Lectio Divina tas-17-il Ħadd. Sena “B”


Vanġelu (Ġw 6, 1-15): Ftit noti ta’ qabel: (a) Hawn min jalludi għas-silta tal-lum bħala “l-multiplikazzjoni tal-ħobż.” Ġesu m’għamilx multiplikazzjoni, imma wera lid-dixxipli x’għandhom jagħmlu biex kull bniedem ikollu x’jiekol, i,e, qabad il-ħobż u l-ħut u “radd il-ħajr.” Imbagħad tahom lid-dixxipli biex huma jqassmuh lin-nies. Anki llum Ġesu jrid li nsolvu l-problema tal-ġuħ billi, l-ewwel u qabel kollox, nitolbu. (b) Fil-Vanġelu nsibu sitt rakkonti ta’ din l-istess ġrajja b’ċerti dettalji ivarjaw.

Dan għax kull Evanġelista rrakkonta bil-mod tiegħu sinjal mogħti minn Ġesu biex jgħaddilna messaġġ importanti għal ħajjitna: kif nitgħallmu inwettqu miraklu. Ġesu se jgħallimna kif,  basta nafdaw fih. (ċ) Inżommu quddiem għajnejna li n-numri (5000, 5, 2, 12) għandhom sinifikat bibliku, u li l-messaġġ ċentrali hu l-isfida biex aħna nwettqu prodiġju billi neqirdu l-ġuħ mid-dinja. (d) Is-silta tal-lum ma titkellimx fuq “il-Ħobż tal-Ħajja” . Dan se nisimgħu fuqu aktar tard.

1.”Kien qrib l-Għid.” F’dil-festa l-Lhud kienu jfakkru l-ħruġ tagħhom mill-jasar għall-ħelsien.  Ġesu llum qed iħeġġiġhom li issa jistgħu jqassmu l-ġid materjali b’mod li ħadd ma jibqa’ bil-ġuħ. Il-folla qasmet min-naħa għall-oħra tal-baħar biex jimxu wara Ġesu għax raw l-għeġubijiet li qed iwettaq. L-istess kif għamlu missirijiethom wara Mose’ meta qasmu l-Baħar tal-Qasab. Ġesu jwissi lill-folla llum li reġgħet waqgħet ilsiera meta taħtaf kemm tiflaħ il-ġid materjali. Jiħtieġ “titla’ l-għoljiet” ma’ Ġesu biex terġa’ tikseb il-ħelsien minn dil-forza ta’ ħażen, u tkun tista’ taqsam ġidha mal-fqar. Ma jistax ikun li 1% tal-popolazzjoni dinjija jibqgħu aktar sinjuri mid-99%  l-oħra. Dan mhux il-pjan t’Alla. Qabel ma kulħadd jaċċetta li l-ġid kollu materjali hu t’Alla, u misluf biss lilna, se nibqgħu fil-jasar u bil-faqar. Ġesu jipproponi dinja ġdida u kif naslu għaliha. Irid li anki f’din il-ħajja t’issa kulħadd jgħix ferħan. Il-ġid li jipprovdilna Alla jrid jinqasam ġustament bejn kulħadd.

2, “Ġesu refa’ għajnejh” biex jara l-bżonnijiet tan-nies. Dan ġest ta’qaddej li jistenna kmand minn għand sidu. Ġesu jridna nkunu qaddejja li moħħna jkun dejjem kif se ngħinu lilll-proxxmu. Mhux biss naqtgħulu l-ġuħ u l-għatx imma l-bżonnijiet l-oħra: “Kont bla dar, għeri, marid, il-ħabs, imkeċċi minn familti, maħqur inġustament, eċċ.” Dawn huma kollha forom ta’ ġuħ.

  1. “Mnejn nixtru l-ħobż?” Ġesu jġarrab lil Filippu billi jirraġuna bħalna. Meta jaqbadna l-ġuħ, immorru nixtru ħobża. Bil-flus insolvu kull tip ta’ ġuħ. Il-kummerċ hu neċessarju, imma fl-antik, aktar ma tal-ħanut jagħraf il-bżonn tal-ieħor, aktar jgħolli l-prezz. Mela bil-flus mhux se jitwettaq il-prodiġju li bih ma jibqa’ l-ebda forma ta’ ġuħ u d-dinja ssir ġenna tal-art. L-istint jgħidlek: “Rekken u akkumula kemm tiflaħ”, imma “r-regħba hi l-għerq ta’ kull ħażen” (1 Tim.). Ġesu jisfida lil Filippu biex ibiddel ir-raġunar tal-kummerċ fil-loġika tal-Vanġelu, i.e. il-ġid kollu hu t’Alla u għandu jinqasam indaqs bejn kulħadd. Kuljum naraw kemm ir-rebgħa twassal għall-gwerer, refuġjati, biki u disperazzjoni.
  2. (a) “Mitejn dinar ħobż.” B’dinar kont tagħti loqma ħobż sew lil tnax-il ruħ. Filippu għamel kalkolu malajr li b’200 dinar l-anqas dan ma seta’ jagħmel. Ħafna minna nagħtu ftit ċenteżmi darba kull tant għall-fqar, jew fil-ġurnata Missjunarja darba fis-sena. B’hekk mhux se noħolqu dinja ġdida. (b) F’Luqa nsibu li t-tnax qalu lil Ġesu: “Għid lin-nies imorru fl-irħula tal-qrib biex isibu kenn u ikel, i.e. kull wieħed jirranġa għal rasu.” Kieku għamlu hekk, min wasal l-ewwel u kellu l-flus kien jinqeda, imma l-fqar u l-anzjani kienu jibqgħu b’xejn.
  3. (a) “Hawn żagħżugħ li għandu 5 ħobżiet u 2 ħutiet.” Indri (isem li jfisser bniedem) jipproponi li dawn il-ħobżiet tax-xgħir (i.e. ikel tal-fqar) u l-ħut jaqsmuhom ma’ kulħadd, imma kellu dubju kemm se jervu. Min qed ipoġġi kulma għandu għad-dispożizzjoni ta’ kulħadd hu daqsxejn ta’ tfajjel (i.e. l-aħħar wieħed fil-lista tas-soċjeta’). Dan hu simbolu ta’ dixxiplu kif għandu jkun, i.e. li jpoġġi ġidu u ħinu għas-servizz tal-proxxmu. (b) “Imma dawn x’inhuma għal daqstant nies?” Anki aħna llum nistqsu lil Ġesu: “Kif nistgħu neqirdu l-ġuħ mid-dinja?” U hekku t-tweġiba: “ Ħa l-ħobż u l-ħut, radd il-ħajr, u qassmu lin-nies bilqiegħda.” Meta xebgħu, id-dixxipli ġabru 12-il qoffa fdalijiet.” Il-kelma użata ma tfissirx bilqiegħda imma sdrajjati, i.e. kif kienu joqgħodu għall-ikla tal-Għid biex jesprimu il-liberta’ tagħhom. Mela biex iseħħ il-prodiġju hemm bżonn (a) li d-dixxiplu jipproponi sens ta’ liberta’ lin-nies, li jiksbuha billi jiċħdu l-egoiżmu tagħhom. Inkella jibqgħu skjavi; (b) In-nies kielu fuq il-ħaxix li jfakkarna f’Salm 23: “Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi, xejn ma jonqosni. F’mergħat kollha ħdura Hu jrejjaqni.” Din xbieha tal-ġenna tal-art; (ċ) “Refa’ għajnejh ‘il fuq u radd ħajr.” Aħna wkoll irridu ta’ spiss nerfgħu għajnejna biex niftakru li kollox hu t’Alla, id-dinja u kulma fiha. Aħna mhux is-sidien u m’għandniex dritt nikkapparraw ġid kemm nifilħu. Aħna mistednin biex nużaw dak li niħtieġu.  B’hekk ngħinu biex il-liġijiet tal-kummerċ ma jibqgħux jiħraxu u ndaħħlu l-mentalita ta’ gratuwita’ u ġenerożita’. “Aħna ma ġibna xejn magħna f’did-dinja, u mhu se nieħdu xejn magħna la nitilqu” (1 Tim).
  4. “Iġbru l-frak biex ma jintilef xejn.” Lezzjoni biex ma naħlux. Id-dinja tal-Punent qed tarmi b’750 miljardi Ewro ta’ ikel. Dan jista’ jitma n-nies fqar tad-dinja għal 4 darbiet. Jekk ħadd ma jaħli l-ġid provdut minn Alla, il-prodiġju li ma jkunx hawn iżjed ġuħ fid-dinja jseħħ.
  5. Ġesu wettaq sinjal imma n-nies ma fehmux. Riedu jagħmluh re biex, meta jkollhom bżonn miraklu, jkun hemm. Mhux din hi l-ideja li xi wħud minna għandna ta’ Ġesu? Għalhekk ħarab minn dil-ideja. In-nies insew li l-prodiġju beda bi tfajjel li ta kulma kellu (5+2=7, i.e. perfett, kollox). Kellhom bżonn jagħmlu bħalu biex huma jwettqu l-prodiġju, mhux jintelqu fl-għażż u jippretendu li Ġesu joqgħod jagħmel il-magic.

 

Sors: lachiesa.it/liturgia/omelie/padrefernandoarmellini

Author: laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.