L-Afrika Ċentrali: meta l-Vanġelu huwa aqwa mill-vjolenza u l-faqar


L-Erbgħa 25 ta’ Lulju 2018: Don Dante Carraro, id-direttur tal-organizzazzjoni “CUAMM Tobba mal-Afrika” għadu kif ġie lura minn żjara f’dal-pajjiż u rrakkonta s-sitwazzjoni drammatika li jinsab fih f’intervista li ta lill-aġenzija Vatican News.

dante carraroFir-repubblika tal-Afrika Ċentrali hemm 16-il grupp armati jiġġieldu kontra xulxin għall-poter minħabba r-rikkezzi naturali li għandu dal-pajjiż. Madankollu s-sitwazzjoni tal-popolazzjoni hi drammatika għall-aħħar għax ħadd ma jista’ jsib tarf ta’ dawn il-gruppi armati. L-uniku post fejn hemm ftit tal-kontroll hu fil-kapitali Bangui għax hemm jgħinu lill-gvern qawwiet internazzjonali.

Il-ġlied bejn il-gruppi armati jġib miegħu nuqqas ta’ sigurtà kbira u minkejja r-riżorsi naturali, dal-pajjiż hu fqir għall-aħħar, frott tal-vjolenza li ġġib magħha disperazzjoni kbira.

Hemm ġuħ kbir u f’pajjiż kbir id-doppju tal-Italja b’popolazzjoni ta 5 miljuni hemm biss erba’ tobba tat-tfal, tnejn minnhom jaħdmu fl-isptarijiet tal-kapitali u l-oħrajn barra. Huma biss 10% tat-tfal li jitlaqqmu u minħabba mard li nafu kif jitfejjaq, xorta waħda għadd kbir minnhom imutu minħabba n-nuqqas kbir ta’ mediċini u sanità.

Hemm biss sitt sptarijiet li huma mgħammra sew, mill-bqija hemm għadd ieħor li lanqas biss għandhom ilma u elettriku, biex ma ngħidux ukoll li fil-pajjiż kollu hemm sptar tat-tfal wieħed biss.

Din kienet sitwazzjoni li misset bil-kbir qalb il-Papa Franġisku meta kien żar dal-pajjiż, tant li mal-wasla tiegħu lura f’Ruma talab lill-isptar tat-tfal tal-Vatikan, Bambino Gesù, biex jaraw kif jistgħu jgħinu lill-dawn l-imsejkna.

L-isptar tal-Vatikan mill-ewwel beda ħidma kbira mhux biss biex iwaqqaf strutturi aktar dinjitużi imma wkoll qed jaħdem bla heda biex iħarreġ għadd ta’ paramediċi għax is-sitwazzjoni tal-pajjiż ikkrollat għal kollox.

Don Carraro qal li kellu laqgħat mal-arċisqof ta’ Bangui li għadu kif inħatar kardinal mill-Papa Franġisku. Dan hu bniedem, osserva Don Carraro, li anki fl-aktar sitwazzjonijiet koroħ, bħal meta nqatel kiesaħ u biered il-vigarju ġenerali tad-djoċesi, xorta waħda baqa’ jemmen fid-djalogu tant li x’ħin ra li l-kattoliċi kienu mimlijin rabja minħabba l-qtil tal-vigarju ġenerali, mar ikellem lill-komunità kattolika u għinhom jifhmu li l-vjolenza tqanqal aktar vjolenza filwaqt li l-Vanġelu biss għandu tweġibiet għal sitwazzjonijiet bħal dawn, għax jipprietka n-non vjolenza u l-paċi.

Don Carraro temm jgħid li f’għajnejn iż-żgħażagħ, b’mod speċjali, tilma t-tama tax-xewqa li l-futur ikun aħjar, futur li jkun mibni fuq il-Vanġelu li hu ferm aktar qawwi mill-vjolenza.

Rapport mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Author: laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.