Is-sagristani


Dan l-aħħar, jiena u sejjer lejn l-isptar għall-ħidmieti, rajt stampa mdaqqsa f’ħanut ta’ mara b’idha l-leminija taħt gedduma. Qiegħdha Taħseb. U, din l-istampa, ukoll ġagħlitni … naħseb…

U min tela,’ f’moħħi f’dak il-ħin? Ħadd ħbieb għajr is-sagristani! Iva! Huma! Ġbajt niltaqa’ ma’ nies ifaħħru l-knejjes sbieħ u armati li kellna fil-festi tal-Għid. Dan biex ma nsemmix ukoll in-numru kbir ta’ nies li attendew għall-funzjonijiet tat-tlett ijiem imqaddsa. Inkluża wkoll il-festa devota tad-Duluri. F’dan kollu ħaġa ġiet f’moħħi: kemm jaħdmu ħutna s-sagristani! Kemm sagristani irġiel u anki dawk nisa! Speċjalment ħutna s-sorijiet fil-kunventi u l-knejjes!

Għalhekk kemm hu għaqli li wieħed japprezza xogħlhom! Kif jgħiduli uħud minnhom, xogħolhom rabta! Għax, fil-knejjes ġawhriet tagħna, hemm x’tagħmel! Daqqa tarma hemm. Imbagħad iżżarma l’hawn. Tnaddaf. Taħsel. Tiknes. Tgħodd il-ġabra. U x’ma nafx jien! Mela li tkun sagristan mhix ċajta! Barra minhekk is-sagristan irid ukoll jaħseb għall-affarijiet minn qabel. Għax iż-żmien jgħaddi! U, biex ma ninsiex, is-sagristan irid joqgħod moħħu hemm meta jarma. Għax faċlissimu li jweġġa’. Ajma! L-aktar fil-knejjes antiki!

Li tkun sagristan ifisser li taħdem minn wara l-kwinti. Ħafna nies japprezzaw bil-qabda xogħlok. Iżda lilek abbli ma tantx jarawk iddur daqshekk. Il-kappillan, is-saċerdoti u lajċi impenjati fil-liturġija jafu jarawhom ħafna aktar minnek. U forsi lilhom jgħidulhom: Prosit xi ġmiel ta’ Knisja armata għandkom! U lis-sagristan miskin? Min se jgħidlu prosit? Min se jinkoraġġih ħa jissokta jagħmel dan bi mħabba u b’ġenerożità kbira kif dejjem għamel?

Fl-Istruzzjoni Ġenerali tal-Missal Ruman insibu miktub hekk dwar is-sagristani: “Dan li ġej wkoll jeżerċita funzjoni liturġika: Is-sagristan, li bl-aktar mod għaqli, jħejji l-kotba liturġiċi, l-ilbies liturġiku u ħwejjeġ oħra neċessarji fiċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija” (nru. 105).

Is-sagristan huwa ta’ spalla kbira għas-saċerdoti fil-ħajja tal-parroċċa. Fil-fatt, bil-kollaborazzjoni tiegħu, is-sagristan jgħin ħafna lis-saċerdoti biex jiffukaw fuq il-ministeru saċerdotali tagħhom. Għalhekk, waqt li s-sagristan jieħu ħsieb b’reqqa l-ħwejjeġ tal-quddiesa s-saċerdot ikollu aktar ħin f’idejh biex iħalli t-tempju ħalli jmur jiltaqa’ mat-Tempju, il-parruċċani. Għax biex iżur lill-familji, lill-morda, iħejji l-omeliji u, fuq kollox, jitlob u jistudja, irid il-ħin.

Issa meta jien poġġejt idi ma’ geddumi, eżattament bħal dik il-mara tal-istampa tal-ħanut, li rajt jien u għaddej, l-Ispirtu s-Santu għallimni li x-xogħol ta’ sagristan huwa ħafna aktar minn sempliċiment li jara li t-trieħi, il-purifikaturi u ħwejjeġ oħra li fuqhom isir is-sagrifiċċju ewkaristiku jkunu ndaf tazza. Is-sagristan, bħalna l-patrijiet u l-qassisin, irid dejjem iżomm quddiem għajnejh ma’ Min qiegħed jaħdem! Aktar u aktar illum, meta hawn tant bżonn li titwassal mill-ġdid il-bxara t-tajba tas-salvazzjoni!

Anki s-sagristan jevanġelizza. U jevanġelizza bil-mod ta’ kif iżomm il-Knisja. Speċjalment fl-ordni u fl-indafa. Imma, u fuq kollox, is-sagristan jevanġelizza anki bil-mod ta’ kif iġib ruħu fis-santwarju u barra minnu. Kemm hu sabiħ tara sagristani li l-Mulej jagħmel tant ġid bihom! Personalment naf sagristani li jitkellmu u jisimgħu lin-nies. Jagħtuhom kelma tajba. Iħeġġuhom għall-qrar. U anki ġieli talbu magħhom! Kien hawn min il-vokazzjoni tiegħu jew tagħha għall-ħajja ikkonsagrata u saċerdotali jafha u tafha lis-sagristan!

Hemm sagristani oħrajn li jużaw il-Facebooks tagħhom biex jevanġelizzaw. U anki biex jixxerjaw talb u xi ħsiebijiet spiritwali li jolqothom. Lil dawn is-sagristani ma nistax ma nirringrazzjahomx! Għalihom li tkun sagristan huwa ministeru u mhux xogħol! Għax jinvolvilhom ħajjithom kollha! Dawn is-sagristani ta’ sinsla ifakkruni f’tant qaddisin li kienu sagristani bħalhom. Issa hawnhekk ma nistax ma nsemmix il-qaddis padrun tas-sagristani, San Guy minn Anderlecht. Dan il-qaddis Belġjan huwa xempju ta’ kif sagristan għandu jkun.

San Guy, li l-festa tiegħu hi fit-12 ta’ Settembru, twieled f’Anderlecht, f’villaġġ ħdejn Brussel, fis-seklu għaxra. Jum minnhom, meta kien qed jitlob fil-Knisja ta’ Sidtna Marija ta’ Laeken, viċin Brussel, tant kemm talab bil-qalb li l-qassis qallu biex jibda’ jgħix u jgħin fiż-żamma ta’ din il-Knisja. Il-ferħ ta’ Guy kien dak li jkun fil-knisja, jaħsel l-art, jillostra l-altari u jnaddaf il-ħwejjeġ sagri. Kien iqatta’ ħafna ħin billejl jitlob fil-Knisja. Mal-jum kien isib ukoll il-ħin u l-mezzi biex jgħin lill-fqar. Tant li r-reġjun kollu kien jaf bih. Meta miet fis-sena 1012 dawl idda madwaru u leħen instema’ jħabbar li Guy kien fis-sema. Ġie midfun fiċ-ċimterju tal-kanonċi f’Anderlecht.

Kuraġġ għażiż sagristan u sagristana! Jalla tikber int ukoll, bħal San Guy, fit-talb u f’imħabbtek lejn il-fqar. U qabel tibda’ taħdem fil-Knisja tista’ titlob din it-talba ħa tgħinek:

Missier Qaddis, itfa’ l-barkiet fuq il-ministeru tiegħi illum. Hu unur u privileġġ għalija li nservi lil Ġesù Ibnek f’artalu. Jekk jogħġbok mexxi jdejja u l-passi tiegħi biex nwettaq id-doveri tiegħi bil-grazzja u r-rispett. Nitolbok dan f’Isem Ġesù li jien naqdiH bil-ferħ. Amen.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

%d bloggers like this: