L-Evanġelju tas-Sibt, 11 ta’ Novembru 2017

Print Friendly, PDF & Email

Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Lq 16, 9-15

Meta wieħed jaħseb dwar dak li qal Ġesù fl-Evanġelju ta’ Luqa dwar il-flus, jinduna li Ġesù, u n-nies ta’ żmienu, u probabilment, anke llum fi żmienna joħolqu rabta bejn il-flus ul-ħażen. Mhux għax il-flus huma ħżiena; wara kollox l-għan tagħhom hu li jgħinu lil bniedem biex jibdel ix-xogħol tiegħu f’meżżi biex jgħix.

Iżda l-bniedem faċli ħafna li jaqa fit-tentazzjoni li jinsa l-ħajja tiegħu u ta dawk ta’ madwaru u jibdel il-mezzi biex jgħix f’mezzi ta’ qliegħ tal-flus, anke b’sogru li jwaqqaf il-‘ħajja’ tiegħu u ta’ oħrajn biex jakkwista iżjed.

Filwaqt li fis-silta ta’ qabel din Ġesù, permezz tas-sid tal-parabbola, jġib eżempju kif għandna nkunu bil-għaqal u nħaddmu moħħna f’dak li hu tajjeb, billi jfaħħar lill-amministratur ħażin, hawnhekk Ġesù juża l-kelma ‘fidil’ biex jemfasizza li kull abbuż miminn dak li ġejt afdat biex tħares jew tamministra, huwa frott tar-rebgħa bil-qerq.

Fil-parabbola tal-iben il-ħali, f’kapitlu 15 ta’ dan l-istess Evanġelju, Ġesù jurina kif il-flus isiru mezz ta’ telfien għall-bniedem b’żewġ modi. L-iben iż-żgħir jitlob nofs ġid missieru bi dritt u b’arroganza kbira u meta jsib il-ħorġa mimlija jberbaq kull ma akkwista u li ma kienx tiegħu biex ikun ‘kuntent’. Il-flus intużaw mill-iben iż-żgħir f’mezz ta’ tbaħrid li mmnu nnifsu jasserixxi li l-ħajja hi ‘kul u tpaxxa għax minn hawn għal ġol-kaxxa. Imma b’dak li ġralu juri biċ-ċar li il-bniedem jibqa’, imma l-flus jispiċċaw.

l-iben il-kbir kellu kulma hu ta’ missieru li qatt ma ċaħadlu xejn għax kull ma kien tal-missier kien tal-iben, iżda hu ried iżjed, għalih dak li kellu qatt ma kien biżżejjed, ried jitlob iżjed, iżda għa xi raġuni qatt ma talab, probabilment mhux għax ma kellux imma għax kien rgħib u xħxiħ u ma riedx jonfoq minn dak li kellu, iżda minn but ħaddieħor u disgħa u disgħin fil-mija li kieku ħaddieħor tah iżjed lanqas kien juzah biex jiġmgħu ma li diġa kellu. Ir-rebgħa tiegħu wasslitu biex jiddisprezza lill-missieru u lil ħuh meta dan reġa’ lura qawwi u sħiħ. Ir-rebgħa għall-flus ixxejjen fina kull sentiment uman u kull valur, u tagħmilna magni bla emozzjonijiet u bla prinċipji. Il-qerq isir ir-regola.

Min hu rgħib għall-għana, jżeblaħ lil min jgħix bir-rażan u jipprova jdellu billi jippretendi li bil-flus jistra’ jixtri kollox u min m’għandux huwa miżerabbli li ma jista jixtri xejn. Imma l-fedeltà ma tinxtarax bil-flus, lanqas l-hena, l-anqas is-sodisfazzjoni b’li għandek, għax għall-grazzja ta’ Alla dak li jħoss il-bniedem mhux suġġett għall-flus u fil-fond ta’ qalb kull bniedem hemm it-tajjeb u xewqa għal iktar.

Imma r-rebgħa għandha l-ħila tiffriżana daqs biċċa silġa, tagħmlilna qalbna rħam, iebes u kiesaħ, tnessina li aħna bnedmin, teqred minn ġo fina l-umanità tagħna u ssawwarna f’allat foloz, li b’arroganza kbira, nippretendu l-qima ta’ dawk li nisolħu biex inħaxxnu bwietna. Ir-rebgħa għandha l-ħila tkun sejf f’idejna biex nagħtu bl-addoċċ, fejn ħabat ħabat u fejn laqat laqat, anke jekk mini isi ruħu quddiem il-ponta ta’ dan is-sejf ikun xi ħadd għażiż għalina u aħna għeżież għalih, xi ħadd li ma nafuhx u wisq inqas qatt għamlilna xi deni, aħwa, qraba, ħbieb: quddiem is-sejf tar-rebgħa ħadd ma jeħlisha.

Il-fedeltà u l-irġulija jibdew bil-ftit u jikbru magħna jekk ngħożżuhom u nibżgħu għalihom. Min hu fidili fil-ftit hu fidil fil-ħafna. Iktar ma tkun fidili, iktar jafdawlek f’idejk.

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Leave a Reply

%d bloggers like this: