Lectio Divina tal-15-il Ħadd. Sena “B”


Vanġelu (Mk 6, 7-13): Il-Ħadd li għadda rajna kif Nazaret ma laqgħetx il-Kelma ta’ Ġesu. Dan jiġri wkoll lilna saċerdoti, katekisti u lajċi mpenjati fil-ħidma pastorali tagħna meta ma nsibux min jisma’.  Jiħtieġ ma naqtgħux qalbna għax dak li għalina jidher falliment jista’ jkun opportunita’ biex jinfetħu bibien oħra. Hekk għamel Ġesu, li llum narawh jitlaq minn Nazaret biex imur f’irħula oħra. Jiddeċiedi li wasal il-waqt li jitlob l-għajnuna tad-dixxipli fil-missjoni tiegħu. Ried li l-Kelma tiegħu tasal permezz ta’ dawk li emmnu fiH u fil-Bxara t-Tajba. Għadu jagħmel hekk illum permezz tal-Insara kollha, li huma d-dixxipli ta’ Ġesu tal-lum.

  1. “Ġesu sejjaħ ħdejh lit-tnax.” Ġa kienu ħdejh fiżikament. Riedhom aktar qrib tiegħu fil-moħħ u fil-qalb; jixtarru ħajtu; jifhmu sew il-proposti tiegħu għal dinja ġdida ta’ mħabba u l-għażliet li għamel; jikkuntemplaw il-mod kif jgħix u jikkonvinċu ruħhom biex jinkarnaw dil-mod ta’ ħajja u jgħixuha. Wara li d-dixxiplu ikun wettaq dan kollu ikun lest biex imur jevanġelizza, i.e. mhux jgħallem xi duttrina ġdida imma dan il-mod ta’ ħajja. Illum, saċerdoti, katekisti, lajċi mpenjati u ġenituri huma msejħa biex jagħmlu bħad-dixxipli, i.e. jgħixu dil-ħajja mill-aħjar li jistgħu u mbagħad, il-ferħ li ġġib magħha dil-ħajja, jittrasmettuh lil dawk li jkunu qed jieħdu ħsieb, bit-tama li dawn ukoll jimxu fuq l-eżempju tagħhom. “Qegħdin inxandrulkom dak li aħna smajna u rajna, biex inthom tissieħbu magħna…biex il-ferħ tagħkom ikun sħiħ” (1 Ġw 1, 3). Biex nikkonvinċu oħrajn, aħna jiħtiġilna li nkunu rajna, smajna, missejna b’idejna, ikkuntemplajna lil Kristu, u nsiru nafuh sew. Inkella mhux se nagħmlu impatt fuq l-oħrajn.
  2. Id-dixxipli kollha mibgħuta jevanġelizzaw. Dil-missjoni mhix fdata f’idejn xi grupp partikulari. Dak id-dixxiplu li ma jħossx li għandu jaqsam dak li rċieva ma’ ħaddieħor, sinjal li għadu mhux konvint li min sab lil Kristu sab l-aqwa teżor fid-dinja.
  3. “Bagħthom tnejn tnejn.” Din użanza Lhudija. Peress li se jkunu xhieda tal-ħajja u tal-kelma ta’ Kristu, meta jkunu tnejn iktar ikun hemm ċans li jiġu emmnuti li qed jgħidu l-verita’. Dan narawh ukoll wara l-Pentekoste meta l-Appostli kienu jimxu tnejn tnejn , e.g. meta Pietru u Ġwanni fejqu l-mifluġ fit-Tempju. Issa imma dil-ħaġa sar għandha tifsira ġdida: id-dixxipli huma membri ta’ Komunita’. Kristu u l-kelma tiegħu huma nkarnati f’komunita ta’ għaqda u mhux f’persuni individwali. L-Aħbar tixxandar mill-Komunita f’sintonija mal-Knisja universali. Il-komunita’ m’hijiex xi klikka ta’ ħbieb li nagħżlu aħna, imma familja bid-doni u d-difetti tal-membri, li jżommu għaqda sħiħa bejniethom permezz ta’ mħabba bla kundizzjonijiet, anki akkost li jkollna nilqgħu fostna karattri diffiċli. Dan hu li jagħmel il-Kristjaneżmu uniku u differenti minn reliġjonijiet oħra.
  4. “Tahom is-setgħa.” Din mhiex xi poter biex jiddominaw in-nies bħal ta’ xi re, imma hija l-istess setgħa li Kristu rċieva minn għand il-Missier, i.e. setgħa fuq l-ispirti mniġġsa. Dawn mhumiex l-ispirti li jiħtieġu l-eżorċiżmu, imma dawk kollha li jaħdmu kontra l-ħajja. Fejn m’hemmx ħajja hemm qawwiet imniġġsin li jaħdmu kontra dak kollu li jagħmel il-bniedem tassew uman. Ħafna Nsara jaħsbu li lil dawn ma nistgħux negħilbuhom. Dan jiġri għax mhux naturali (imma soprannaturali) li taħfer, tiċċaħħad minn relazzjoni illeċta, tħobb l-għadu. “Nilmaħ fil-membri  ta’ ġismi liġi oħra li tjassarni taħt il-liġi tad-dnub. Min se jeħlisni?” (Rum.7, 23). Hekku s-setgħa li qed jagħti Ġesu lid-dixxipli. Kull Nisrani jrid ikollu fiduċja f’dis-setgħa qabel ma jkun jista’ jħabbar il-Bxara t-Tajba.
  5. “U wissihom biex ma jieħdu xejn magħhom.” Ġesu għamel enfasi fuq dan għax ried li min imur jevanġelizza jrid jippreżenta ruħu b’ċertu mod. Mattew l-anqas il-ħatar ma jsemmi għax dan kien l-arma ta’ wieħed fqir. Id-dixxiplu ma jista’juża’ l-ebda vjolenza. Mark isemmi l-ħatar għax kien ifisser ħaġa oħra: il-ħatar ta’ Mose’ li permezz tiegħu Alla wettaq tant għeġubijiet. Issa il-forza li fih il-ħatar tad-dixxplu hi l-Kelma t’Alla, li, bħal xabla b’żewġt ixfar, tinfed il-qalb tal-bniedem, tibdlu u teħilsu mill-jasar tal-ħażen.
  6. “La ħobż, la ħorġa, la żewġ ilbiesi.” Ma rridux nieħdu dis-sentenza litteralment, imma l-anqas ma rridu nnaqqsu mit-tifsira sħiħa tagħha, i.e. id-distakk tad-dixxiplu mill-beni materjali, l-ispirtu tal-faqar u l-fiduċja fil-provvidenza t’Alla. Hawn il-Komunita Nisranija hemm bżonn tirrifletti fuq kemm flus qed jintefqu għall-bżonn, u kemm fix-xinxilli żejda. In-Nisrani tajjeb juża’ l-holqien kemm għandu bżonn, bla ħela u regħba. Ma joqgħodx irekken bla bżonn għax moħħu għandu jkun fil-ħajja ta’dejjem mhux dik materjali. Hekk id-dixxiplu, fil-mixja bil-ħatar f’idu, jidher qed jixhed għal dil-ħajja Divina, għax ħieles mill-ġid materjal jew xi siġġu tal-poter: “Deheb u fidda m’għandix, imma minn dak li għandi se nagħtihulek” (Atti 3. 6). (a) il-ħobż: Id-dixxiplu jitlob għall-ħobż ta’ kuljum, i.e. m’għandux għalfejn irekken ħobż ġimgħa bil-quddiem. (b) Flus. Għal kelma flus qed tintuża’ kelma li tfisser ramm, li minnu jagħmlu l-muniti ż-żgħar. Mela tfisser, “l-anqas iċ-ċenteżmi.”  Dan biex id-dixxiplu jiftakar li t-teżor tiegħu huwa Kristu. (ċ) Il-qorq. Dal-Vanġelu nkiteb Ruma fejn it-tallab u l-ilsiera biss kienu jimxu ħafjin. Id-dixxiplu jrid juri li l-Kelma tagħmlu bniedem ħieles. (d) Żewġ ilbiesi. Libsa turi x’int, kif tgħix. Id-dixxiplu jgħix ħajja waħda, t-triq tal-Mulej.“Ilbsu lil Kristu” (Rum). It-tunika tfisser ukoll il-Magħmudija. In-Nisrani ma jistax jilbes libsa għall-Knisja u libsa oħra għal barra għax ikun qed jgħix ħajja doppja, faċċola.
  7. “Meta tidħlu f’dar, siru afu l-familja intimament. Ibqgħu hemm, anki jekk joffrulkom dar aħjar. Biżżejjed il-bżonnijet ta’ kuljum. Idru ħielsa minn kull favuri u rigali.”
  8. “Farfru t-trab.” Lhudi kien ifarfar it-trab ta’ art pagana qabel ma’ jidħol fil-Lhudija. Hawn Ġesu qed jgħid li, ma’ min ma jridx jisma’, ma tridx timponi u tinsisti, u, b’sens ta’ rispett, turi lil dat-tali li ma trid teħodlu xejn, l-anqas it-trab ta’ artu. Hemm tifsira oħra: id-dixxiplu jiltaqa’ ma’ ħafna idejoloġiji li, ftit jew wisq, jinfluwenzawh. Wara kull laqgħa, mela, irid ifarfar dawn l-idejat żbaljati minn moħħu, u jerġa’ lura għall-Vanġelu.
  9. “Ħarġu, mela, u kisbu r-riżultat mixtieq.” Kulma ntqal fis-silta tal-lum, jgħodd għad-dixxipli tal-lum.

Sors: lachiesa.it/liturgia/omelie/padrefernando armellini

Author: laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.