Minn Fr Michael Bugeja

L-Evanġelju tal-Ġimgħa 29 ta’ Ġunju 2018


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Mt 16:13-19

Fl-inħawi ta’ Ċesarija ta’ Filippi ma kienux joqgħodu ħafna Lhud li kienu diġa semgħu b’Ġesù. Kienet art miżgħuda b’reliġjonijiet differenti minħabba l-karattru kummerċjali tal-belt li kien iġib miegħu nies minn bliet oħra mxerrda mad-dinja magħrufa sa dakinhar. Jista’ jkun li Ġesù tbiegħed mill-folol biex, fil-kwiet, ikollu iktar ħin mad-dixxipli.

Dan jidher ukoll mill-mistoqsija li jagħmlilhom; donna l-bidu ta’ xi lezzjoni li fiha l-imgħallem irid imexxi lil dawk li qed jisimgħuh pass pass f’direzzjoni li diġa għandu f’moħħu. In- nies min jgħidu li hu Bin il-Bniedem? Hija mistoqsija li tippresupponi li d-dixxipli jafu x’inhuma jgħidu n-nies, jafu kif il-polz tan-nies kien qed iħabbat. U d-dixxipli jiwieġbu. U jsemmu tliet ismijiet u, magħhom, il-profeti.

Ġwanni huwa dak li ġie jħabbar indiema għall-pajjiż kollu, kif għamel Ġona f’Ninwè. L-indiema li tibda mil-qalb ta’ kull bniedem twassal biex is-soċjetà kollha tinbidel. Jista’ jkun li n-nies raw f’Ġesù din il-kwalità ta’ għan.

Elija huwa dak li wettaq diversi mirakli u għeġubijiet, l-ewwel wieħed fost il-profeti minħabba l-kariżma qawwija tiegħu. Huwa wkoll Elija li kellu jiġi jħejji t-triq għall-Messija, huwa Elija li kien magħruf li jidher fil-punt tal-mewt lil min ikollu bżonn indiema biex jagħtih l-aħħa ropportunità jifdi lilu nnifsu.

Ġeremija kellu r-rwol li jfakkar lill-poplu u lill-mexxejja tiegħu li bl-imġieba tagħhom kienu waslu f’xifer l-irdum tal-eżistenza tagħhom; tant tbiegħdu minn Alla li kienu waslu biex tilfuh għal kollox. Huwa għalhekk li jibki u jbati u jiġi mwarrab u ppersegwitat. Il-messaġġ tiegħu kien inidrizzat ukoll lejn poplu sħiħ bi kritika ħarxa kontra l-mexxejja. Hemm element politiku fil-messaġġ tiegħu għax il-politiku jagħti direzzjoni lill-poplu u kif jgħix il-politiku, jgħix il-poplu. Ġesù ukoll kellu dan il-ħsieb marbut miegħu tant li n-nies ġieli ppruvaw jagħmluh sultan; mhux biss riformatur iżda mexxej rivoluzzjonarju.

Iżda intom min tgħidu li jien? X’temmnu dwari. It-tieni mistoqsija f’din is-sessjoni ta’ tagħlim. Ġesù ma kellux bżonn min jgħidlu min hu. Qatt ma jidher li kellu xi kriżi ta’ identità. Ried ikun jaf minn fejn se jkompli; ried ikun jaf id-dixxipli x’kienu jemmnu dwaru s’issa; sa fejn kienu saru jafuh.

Pietru, u jista’ jkun uħud mid-dixxipli, kien saru jafuh sew. Mhux biss il-Messija, iżda l-iben ta’ Alla l-ħaj u la iben Alla, huwa Alla nnifsu. Ġesù ma ġiex biss biex ixandar l-indiema, lanqas biex jagħmel l-għeġubijiet u lanqas biex jirriforma poplu u jreġġgħu politikament fit-triq it-tajba li tikkorrispondi max-xewqat ta’ Alla. Huwa l-feddej tal-bnedmin, il-messija, Alla nnifsu li sar bniedem u għammar fostna.

Pietru huwa mbierek, u bħalu mberkin aħna jekk nemmnu dan dwar Ġesù u mberkin doppjament. L-ewwel u qabel kollox għax nemmnu dan u t-tieni għax jekk nemmnu dan għaddejjin mill-esperjenza fejn l-ispirtu ta’ Alla jitkellem permezz tagħna; missieri li hu fis-smewwiet għarrfek dan. F’dan iż-żmien speċjali għandna sewwa sew dan il-għan li nħallu lil Alla jgħarrafna min hu u xi jrid minna fl-imħabba tiegħu għalina. Barka doppja b’effett bla tarf.

Din l-istqarrija twassal lil Ġesù biex inhiedi dak li ġie biex iwettaq.

Inti l-ġebla u fuq din il-ġebla

‘Jiena nibni.’:

Ħadd ma jibni ħliefu, huwa hu l-bennej.

‘Fuq din il-blata nibni.’:

Jibni fuq din il-blata biss mhux x’imkien ieħor.

‘Il-Knisja tiegħi.’:

Il-Knisja hija tiegħu u ma tistax tkun mifruda minnu għax ma teżistix iżjed.

‘Is-setgħat tal-infern ma jgħelbuhiex.’:

Għal dawn ir-raġunijiet u b’dawn il-kundizzjonijiet ebda qawwa tal-ħażen ma tista teħodha kontra l-knisja u tirbħilha.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s