Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap, Ġenerali > Milied b’differenza

Milied b’differenza


Patri Mario Attard OFM Cap

Wara ħafna preparamenti l-festa tal-Milied, fl-aħħar, waslet! Fil-fatt jonqos biss jumejn oħra biex niċċelebraw “il-festa tal-festi”, kif kien iħobb isejħilha Missierna San Franġisk.

Il-Milied iġib il-ferħ. Jgħaqqad il-familji. Għal ħafna persuni l-Milied ifisser ukoll mument mill-isbaħ fejn wieħed jista’ igawdi l-benna li jkun mal-oħrajn. F’dawn iż-żminijiet hawn min hija letteralment l-għaxqa tiegħu li f’daru jistieden il-qraba u l-ħbieb tiegħu. Hawn min fil-Milied jaqbadlek l-ajruplan biex iżur lill-familja tiegħu barra minn xtutna. Inkella viċi versa. Bħalissa jiġuni f’moħħi dawk iż-żgħażagħ li qiegħin jistudjaw inkella jaħdmu barra pajjiżna. La jasal il-Milied arahom jaqtgħulek il-biljett ħalli jiġu fostna biex iqattgħu dawn il-mumenti daqshekk sbieħ mal-familjari tagħhom.

L-għaliex, u tmur fejn tmur, il-Milied Malti jibqa’ speċjali. Dawk id-dekorazzjonijiet sbieħ. L-aktar il-presepji, żgur li m’hawnx bħalhom. Kemm hija ħaġa għaqlija li hawn min qed jaħdem bis-sħiħ biex iżomm din it-tradizzjoni daqshekk sabiħa ħajja f’artna. Għax jekk jitneħħa l-presepju mill-Milied jiġri daqslikieku persuna nkunu qlajnielha qalbha. Din tista’ tgħix? Żgur li le! Tmut żgur! Daqstant ieħor il-Milied mingħajr il-presepju. Għalhekk l-għajta Lets put Christ back in Christmas, jiġifieri ejja npoġġu mill-ġdid lil Kristu fil-Milied, tagħmel sens kbir.

Ma rridux lanqas ninsew il-funzjonijiet sbieħ li jsiru fil-Knejjes tagħna. Aktar u aktar il-Quddiesa ta’ nofsillejl. Li, minħabba l-misteru li tiċċelebra u l-ħin li dan il-misteru jiġi iċċelebrat, jibqa’ jinkolla tant u tant nies. Inklużi dawk l-Insara fostna li l-Knisja tarahom biss fil-Milied u fl-Għid. Filwaqt li huwa tant sabiħ li mmorru għall-Quddiesa ta’ Nofsillejl u, dakinnhar, inqerru u nitqarbnu, għax il-Milied, ejjew niftakru li l-Milied huwa kuljum. Ġesù kuljum irid jitwieled f’qalbi. F’ruħi. Fi ħsibijieti. Fl-għażliet li nagħżel. Fil-professjoni u fix-xogħol tiegħi. Ġesù fija għaqda jrid u mhux firda. Mela Ġesù tal-ħajja privata tiegħi għandu wkoll ikun Ġesù tal-ħajja pubblika tiegħi.

Imbagħad il-Milied ifakkarna fl-ikel tradizzjonali marbut ma’ din il-festa. Speċjalment f’dak l-imbierek qassis li miskin, ta’ kull sena, joqtluh u jsarjuh: DUNDJAN! Imbagħad, f’nisġa waħda ma’ din il-festa hemm ukoll il-ħelu tal-Milied. L-aktar il-Christmas log! Li, ċertament, hija l-wirt gastronomiku tal-preżenza Ingliża fostna. Dan biex ma nsemmix il-magħrufin kartolini u l-biżiblju rigali li jingħataw. U, bilħaqq, ix-xorb. Anki hawn irridu nagħmlu ftit tal-għassa. Ejjew nixorbu mill-anqas! L-aktar jekk se nkunu se nsuqu. Mhux sewwa li nipperikolaw ħajjitna u l-ħajja ta’ xi ħadd b’kapriċċ. Għax inħobbu l-qattra. U, għaliex illum il-Milied, allura ejja nlegilgu bl-addoċċ! Ħbieb, ejjew nibżgħu mhux biss għal ħajjitna imma wkoll għal ħajjet ħaddieħor.

F’dawn il-festi diversi jkunu l-istediniet. Din hija xi ħaġa sabiħa ħafna. L-għaliex, dak li jkun, tassew li jħossu stmat. U apprezzat. Biss ejjew ma neħlux biss mal-istediniet tan-nies li, l-għaliex inkunu nafu li diġà jkunu se jistednuna, aħna nkunu pronti nistednuhom. Ħalli ma nagħtuhomx xi jgħidu. Le! Ejjew inwessgħu aktar qalbna. Ħa niftakru fil-kliem qawwi ta’ Ġesù meta lil dak li stiednu qallu hekk:

“‘Meta tagħti ikla jew pranzu, tistedinx lil ħbiebek jew lil ħutek jew lil qrabatek, u anqas ġirien għonja, għax għandhom mnejn imbagħad jistiednu lilek huma, u hekk iroddulek il-pjaċir li tkun għamiltilhom. Għall-kuntrarju, meta tagħmel ikla, stieden il-foqra, il-magħtubin, iz-zopop u l-għomja, u hieni int, għax dawn ma għandhomx minn fejn iroddulek pjaċir bi pjaċir, imma jroddhulek Alla meta l-ġusti jqumu għall-ħajja!’” (Lq 14 :12-14).

Il-mistoqsija tqum spontanja: min huma l-foqra, il-magħtubin, iz-zopop u l-għomja tallum? F’kelma waħda min huma l-imwarrbin? Dawk li ma jaf bihom ħadd? Illum il-foqra m’humiex sempliċiment dawk li jbatu biex ilaħħqu mal-ħajja. Dawk li jitolbu lill-Mulej li iġri jiġi l-aħħar tax-xahar ħalli tidħlilhom il-paga. Ħa jkollhom xi jħallsu u, fil-limiti stretti tagħhom, ikollhom l-opportunità li jagħmlu l-ikla tal-Milied. Dejjem skont il-qies tagħhom. Anki jekk dan, għal uħud mill-familji Maltin, ifisser li jqisu bix-xiber.

Teżiżti faxxa oħra ta’ faqar fis-soċjetà li ma tantx nagħtu kasha. Forsi l-għaliex djarhom huma sbieħ. Attrezzati. Dawn jafu jkunu tal-flus. Għandhom il-boqxiex. Imma, minkejja dan kollu, m’għandhomx il-ferħ li jaf ikollha familja li taqlagħha u tikolha. Dawn huma l-persuni li f’dan il-Milied se jqattgħuh waħedhom, iżolati u f’dieqa kbira. Bħalissa jiġuni f’moħħi dawk li tilfu lil xi ħadd għażiż. Inkella dawk li, għal xi raġuni jew oħra, il-familja li dejjem xtaqu li jkollhom spiċċatilhom. Jiġuni wkoll f’moħħi dawk li qiegħdin f’relazzjonijiet mjassra. U, l-għaliex tant jinsabu fgati u jħossuhom ilsiera fihom, qiegħdin jitolbu lill-Mulej, lejl u nhar, biex ifittex jeħlishom minnhom. Imbagħad, u fost kollox u kulħadd, jiġuni dawk li qiegħdin fl-Isptarijiet u fid-Djar tal-Anzjani u ħadd ma jmur iżurhom. Ma rridx lanqas ninsa lil dawk li ma jistgħux jissettiljaw fil-ħajja. Ippruvaw ma nafx kemm-il relazzjoni. Imma kollox marrilhom suf.

Bir-raġun li dawn ħutna jibkulna, anki jekk ma jgħidulniex kelma, biex nieħdu ħsiebhom. Immorru narawhom. Nagħtuhom ftit ħin milli l-Mulej tana f’dawn il-festi daqshekk sbieħ. Wara kollox nkunu qiegħdin naljenaw ruħna jekk ningħalqu biss bejn l-erba’ ħitan tal-familja tagħna u ma naħsbux, imqar b’viżta, inkella bi stedina, f’xi kategorija minn dawn li għandni kemm semmejt. U forsi tant oħrajn.

Il-Milied, minnu nnifsu, jiġbor in-nies. Joħloq il-komunitajiet. Jagħti l-ferħ ta’ Ġesù Bambin li twieled għal kulħadd. Mingħajr l-ebda differenzi ta’ klassi, kultura, sess, reliġjon, jew fehma politika. Ejjew f’dan il-Milied inkunu aħna li nkunu l-melħ u d-dawl tas-soċjetà tagħna billi nagħmlu ferħan u ferħana persuna li hija u tħossha waħedha. Għaliex anki hu, is-Sultan tas-Slaten, mis-sema, mill-familja immensa tal-anġli u tal-qaddisin, fejn il-kelma imħabba m’hijiex paroli iżda rejaltà dejjiema, nieżel fostna ħa jdewwaqna l-ħlewwa tal-għamara tiegħu. Fejn jgħix għal dejjem. Anki hu ġie irrifjutat. Imwarrab. Kellu jaħrab. Bħal tant refuġjati li hawn fostna biex ikun jista’ ikompli jgħix. Hu, li mhux biss m’għamel l-ebda ħsara imma hu t-Tjubija fiha innifsha.

Għalkemm ġie mwarrab xorta beda jiġbor lin-nies madwaru. Ġabar madwaru lir-rgħajja u lin-nies sempliċi. U, bil-preżenza ħelwa tiegħu, ġabilhom l-imħabba, ir-rispett u d-dinjità li kien jistħoqqilhom. Mela anki int li, f’dan il-Milied, se tqattgħu waħdek, tinqafilx f’darek. Oħroġ! Mur żur lil dawk li, bħalek, m’għandhom lil ħadd. Tista’ wkoll tistieden f’darek lil dawk li huma mwarrbin. Imqar erba’ minn nies. U magħhom iċċelebra l-Milied. Tista’ anki tagħti xi rigali lill-oħrajn minn dak li l-Mulej għoġbu jipprovdilek. U, fuq kollox, kun grat u grata ta’ kollox. Anki li, f’dan il-Milied, int għadek ħaj u ħajja. Ftakar kemm nies oħra bħalek m’għandhomx il-grazzja li għandek int. Tiskanta kemm meta tkun grat u grata għal dak li int u li l-Mulej ipprovdhielek int tkun kalamita biex oħrajn jaħsbu wkoll fik.

Ħa niċċelebra dan il-Milied b’differenza! Ejja nagħti aktar milli nirċievi! Il-Milied it-Tajjeb lil kulħadd!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: