Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Mt 20:20-28
Jekk Ġwanni u Ġakbu kienu ulied ir-ragħad minħabba t-temperament ta’ missierhom Żebedew, gur ma kienux ulied il-mistħija minnħabba ommhom. Marret quddiem Ġesù magħhom it-tnejn u nxteħtet quddiemu. Ir-riħa ta’ x’kien ġej kienet tinxtamm minn seba’ mili bogħod, iżda Ġesù, li żgur xamm iktar minn kulħadd, ma rreżiżtix anzi staqsieha: xi trid? Qatt ma jagħlaq widnejh għat-talb ta’ min irid jitolbu xi ħaġa anke jekk b’arroganza jew b’wiċċ sfiq.
Il-wiċċ sfiq tagħha jidher anke mill-mod kif ifformulat dak li riedet. Mingħajr ħafna tidwir mal-lewża, ordnatlu biex jordna li uliedha jkunu ppreferuti, wieħed fuq il-lemin u l-ieħor fuq ix-xellug; mank it-tnejn fuq il-lemin biex xi ħadd ieħor joqgħod fuq ix-xellug; le wieħed naħa u l-ieħor oħra, l-eqreb possibli lejh. Forsi hanw min jgħid, imma mhux kull omm tagħmel l-istess. Jista’ jkun ukoll, imma mhux neessarjament qe dtagħmel tajjeb.
Barra minn hekk it-tnejn li huma, li diġa kienu qrib ħafna ta’ Ġesù, ippretendew iżjed milli kellhom, u biex jimpressjonaw, ħadu magħhom il-‘mummy’ biex tgħaddilhom kelma. Hi ħatfithom fil-kelma u ikatr minn kelma għaddithilhom.
Ġesù jdur lejhom. Jistaqsihom dak li ’il quddiem staqsa lil kull wieħed mid-dixxipli, u t-tweġiba ma kelliex tkun kelma, iżda għotja u lkoll wieġbu għaliha b’ħajjithom. Il-mistoqsija hija għalina lkoll. Bil-kliem titolbu ħafna affarijiet u tagħmlu iżjed, ida meta jqum ir-riefnu u jibda jriegħed, x’se jiġri? Se nfittxu l-kenn tal-posponimenti, jew il-ħarsien ta’ xi skua li nivvintaw jew inqumu fuq saqajna u nidħlu għal dak li qed jistaqsina għalih bir-ras u iktar u iktar bil-qalb?
Il-kalċi fih xorb qares u morr u anke hu bea jixorbu. Għalina jista’ jkun togħma ta’ velenu u x’ħin imiss ilsienna jqallana. Iżda huwa l-mezz li bih nissieħbu ma’ Ġesù, nindifnu miegħu biex inqumu miegħu. Għotja hija għotja u meta tagħti ma tistax tistenna lura, dejjem jekkl-għotja ġejja mill-imħabba mhux mill-mentalità li tieħu lura imqar daqskemm qed tagħti. Jekk tippretendi li tieħu l-post li trid ma hi mħabba xejn imma huwa negozju.
L-oħrajn inħarqu. Ittieħdu minn kif jaħseb il-bniedem għax huma bnedmin. U ma nagħtuhomx tort sa barra. Ġesù lanqas lilhom ma jċanfar. Isejħilhom u jiftħilhom qalbhom. Intom m’intomx bħal kulħadd. Intom bħali li ma ġejtx bie xinkun moqdi imma biex naqdi, biex inkun martri tal-imħabba ta’ Alla. L-ikbar martirju huwa x-xhieda li l-imħabba ta’ Alla mhux biss teisti, imma li tista’ tgħixha. L-ikbar martirju huwa meta l-imħabba ta’ Alla ssir rejaltà fir-relazzjonijiet ta’ bejnietna, meta ma nqisux lil xulxin fuq livelli differenti, ma nqisux lilna nfusna ikbar minn ħaddieħor u lil ħaddieħor inqas minna. L-ikbar martirju hu meta nagħmlu minn kollox minn qalbna biex nistmaw lil xulxin ikatr milli nistmaw lilna nfusna; meta aħna wkoll nistgħu ngħidu bl-għemil la m’aħniex hawn biex inkunu moqdija imma biex naqdu.