Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Biex ma nilgħabiex tal-qaddis u l-qaddisa

Biex ma nilgħabiex tal-qaddis u l-qaddisa


Dan l-aħħar, sewwa sew nhar it-Tnejn 9 t’April, Papa Franġisku ippubblika ittra appostolika li titħaddet dwar il-qdusija fid-dinja tallum. It-titlu tekniku Latin tagħha hu Gaudete et Exsultate. U, ala Maltija, tiġi: “Ifirħu u thennew” (Mt 5:12).

Uħud jekk issejħilhom il-kelma qdusija aqta’ kif jiddarsu. Uuuu! Bil-mod sieħbi qabel tibda’ tfajrilhom u tiġġudikahom! Taf li għandhom raġun? U ejja! Ħa ngħidlek għaliex sieħbi! L-għaliex, dawn in-nies, iddejqu, jew aħjar u proprjament, iddardru jaraw ix-shows. Show wara l-ieħor. Qisna tal-kummiedja. L-imitation iddardar. Għax mhux tad-ditta. U, f’soċjetà fejn l-ekonomija dejjem qed tagħmel passi ta’ ġgant ‘il quddiem, li nkun imitation ifisser li nkun dardira. U, wisq agħar, taċ-ċajt. Għax mhux tad-ditta. U bir-raġun! Mela sieħbi ejjew ma nkunux dardira! U ma naqgħux aktar taċ-ċajt! Patri Piju, Ġwann Bosco, Dun Ġorġ u l-bella compagnia kienu uniċi. Tikkuppjahomx! Għax inkella tiddardar int u iddardar lilna … sieħbi!

Mela kif ħa nkum tad-ditta skont Papa Franġisku? Inkun tad-ditta meta jkolli ħafna perseveranza, paċenzja u umiltà. Iva. Perseveranza! Għax, kif jgħidilna San Pawl, jekk Alla hu magħna min jista’ jkun kontra tagħna? (Rum 8:31). Din tipo ta’ taqbila ħelwa li Patri kien iħobb tant iqabbel b’għerf kbir: “F’idejk jien ruħi nerħi għax minix merħi!” U kellu raġun biex ibiegħ! Anki jekk kien hemm xi “qaddisin” li aqta’ kemm kienu skandalizzaw ruħhom meta semgħuh iqabbilha! Għax min jintelaq f’idejn il-Missier tagħna tas-Sema jistgħu jagħmlulu fuq li jagħmlulu l-għaliex huma jinfaqgħu u mhux hu!

Il-perseveranza twassalna għall-paċenzja. Dik il-paċenzja li tgħinna nwieġbu bil-ġid għad-deni li nirċievu. Jerġa’ San Pawl lir-Rumani: Tħallix il-ħażen jirbħek, iżda irbaħ il-ħażen bit-tajjeb (Rum 12:21). U l-maħfra aqta’ kif tniżżilna minn fuq dak il-pedistall li nkunu ħloqna ħa jadurawna n-nies ħi! Isma’ xi jgħid Papa Franġisku: “Il-qaddisin ma jaħlux l-enerġija tagħhom jeqirdu dwar il-wagħat ta’ ħaddieħor. Jafu jrażżnu ilsienhom quddiem l-iżbalji ta’ ħuthom subjien u bniet u jevitaw vjolenza verbali li tbaxxi u timmaltratta lil oħrajn. Il-qaddisin iżżommu lura milli jittrattaw lill-oħrajn b’mod aħrax. Għax iqisu lill-oħrajn aħjar minnhom” (nru. 116).

Li nkun tad-ditta jfisser li nkun ferħan u ferħana. U jkolli sens umoristiku! Dan l-għaliex il-ħajja Nisranija hija ferħ fl-Ispirtu s-Santu (Rum 14:17). Ejjew ma ninsewx li “r-riżultat neċessarju tal-imħabba tal-karità huwa l-ferħ; ġaladarba kull maħbub jifraħ f’li jkun maqgħud ma’ dak li jħobb … [Mela] l-effett tal-karità hu l-ferħ” (nru. 122). U Ommna Marija x’tgħidilna? L-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi (Lk 1:47). Jgħidilna Papa Franġisku: “Il-ferħ Nisrani huwa, ġeneralment, imsieħeb mis-sens umoristiku” (nru. 126). Għax, jissokta l-Papa, “aħna tant nistgħu ninqabdu fina nfusna li ma nkunux nistgħu nagħrfu r-rigali tal-Mulej” (nru. 126). Kelma oħra minn Pawlu Pawl fl-Ittra tiegħu lir-Rumani: Ifirħu ma’ min jifraħ (Rum 12:15).

Biex inkun tad-ditta rrid inkun sod, soda u b’passjoni. Jgħidilna l-Papa: “Il-qdusija vera hija sodezza, dak l-impuls li nevanġelizza u nħalli marka f’din id-dinja… [Għalhekk] sodezza, entużjażmu, il-libertà li nitħaddet, fervur appostoliku” (nru. 129).

Jekk tassew irrid inkun tad-ditta ta’ Kristu, u mhux imitation li teqdiem u titqatta’ malajr mal-ewwel qadfa, irrid inkun persuna fil-komunità. X’qawwa hemm meta nikbru flimkien! Meta nibnu l-pontijiet. Għalkemm flimkien ma jfissirx li wieħed jissoffoka lill-ieħor bl-iskuża tal-flimkien. Għax il-vera komunità iġġib il-libertà. U mhux toħnoqha. Huwa f’dan is-sens li l-Papa Franġisku jgħid: “Din kienet il-komunità qaddisa iffurmata minn Ġesù, Marija u Ġużeppi, li irriflettiet, b’mod eżemplari, is-sbuħija tal-komunjoni Trinitarja. Kienet ukoll vera fil-ħajja li Ġesù qasam mad-dixxipli tiegħu u man-nies komuni” (nru. 143). U l-komunità turi ruħha fl-għemejjel iż-żgħar magħmulin bi mħabba kbira! Jiġifieri fl-“iċken dettall” (nru. 144). Fl-għemejjel iż-żgħar. Jiġifieri bħalma jagħmel miegħi dak il-Patri li jħallili flixkun ilma bil-gass fl-għatba tal-bieb minflok li joqgħod jippriedkali, jiġġukani u jitfagħni fir-reġistru l-iswed tiegħu. Għażiż ħija Patri kemm tikkonvinċini b’dan l-għemil sempliċi imma mimli mħabba tiegħek! Xi qdusija ġenwina nara fik!

U, fl-aħħar, min hu tad-ditta jitlob il-ħin kollu. Jiġifieri fil-ħin li jagħmel fit-talb, fl-adurazzjoni, fit-tifħir u anki fil-mod kif iġib ruħu. Għaliex jemmen li dejjem qiegħed fil-preżenza tal-Mulej. Mela li ngħid dik il-posta rużarju waqt is-sewqan, it-talba f’xi ħin tal-ġurnata, dak il-mument kwiet fil-bitħa nirrifletti, il-quddiesa ta’ kuljum, dik il-qrara ta’ kull ħmistax, dik is-silta li naqra mill-Bibbja, dik il-Kurunella tal-Ħniena Divina, u, kif jagħmlu ħafna, li mmur quddiem Ġesù fl-Ewkaristija u noqgħod quddiemu u ma ngħid xejn basta nħallih ikellimni, dawn kollha huma mumenti fejn nikber fir-relazzjoni tiegħi mal-Mulej. Għax it-talb ħbieb huwa meta, kif jgħidilna Papa Franġisku, “il-Mulej jieħu n-nifs tiegħu fija”.

Xi prodott ġenwin inkunu sieħbi int u jien jekk nimxu fuq dawn il-passi li qed jindikalna Papa Franġisku! Inkunu tad-ditta! U ninħelsu minn periklu kbir kbir tal-infern: dak li nilagħbuha tal-qaddis u l-qaddisa!

 

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

%d bloggers like this: