Lectio Divina tat-13-il Ħadd. Sena “B”

Print Friendly, PDF & Email

Vanġelu (Mk 5, 22-43): Fis-silta tal-lum insibu żewġ mirakli straordinarji. Barra li naraw l-aspett uman tagħhom, infittxu l-messaġġ li jrid iwasslilna S. Mark. Biex nagħmlu dan jiħtieġ niflu l-lingwaġġ simboliku li juża’, e.g. il-mara kienet ilha 12-il sena marida, u t-tifla kellha 12-il sena. B’dan Mark qed jirreferi għall-poplu Lhudi li ta’ spiss kien imxebbaħ ma’ mara mbierka minn Alla biex ikollha ħafna tfal. Fil-Bibbja, il-kelma “mbierek” tfisser “tagħti l-ħajja.” In fatti, meta Alla bierek lil Abraham, wiegħdu li uliedu se jkunu numerużi daqs il-kwiekeb tas-sema.

Il-fatt li llum għandna stejjer fuq żewġ nisa jfakkarna li, rigward il-mara, kollox idur fuq il-qawwa li għandha li ġġib l-ulied fid-dinja. Adam semma’ lill-mara tiegħu “Eva”, isem li ġej mill-kelma “Ħava’” li tfisser “Ħajja”. Mela llum imsejħin biex inħarsu lejn dawn iż-żewġ episodju li ġraw tassew bħala tagħlima fuq il-ħajja u kif Ġesu se jagħti ħajtu bħala rigal għalina, biex aħna jkollna l-ħajja ta’ dejjem. L-ewwel mara kienet qed issofri bin-nixxigħa tad-demm. Bla demm, mara titlef ħajjitha u ma tkunx tista’ ssir omm. It-tifla mietet żgħira, qabel ma kellha ċans tagħti l-ħajja lit-tarbija tagħha.

  1. Ġesu kien mar Gergeża, art pagana. Meta ġie lura Kafarnahum, sab folla tistennieh. Fosthom kien hemm Ġajru, wieħed mill-kapijiet tas-sinagoga. Inxteħet f’riġlejh biex juri li quddiem il-mewt li se tisraqlu lil bintu ma jista’ jagħmel xejn. L-anqas bħala kap reliġjuż ma kellu risposta jew soluzzjoni għal dil-problema. Ħass li Ġesu seta’ jagħmel xi ħaġa biex ma jħallix dal-mostru jaħtaflu lil bintu: “Ejja qiegħed idek fuqha biex tfieq u tgħix.” Hawn għandna messaġġ: kull ħajja bijoloġika tiġi fit-tmiem bil-mewt. Il-bniedem jista’ jippostponiha imma le jevitaha. Jekk ma jiltaqax ma’ Dak li jista’ jtih ħajja oħra li ma tispiċċa qatt, il-mewt tkun għamlet rebħa definittiva. Madwar Ġesu, kien hemm folla kbira tross fuqu. Imma mhux biżżejjed li tkun biss qrib  ta’ Ġesu, għax anki llum insibu ħafna madwar Ġesu li aktar jimpurtahom li jaqilgħu  grazzja rigward dil-ħajja bijoloġika milli l-oħra.
  2. “Mara…ġiet qalb il-folla u messitlu l-mantar.” Din ma kinitx bħan-nies l-oħra. Ġiet tfittex dak li Ġesu ġie biex jagħti: mod kif ma titlifx ħajtek. Kull bniedem jaf li, kull jum li jgħaddi, iqarrbu aktar lejn il-mewt.  Dil-mara fehmet li, min imiss imqarr it-tarf tal-mantar ta’ Ġesu, ibiegħed il-mewt minnu. Il-mantar kien simbolu li min jilbsu josserva l-liġi. Fit-tarf kien ikun hemm xi ċfuf. L-ilbies ta’ Ġesu huma simbolu tal-umanita’ tiegħu (“Ilbsu lil Kristu” – S. Pawl). Jiħtieġ nagħmlu kuntatt imqar ma’ farka tal-umanita’ ta’ Kristu biex ngħixu. Dan nagħmluh billi ma naħlux ħajjitna fix-xejn imma, bħal Ġesu ngħixuha bħala għotja għall-oħrajn: “Min jitlef ħajtu jgħix għal dejjem.” Il-mara fis-silta tal-lum messet lil Ġesu b’dan l-iskop. Il-folla wkoll messet lil Ġesu imma ma nbidlitx.  Xi Nsara llum ukoll jgħixu l-fidi tagħhom b’mod superfiċjali, b’devozzjonijiet, ritwali u rutina biss. Dawn għandhom bżonn jibnu relazzjoni intima ma’ Ġesu ħa jsiru jafuh aħjar u “jmissuh”.
  1. “Min messli l-mantar?” Il-mara beżgħet. Ġesu kien meqjuż impur mill-Fariżej u min imissu kien jitniġġeż. Illum marret kontra din it-tradizzjoni u bil-kuraġġ kollu stqarret x’għamlet. B’hekk kienet ta’ xhieda li mhux it-tradizzjoni Lhudija fejqitha imma l-kuntatt ma’ Ġesu. Mhux talli ma saritx impura imma talli fieqet. Iben, fil-lingwa Semitika jfisser dak li jixbah lill-missieru. Issa Ġesu lil din il-mara jsejħilha “Binti” għax, min ikollu kuntatt intimu ma’ Ġesi isir jixbħu għax jibda jgħix għall-oħrajn.  “Il-fidi” hawn ma tfissirx biss li Ġesu jeżisti, imma li tmiss l-umanita’ tiegħu mill-qrib. “Il-fidi tiegħek salvatek. Mur fis-sliem, għix fil-ferħ, għax fhimt it-triq li għandek taqbad biex ma taħlix ħajtek fix-xejn.”
  2. Għal min ma jemminx, il-mewt tfisser it-tmiem ta’ kollox. Anki n-Nisrani jkollu tentazzjoni li qed jaħli ħajtu għall-oħrajn u mhux qed igawdiha kif irid. Hawn jidħol id-dubju fil-ħajja ta’ dejjem. Illum Ġesu qed jgħid lin-Nisrani kif qal lil Ġajru hekk kif sema’ li bintu mietet: “Tibżax, biss int emmen!” Ġesu wasal id-dar ta’ Ġajru u ra storbju sħiħ, biki u xehir. “It-tfajla mhix mejta imma rieqda.” Ġesu hawn qed jgħid li meta wieħed jorqod, l-għada jqum għal jum ġdid u ħajja ġdida. It-tfajla mietet tassew, imma l-mewt mhux se jkollha l-aħħar kelma, għax fl-aħħar se tiġi megħluba. Kull min jiltaqa’ ma’ Ġesu, għalih il-mewt se tkun raqda u qawmien. Meta tkellem fuq l-irqad, daħku bih. Hekk ukoll issib min jidħak bin-Nisrani meta juri li jemmen fil-qawmien u jakkużawh li qed jivvinta skuża biex ix-xokk tal-mewt ma jkunx daqshekk gravi. Hekk għamel Festu meta sema’ lil S. Pawl jistqarr li hemm ħajja oħra li l-mewt ma tistax għaliha.  In fatti għaddieh b’miġnun.
  3. Ġesu keċċa lil kulħadd ‘il barra, l-aktar lill-bikkejja. B’hekk ried jurina li l-mewt għandna nneħħulha l-biki u d-dwejjaq. Ħalla jidħlu fil-kamra l-ġenituri tat-tfajla u tlett dixxipli biex ikunu xhieda li, għalkemm il-ħajja bijoloġika li ħadet it-tifla minn għand il-ġenituri għad tiġi fit-tmiem, Ġesu għandu ħajja oħra x’jagħti.  “Tfajla, qiegħed ingħidlek, qum.” Qamet u qabdet timxi.  “Issa, agħtuha x’tiekol għax il-ħajja li tajtuha issa trid tmantniha u ssaħħaħha bil-kelma t’Alla.”

Sors:  lachiesa.it/liturgia/omelie/padrefernando armellini

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Leave a Reply

%d bloggers like this: