill-ħsejjes u l-lussu tal-kbarat u l-palazzi tas-sinjuri. L-awtur tal-ktieb magħruf l-Imitazzjoni ta’ Kristu jgħidilna li ħajtu kienet mimlija slaleb u tbatijiet.

U jekk irridu li jkollna l-grazzja u l-kuraġġ li nimxu fuq il-passi ta’ Kristu ngħidulu: “O Ġesù, int li nżilt mis-sema u sirt bniedem bħalna f’kollox barra d-dnub, idħol f’qalbna u agħmel li nsiru bnedmin ġodda, li nkunu lesti li naħfru u ngħixu l-Vanġelu li int ħabbart”.

SKEMA II
DUN ĠORĠ U L-MILIED

“Verbum Dei caro factum est”. Sentenza qasira iżda li tant influwenzat lill-Beatu Ġorġ Preca. Bil-Malti tfisser: “L-Iben ta’ Alla sar bniedem”. Kien tassew devot ta’ din s-sentenza, tant li xtaq li kulħadd iġibha fuq sidru.

Dun Ġorġ Preca, ta’ qaddis li kien, min jaf kemm immedita fuq din il-frażi qasira li tgħidilna li Sidna Ġesù Kristu, it-tieni persuna tat-Trinità sar bniedem bħalna. Infatti l-Bibbja tgħidilna li Ġesù kien jiekol, jorqod u jistrieħ kif jagħmlu l-bnedmin kollha.

Kif għedna Dun Ġorġ kien jixtieq li kulħadd iġibha fuq sidru. Qassam ukoll bosta karti b’dawn il-kelmiet stampati fuqhom biex jagħti importanza lill-miġja ta’ Kristu fostna. Forsi ikun hawn min jistaqsi. Kemm din is-sentenza kienet għall-qalb Dun Ġorġ Preca?

Verament li kien iħobbha għax hija kienet tfakkru fil-Feddej tagħna Sidna Ġesù Kristu li twieled ħalli jkun jista’ imut għalina biex isalvana mid-dnub. U dan huwa proprju s-sens tal-Milied nisrani.

Nagħmlu tajjeb jekk niddevertu ftit, narmaw is-siġra tal-Milied kif ukoll inwettqu attivitajiet oħra li nieħdu gost bihom. Iżda jista’ jiġrilna li forsi dawn l-affarijiet flok iqarrbuna lejn Alla aktar ibegħduna minnu. Għalhekk tajjeb li f’kull Milied nirriflettu ftit, biex naraw jekk dawn l-użanzi tagħna humiex qegħdin jwassluna biex inħobbu lil Ġesù aktar.

Sidna Ġesù Kristu sar bniedem biex ikun jista’ jidħol fl-istorja ta’ l-univers kif ukoll ta’ ħajjitna. U l-festa tal-Milied toffrilna l-aħjar okkażjoni biex inqimuh. X’hemm isbaħ li nitgħaxxqu bil-figura tal-Bambin imdawwar b’San Ġużepp u l-Madonna, flimkien mar-rgħajja! Kif San Franġisk beda l-presepju ħaj ġewwa Greccio, hekk ukoll Dun Ġorġ Preca għen biex f’Malta jinbnew drawwiet li jagħtu aktar importanza lil Ġesù tarbija. Naqraw fl-istorja ta’ ħajtu li fid-dar tiegħu kien ikollu presepju u kienet l-għaxqa tiegħu li jdaħħal in-nies biex jarawh. Kien jagħmel ukoll bambin tax-xemgħa fit-tieqa tiegħu wkoll.

Iżda donnu ma kienx kuntent b’dan il-ħwejjeġ biss. Ried idaħħal ukoll id-drawwa f’pajjiżna tal-purċissjoni jew dimostrazzjoni b’Ġesù Bambin lejlet il-Milied. Biex nidħlu aktar fl-istorja, ser nirrakontalkom kif bdiet.

Għall-ħabta tal-1921, darba kif kien miġbur mas-soċi, qalilhom: “Din is-sena rrid li tagħmlu purċissjoni bil-Bambin tal-Milied”. Ma tantx kienu mħejjija għaliha, iżda Dun Ġorġ ma kienx jaqta’ qalbu malajr. Is-soċi kollha mtlew b’entużjażmu. Marru jixtru Bambin iżda ma sabu wieħed mkien. Fl-aħħar iddubbaw wieħed mingħand Patri Franġiskan Konventwali tal-Belt.

Għalhekk lejlet il-Milied iltaqgħu. Min beda ġej bil-fanali, oħrajn ġabu l-blalen tal-karti. Oħrajn ġabu l-weraq tal-palm. Il-Ħamrun kollu xegħel b’entużjażmu kbir. Soċju tal-Mużew żamm il-Bambin f’idejh filwaqt li t-tfal kollha inġabru jkantaw: “Adeste Fideles” u l-għanja tradizzjonali Maltija tal-Milied: “Ninni la tibkix iżjed”.

B’dan il-mod, Dun Ġorġ ried ukoll li nifirħu b’Ġesù tarbija. Ma kienx kontra dawn l-affarijiet iżda għamel kull ma seta’ biex jinfirxu. Ejjew mela aħna nimxu fuq il-passi tiegħu u nkomplu nagħmluhom. Iżda rridu niftakru li l-Milied huwa festa spiritwali wkoll u għalhekk sejjer nagħtikom, ta’ tifel li jien, xi ftit pariri biex Ġesù jkun jista’ jitwieled ġewwa qalbna.

Fid-dar tagħna nippruvaw nagħmlu Bambin jew presepju, avolja żgħir. Iżda ma niqfux hawn. Inħarsu lejh ta’ spiss u nitgħaxxqu b’Ġesù tarbija mdawwar b’San Ġużepp u l-Madonna. Niftakru li dan Ġesù jrid jidħol fil-ħajja tagħna billi nbiddlu ħajjitna.

Għalhekk jekk f’dan il-Milied għandna xi ngħidu ma’ xi ħadd, ejjew naħfrulu bil-qalb. Niftakru fil-festa li taħbat l-għada tal-Milied, jiġifieri San Stiefnu, li Dun Ġorġ kien ukoll devot tiegħu. Dan il-qaddis kien mill-ewwel seba’ djakni tal-Knisja u miet martri imħaġġar filwaqt li bħal Kristu talab għall-maħfra tal-għedewwa tiegħu.

Inkunu niċċelebraw Milied bla sens jekk f’qalbna jibqgħalna l-għira u l-mibegħda lejn il-proxxmu tagħna. Jekk irridu nagħtu gost lil Ġesù bħal ma għamel San Stiefnu, l-ewwel martri tal-Knisja, ejjew nagħmlu rebħa fuqna nfusna u naħfru lill-għedewwa tagħna. Infatti l-Beatu Ġorġ Preca jikteb li jekk wieħed ikun ħafer lill-għedewwa kollha b’eċċezzjoni ta’ wieħed, ma għandux il-virtù tal-manswetudni.

Naqraw fil-Vanġelu ta’ San Luqa li meta l-anġlu deher lir-rgħajja qalilhom dawn il-kelmiet: “La tibżgħux! għax ara, sa nħabbrilkom ferħ kbir, li jkun għall-poplu kollu. Tweldilkom illum, fil-belt ta’ David, Ħellies, li hu l-Messija l-Mulej”.

Inkomplu naqraw fl-istess Vanġelu li r-rgħajja marru jgħaġġlu biex jaraw lil Ġesù tarbija. L-istess tħabbira li saret lilhom qiegħda ssir lilna llum. Jekk nilqgħu lil Ġesù f’qalbna, ser ikollna l-paċi u l-kwiet. Iżda min-naħa l-oħra, jekk flok nagħtu preferenza lil Ġesù, nintilfu wara divertiment żejjed, flok ma nsibu l-paċi sejrin nsibu l-inkwiet.

Għalhekk nagħlaq dawn il-ftit ħsibijiet qosra b’talba lill-Beatu Ġorġ Preca: “Nitolbok biex mis-sema tidħol għalina sabiex qlubna jixegħlu bl-imħabba lejn Ġesù tarbija”.

SKEMA III
IL-FERĦ TAL-MILIED

Qegħdin niċċelebraw l-festi għeżież tal-Milied li jġibu ferħ f’kull familja. Jalla dan ikun ferħ tassew.

Jekk naqbdu f’idejna l-Evanġelju ta’ San Luqa, naraw it-tħabbira tat-twelid ta’ Ġesù lir-rgħajja: “La tibżgħux! għax, ara, sa nħabbrilkom ferħ kbir, li jkun għall-poplu kollu. Tweldilkom illum, fil-belt ta’ David, Ħellies, li hu l-Messija l-Mulej”. U verament it-twelid ta’ Sidna Ġesù Kristu fil-għar ta’ Betlem ġieb ferħ kbir.

Ferħu l-Madonna u San Ġużepp meta raw lil Ġesù tarbija. Ferħu r-rgħajja u feraħ kull min ra din it-tarbija fqira. Għalhekk ma niżbaljawx jekk ngħidu li fil-għar ta’ Betlem kien hemm hena liema bħalha, li ma tistax tfissirha.

Inġibu ftit quddiem għajnejna dan l-għar. San Ġużepp u l-Madonna marru hemm għax ma sabu l-ebda post ta’ kenn għalihom fil-belt ta’ Betlem. Kien għar fqir, bla ebda kumdità. Madankollu kien hemm fih il-veru ferħ.

U l-lejla, għalkemm jiena tfajjel żgħir, ser inkellimkom fuq il-ferħ u l-paċi li għandhom jnisslu fina l-festi tal-Milied. Ser nfissrilkom li l-Ġesù biss huwa ċ-ċavetta tal-veru ferħ.

Kif għedna, il-festi tal-Milied jġibu ferħ. U hawn nistaqsikom: X’tip ta’ ferħ huwa li qegħdin inġarrbu? Naraw ftit. Hawn min jifraħ bil-parties u laqgħat oħra; hawn min jieħu gost bil-ġugarelli u hawn min jifraħ b’xi ħaġa oħra. Ifhmuni tajjeb. Sakemm bihom ma noffendux lil Alla u ma nagħtux il-ġenb lit-tarbija ta’ Betlem, dawn huma tajbin. Fihom nistrieħu mill-monotonija tal-ħajja; niltaqgħu ma’ xulxin u b’dan il-mod isirilna l-ġid.

Però nkunu niżbaljaw jekk nibnu l-ferħ tal-Milied fuq dawn il-ħwejjeġ biss. F’dawn il-festi, l-ewwel ferħ tagħna għandu jkun Sidna Ġesù Kristu. Fuqu rridu nibnu u nfasslu l-ħajja tagħna.

Ġesù għandu jkun il-mudell waħdieni ta’ ħajjitna. Huwa stess qal: “Jiena huwa t-triq, il-verità u l-ħajja”. Fuqu għandna nfasslu ħajjitna. Fuqu rridu nagħmlu l-programm ta’ ħajjitna.

Li temmen f’Ġesù jfisser li ssir tħobbu qabel kull ħaġa oħra li teżisti fid-dinja. U min iħobb lil Ġesù jsib il-veru ferħ, avolja jbati. Dan nistgħu narawh ċar mill-Atti ta’ l-appostli meta ġew meħudin quddiem is-Sinedriju. Naqraw fl-Atti: “Imbagħad sejħu l-appostli, u wara li sawtuhom, ordnawlhom biex ma jitkellmux f’isem Ġesù u telquhom.Iżda huma ħarġu minn quddiem is-Sinedriju ferħana talli ġew meqjusa bħala nies li jistħoqqilhom li jkunu mmaqdra minħabba l-isem ta’ Ġesù”. Hawnhekk naraw b’mod ċar il-ferħ li jagħtina Ġesù.

Ġesù ma huwiex qiegħed iwegħidna kumditajiet żejda. Ma huwiex qiegħed iwegħidna ħajja mingħajr tbatija. Ma huwiex qiegħed iwegħidna li mhu ser immutu qatt. Iżda qiegħed iwegħidna li huwa se jibqa’ magħna. U jekk Ġesù ser jibqa’ magħna, għandna biex nifirħu.

Kultant aħna l-bnedmin naqgħu f’din in-nassa tant fina: naħsbu li l-veru ferħ jinsab fil-pjaċiri, unuri u flus. Iżda tajjeb li nifhmuha li għalkemm dawn jagħtu xi ftit sodisfazzjon lill-bniedem, madankollu Sidna Ġesù Kristu huwa dak li jagħti l-vera paċi u ferħ. Huwa stess jgħidilna: “Ejjew għandi, intom ilkoll li mħabbtin u mtaqqlin u jien inserraħkom”.

Fil-festi tal-Milied, Ġesù għandu jiġi l-ewwel u qabel kollox. Inkunu mqarrqin jekk nifirħu b’mit elf ħaġa minn barra b’Ġesù. Għalhekk irridu nagħmlu proponiment li f’dawn il-festi tal-Milied noħolqu ambjent fejn ħajjitna ddur madwar it-tarbija ta’ Betlem. Jekk inhuwa possibbli, nagħmlu presepju jew anki grotta żgħira. Niftakru li kien San Franġisk ta’ Assisi li ta bidu għall presepju u f’pajjiżna l-Beatu Ġorġ Preca ħadem u stinka kemm felaħ biex l-presepju u l-bambini jixterdu aktar fil-gżejjer tagħna. Minbarra l-presepju, jekk nistgħu, nagħmlu Bambin sabiħ fid-dar tagħna jew fit-tieqa.

Anki l-Beatu Ġorġ Preca kellu presepju fid-dar tiegħu u bambin tax-xemgħa. Forsi hawn min jgħid li dawn huma ħmerijiet. Iżda l-presepju u l-Bambin għandhom ikunu mezzi biex niftakru fit-tarbija ta’ Betlem. Aktar ma l-għajnejn jaraw, aktar qlubna jsiru jħobbu aktar lil Ġesù.

Fil-Milied irridu nistħajlu li Ġesù qiegħed jgħidilna: “Ejjew l-ewwel għandi. Il-ħwejjeġ l-oħra huma kollha mezzi”. Kemm hija ħaġa sabiħa li nagħmlu parties u ikliet biex niltaqgħu ma’ xulxin f’dawn il-festi tant sbieħ. Iżda jekk fihom noffendu lil Alla permezz tad-dnub, inkunu qegħdin nuru biċ-ċar li Ġesù mhux iċ-ċentru tal-qalb tagħna.

Kif għedtilkom qabel, Ġesù ma huwiex qiegħed iwegħidna ħajja komda u ferreħija bla ebda salib. Jista’ jkun li fil-Milied hawn persuni għaddejjin minn xi diffikultà, salib, dwejjaq, jew xi waġgħa tal-qalb. Anki Ġesù jista’ jġib l-veru ferħ lil dawn il-persuni. Forsi hawn min jgħid kif dan huwa possibbli? Billi wieħed iħares lejn l-għar ta’ Betlem u jara li minkejja li kien hemm faqar kbir, kien hemm il-ferħ ukoll.

L-għada tal-Milied niċċelebraw il-festa ta’ San Stiefnu, li miet imħaġġar iżda ferħan li kien ħafer lill-għedewwa tiegħu. U għalkemm jiena tfajjel, infakkarkom li l-maħfra ta’ l-għedewwa hija ċ-ċavetta tal-veru ferħ u hena

Ejjew naħfru. Ejjew inħobbu lil Ġesù l-ewwel u qabel kollox. Ejjew niddevertu bil-qies. U matul il-Milied, ingawdu mill-veru ferħ li jaf jagħti biss Ġesù. Viva Ġesù Bambin.

SKEMA IV
IL-BNEDMIN TA’ RIEDA TAJBA QUDDIEM ĠESÙ

Għeżież, illum huwa lejlet il-Milied u ta’ tfajjel li jien ser niddeskrivilkom żewġ xeni jew stejjer li għandhom x’jaqsmu ma’ din il-festa. Wara ngħaddu biex nisiltu xi tagħlimiet minn dak li nkunu għedna.

Nitfgħu ħarsitna fuq ir-rgħajja ta’ Betlem. Dawn kienu nies foqra, bla skola u kważi emarġinati. Xogħolhom kien wieħed iebes. Kienu jgħassu bil-lejl il-merħliet tagħhom, meta raw anġlu mibgħut mis-sema. Qalilhom: “Tibżgħux, għax araw, qiegħed inħabbrilkom ferħ kbir, ferħ li se jkun għall-poplu kollu. Illum fil-belt ta’ David tweldilkom Salvatur, li hu l-Messija, il-Mulej. U bħala sinjal ikollkom dan: issibu tarbija mfisqija u mimduda f’maxtura”.

Quddiem din il-ġrajja ma qagħdux iġibu skużi iżda dlonk bdew jgħidu lil xulxin: “Ejjew immorru Betlem ħa naraw x’ġara, kif għarrafna l-Mulej”. L-Evanġelju ta’ San Luqa jkompli jgħidilna li huma marru u sabu lil Marija, lil Ġużeppi, u Ġesù tarbija mimdud f’maxtura. Sabu post fqir, kiesaħ, u mudlam. Kien ’il bogħod mill-ħsejjes ta’ l-ibliet u l-pompi tas-sinjuri. Iżda ltaqgħu mas-sultan ta’ l-univers u minn hemm ħarġu ferħanin. L-Evanġelju jkompli jgħidilna li marru jfaħħru lil Alla għal kull ma raw u semgħu.

Ngħaddu issa għat-tieni xena jew storja. Tliet slaten maġi mill-Lvant imbiegħed jaraw kewkba. Ta’ għorrief li kienu ndunaw li dan huwa sinjal li ser jitwieled xi ħadd kbir. Għalhekk ħallew lil arthom, lil nieshom u telqu għall-għonq it-triq. Kellhom jiltaqgħu ma’ diversi perikli. Iżda l-aktar wieħed kbir kien il-ħażen ta’ Erodi. Biex iqarraq bihom, ta’ lupu li kien, libes ta’ ħaruf. Riedhom jgħidulu fejn qiegħed Ġesù, biex ikun jista’ joqtlu żgur. Fl-aħħar bil-għajnuna ta’ Alla waslu fejn Ġesù li, kif jgħidu l-istudjużi, kellu xi sentejn. Offrewlu deheb bħala sultan, inċens bħala Alla u mirra bħala sinjal li kellu jbati.

Forsi jkun hawn xi ħadd li jistaqsi u jgħid: It-tieni xena x’għandha x’taqsam ma’ lejlet il-Milied. U għalhekk ser nispjegalkom ir-rabta ta’ bejniethom. Meta Ġesù twieled f’Betlem, il-pjan ta’ Alla kien li jmorru jżuruh ir-rgħajja li kienu foqra u jirrapreżentaw lill-poplu Lhudi. Alla ried ukoll li Ġesù jintwera lil ġnus pagani ta’ rieda tajba. Dawn il-popli kollha huma rappreżentati fil-persuna tas-slaten maġi. Dawn ġew mill-bogħod u offrewlu rigali ta’ ċerta valur.

F’dawn iż-żewġ xeni jew stejjer semmejna diversi persunaġġi differenti. Dawn huma: Marija, Ġużeppi, ir-rgħajja, il-maġi u Erodi. Ninnutaw ftit:

Naraw lil Marija u lil Ġużeppi li ħabbew bla tarf lil Ġesù, tant li għalih kienu kapaċi jagħmlu ħafna sagrifiċċji. Naraw lir-rgħajja u s-slaten maġi li marru fejn Ġesù għax hekk ħassew li għandhom jagħmlu. Ir-rgħajja kienu mnebbħin permezz ta’ dehra ta’ anġlu, filwaqt li l-maġi raw il-kewkba tal-Mulej. Iżda niltaqgħu mal-figura ta’ Erodi beżgħan ħafna li forsi Ġesù għad jeħodlu postu bħala sultan. U biex iraqqad din il-biża’ kien lest li joqtol lit-tfal innoċenti kollha kif fil-fatt għamel.

Għalhekk il-lejla ħafna nies fid-dinja qegħdin jifirħu bit-twelid ta’ Ġesù tarbija. Imma meta mmorru d-dar u niftħu t-televiżjoni u r-radju ma nisimgħux ħlief b’inkwiet u ġlied imdemmi. U forsi wieħed jistaqsi. Imma dan għaliex? Ir-risposta tagħna nsibuha fl-istorja tal-maġi. Mhux kulħadd fid-dinja jilqa’ lil Ġesù. Hawn min tant iħobb il-flus jew il-poter li jkun lest li jagħmel inġustizzji jew jiżra’ l-mibegħda. U għalhekk fid-dinja hawn il-gwerer. Infatti Alla ma jridx inkwiet jew tixrid ta’ demm. Il-Beatu Ġorġ Preca kien iħobb jgħid li Alla huwa Alla tal-paċi u mhux ta’ l-inkwiet.

Ejjew ma ninħakmux mill-pessimiżmu. Flok ma noqogħdu nistħu d-dlam aħjar nixegħlu xemgħa. U din hija l-persuna tagħna bil-ħsibijiet u x-xewqat tagħha. Il-lejla Ġesù ma huwiex se jitwieled ġewwa Betlem iżda qiegħed iħabbat il-bieb ta’ qalbna. Ma għandux bżonn it-tiben jew il-maxtura imma jrid li jkollna fina sentimenti ta’ paċi. Irid li aħna nagħmlu bħar-rgħajja u bħall-maġi.

Dan ifisser li naċċettaw lil Ġesù kif inhuwa u mhux kif nixtiquh aħna. Li taċċetta lil Ġesù jfisser li tobdi l-għaxar kmandamenti, tersaq lejn is-sagramenti. kif ukoll tobdi lill-awtorijiet tal-Knisja. U biex tagħmel dan kollu, irid jkollok qalb bħal tar-rgħajja jew tal-maġi. Dawn malli intebħu b’Ġesù, marru jżuruh mingħajr ma qagħdu jġibu ħafna skużi. Lanqas qalu, xi darba mmorru, imma malli ttendew bih telqu malajr għatxanin li jsibuh.

L-Iskrittura tgħidilna li r-rgħajja rritornaw lura ferħanin filwaqt li meta l-maġi raw l-kewkba ferħu bil-kbir. U dan huwa s-sigriet ta’ meta timxi wara Ġesù. Taħseb li t-triq hija iebsa u diffiċli. It-triq ta’ Kristu twasslek biex issib il-veru paċi: Dan kien il-messaġġ li l-anġli kantaw nhar l-ewwel Milied: “Glorja lil Alla fil-għola tas-smewwiet, u paċi fl-art lill-bnedmin ta’ rieda tajba”.

Allura meta inti ssib lil Ġesù, ser jkollok paċi kbira f’qalbek. U kull fejn tmur ser iġġib l-paċi; fid-dar, fuq ix-xogħol, fil-post tad-divertiment u anki r-raħal tiegħek. Ma mmorrux nitqarrqu li nkunu sibna l-ġenna fl-art u naħsbu li ma baqgħalna l-ebda diffikultà. Fil-ħajja niltaqgħu, bosta drabi ma’ persunaġġi li jixbhu lil Erodi. Forsi ma għandhomx poter daqsu, iżda fil-ħażen ta’ qalbhom jaslu biex jitilfu l-paċi ta’ qalbhom u jkunu ta’ salib għal dawk ta’ madwarhom.

O Ġesù tarbija, nerġa’ nixtieq nfakkrek f’dawn iż-żewg xeni. L-ewwel meta r-rgħajja Lhud u mbagħad s-slaten maġi pagani ġew iżuruk. Għalhekk, o Ġesù, nitolbok b’ħerqa kbira: “Mhux li d-dinja kollha timxi wara l-Evanġelju tiegħek filwaqt li ssaltan l-paċi fid-dinja kollha”.

Viva Ġesù Bambin.

SKEMA V
TAGĦLIM MILL-PRESEPJU

Illum huwa lejlet il-Milied. Jum ta’ ferħ kbir li forsi ma nafux kif sejrin nesprimuh. U biex dan il-ferħ ikun aktar tajjeb ser nibda dan id-diskors fqajjar tiegħi fuq il-presepju.

Fih naraw lil Ġesù tarbija f’għar ta’ l-annimali f’maxtura. Il-baqra u l-ħmara huma ħdejh. Insibu lil Ġużeppi u Marija jħarsu lejh mimlija bil-ferħ. Naraw ukoll resqin lejn l-għar xi rgħajja bir-rigali f’idejhom. Ftit ‘il bogħod nilmħu anġlu jħabbar lir-rgħajja biex imorru jżuru lil Ġesù tarbija. X’inhuwa dan il-presepju? Xi invenzjoni ta’ xi artist? Huwa tifkira ħajja tat-twelid ta’ Ġesù, b’tali mod li nkunu nistgħu nerġgħu ngħixuha mill-ġdid.

Hija ġrajja li seħħet tassew elfejn sena ilu f’Betlem tal-Lhudija. Hemmhekk Ġesù twieled fil-faqar, fil-kwiet, u mbiegħed mill-ħsejjes ta’ l-ibliet il-kbar. Għalkemm huwa l-Iben ta’ Alla, ma għażilx li jitwieled f’post tas-sinjuri. Lanqas għażel xi belt importanti biex jitwieled fiha. Tant għażel il-faqar li ma twelidx lanqas f’dar fqira imma f’għar ta’ l-annimali. Ġew iżuruh nies foqra — ir-rgħajja ta’ Betlem li kienu jgħixu billi jirgħu l-merħliet. Iżda jkun xieraq li niftakru li Ġesù ma ġiex għall-foqra biss iżda għal kulħadd.

Infatti mal-ġrajja tal-Milied insibu wkoll marbuta ż-żjara tal-magi. Dawn kienu nies għorrief li ġew mill-Lvant biex jagħtuh qima. Fil-vjaġġ tagħhom kienu mmexxija minn kewkba. U offrewlu — deheb, inċens u mirra. Id-deheb talli kien sultan, l-inċens talli kien Alla, u l-mirra sinjal li kien ser jbati.

Il-maġi huma figura ta’ dawk il-pagani ta’ rieda tajba li malli jsiru jafu bi Kristu, jemmnu fih u jħobbuh. Għalkemm ma kinux jafu bih, xorta waħda għarfuh bħala sultan. Fuq l-eżempju ta’ dawn il-persunaġġi, ejjew ngħidu lil Ġesù: “Inti s-sultan tal-qalb tagħna”. Kif fl-antik is-sultan kien l-aktar persuna importanti tal-pajjiż, hekk Ġesù għandu jkun għalina l-għeżeż persuna ta’ ħajjitna.

Madwar mit sena ilu Paul Claudel, żgħażugħ kien qiegħed jiġġerra fit-triqat ta’ Pariġi. Kien lejlet il-Milied. Xħin għadda minn quddiem il-Katidral ta’ Notre Dame sema’ l-kant tal-Milied. Għoġbu. Daħal ġewwa u hemmhekk iltaqa’ ma’ Ġesù. Sar kittieb nisrani.

Il-lejla huwa wkoll lejlet il-Milied — il-lejl li fih twieled Ġesù. Huwa għamlilna stedina speċjali biex niġu nisimgħu l-kant, il-poeżiji u ħwejjeġ sbieħ oħra. Dawn għandhom ikunu mezzi li jressquna lejn Ġesù tarbija. Forsi ma għandniex bżonn nikkonvertu bħal Paul Claudel, imma nistgħu nifhmu aħjar xi jfisser għalina l-insara l-Milied. Iridna li f’dan il-lejl qaddis inbiddlu qalbna. Jixtieq minna li xħin nispiċċaw dan il-programm insiru nħobbuh aktar.

Messaġġ ieħor li jrid jagħtina Ġesù tarbija huwa l-paċi. Hekk kantaw l-anġli b’Betlem: “Glorja lil Alla fil-għoli tas-smewwiet u paċi fl-art lill-bnedmin ta’ rieda tajba”. Jisgħobbina jekk, xħin immorru d-dar il-lejla, naraw fit-televizjoni xeni ta’ ġlied imdemmi. Għal dawn in-nies il-paċi ta’ Kristu għadha ma waslitx. Għaliex qegħdin jagħmlu hekk? It-tweġiba m’hix faċli. Dawn il-popli għadhom ma għarfux li Sidna Ġesù Kristu ġie fid-dinja biex iġibilna l-paċi. Ġesù qiegħed jistedinna wkoll biex inġibu l-paċi fid-dar, fl-iskola, fuq il-post tax-xogħol u anki fil-postijiet tad-divertiment.

Kull twelid iġib il-ferħ fil-familja. Tant huwa hekk li nkomplu niċċelebraw il-Birthday. Jixraq ukoll li niċċelebraw it-twelid ta’ Ġesù permezz ta’ parties, presepji, kartolini, is-siġra tal-Milied u ħwejjeġ oħra. Dawn il-ħwejjeġ għandhom ifakkruna aktar f’Ġesù. Tkun vera disgrazzja jekk noqogħdu nilagħbu b’affarijiet tal-Milied u mbagħad ninsew lil Ġesù li huwa ċ-ċentru ta’ din il-festa.

Għalhekk nerġa’ ftit għall-ħsieb tal-bidu, jiġifieri fuq il-presepju. Meta nkunu qegħdin nippreparaw ruħna għall-Milied, noqogħdu attenti li ma naħsbux għal kollox barra l-presepju. Tista’ tidħol f’moħħna li dan huwa logħob tat-tfal. Iżda jekk naqraw il-ħajja ta’ San Franġisk ta’ Assisi niffurmaw idea oħra. Dan il-qaddis, hekk kbir u umli, ivvinta fi Greccio l-ewwel presepju. Imbagħad f’pajjiżna, il-Beatu Ġorġ Preca kien minn ta’ quddiem biex f’Malta nibnu kultura reliġjuża li tagħti importanza lil Ġesù tarbija. Fid-dar tiegħu kien jagħmel il-presepju, filwaqt li fit-tieqa kien jagħmel Bambin tax-xemgħa. Tkun ħaġa tajba li kull familja tagħmel presepju anki żgħir. Dan għandu jfakkarna li Ġesù ġie fostna bħala bniedem. U proprju għalhekk nistgħu nagħmlu l-presepju. Lil Alla ħadd qatt ma rah, iżda Sidna Ġesù Kristu, l-Iben ta’ Alla, sar bniedem u għarrafulna, kif jgħid l-Evangelju ta’ San Ġwann, fil-Prologu. U għalhekk fil-presepju niggustawh bħala tarbija b’idejh miftuħa qiegħed jilqa’ lill-bnedmin kollha f’dirgħajh .

Nagħlqu din il-priedka qasira billi ngħidu din it-talba lil Ġesù Bambin: “Berikna u itfa’ fuqna l-grazzja tiegħek biex f’dan il-lejl imqaddes niftakru aktar fil-misteru tat-twelid tiegħek, li minn Alla sirt bniedem għalina”.

Viva Ġesù Bambin

Werrej

Bejn Ħsieb u ieħor
Daħla
Skema l – Kristu huwa l-bieb ewlieni ta’ ħajjitna
Skema 2 – Dun Ġorġ u l-Milied
Skema 3 – Il-ferħ tal-Milied
Skema 4 – Il-bnedmin ta’ rieda tajba quddiem Ġesù
Skema 5 – Tagħlim mill-presepju

Categories: Minn Angelo Xuereb
  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

%d bloggers like this: