L-Evanġelju tal-Ħadd 9 ta’ Settembru 2018

Print Friendly, PDF & Email

Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Mk 7, 31-37

Il-qagħda tiegħu f’Tir intemmet, iżda kompla l-predikazzjoni tiegħu f’Sidon, belt oħra fuq ix-xtajta tal-Lvant tal-Mediterran u, hu sejjer lura lejn il-baħar tal-Gallilija, għadda wkoll mill-inħawi tal-għaxart ibliet.

Għal-darb oħra, in-nies ġabu lil xi ħadd, li qalbhom ħasset għalih, quddiem Ġesù. Dan ir-raġel ma setax jisma’ l-kliem ta’ Ġesù; kien trux u mbikkem. Talbuh jagħtih is-smiegħ u l-kliem. Quddiem talba bħal din tagħhom, Ġesù żgur ħassu mqanqal biex ifejqu. Ma qanqlitux biss l-interċessjoni iżda il-fatt li dan il-bnedem ma setax jisma’ ma setax jitkellem, il-komunikazzjoni tiegħu kienet limitata ħafna, imxekkla.

L-ewwel ħaġa li għamel ħarġu minn ġol-folla, donnu ried joħorġu mill-influwenza ta’ dawk ta’ madwaru, għax jista’ jkun li, sakemm il-bniedem jibqa’ kkundizzjunat minn dawk ta’ madwaru , ma jistax jaqbad it-triq u jimxiha għal rasu, jibqa’ jiddependi minnhom. Ġesù jeħilsu minn normalità tal-folla biex jagħaraf li huwa indipendenti fil-mixja ġdida tiegħu. Il-mod kif jagħtih il-fejqan, uniku fl-Evanġelju u differenti mill-modi l-oħra kif Ġesù kien ifejjaq, huwa stramb għall-aħħar. Daħħal subgħajh f’widnejh it-tnejn, wieħed f’kull widna, u beżaqlu fuq ilsienu. Meta timmaġina din ix-xena donna tfakkrek fil-ġrajja fil-Ġenesi meta Alla jonfoh in-nifs tiegħu fix-xbieha li kien ħoloq mit-trab tal-art, li la kienet tisma u lanqas titkellem, u man-nifs li rċeviet mingħand Alla, ħadet il-ħajja u sar il-bnedem. Hu x’inhu Ġesù jagħti ħajja ġdida lil dan ir-raġel billi jagħtih l-għodda tal-komunikazzjoni li qatt ma kellu.

Jitniegħed u jgħajjat ‘effatah’ infetaħ. Infeħulu mhux biss widenjh u fommu, iżda hu wkoll infetaħ għal dinja ġdida. Seta’ jisma’ l-kelma u jxandarha; ma kienx se jibqa’ magħluq għal dak li l-kelma ta’ Alla riedet twassallu. L-importanza tas-smiegħ hija essenzjali biex il-bniedem jitkellem sewwa. Ħafna drabi aħna, minn rajna u b’għażla niddeciedu li nagħqlu widnejna għal kull kelma li taslilna u npaċpċu biss bħal tanbur li jagħti rittmu wieħed.

Kollox għamel sewwa. U Alla ra li kollox kien tajjeb ħafna jtenni fuq li jtenni l-awtur tal-Ġenesi. San Mark juża din l-espressjoni bil-għan li jfakkar li Ġesù, bħal Alla fil-ħolqien, jagħmel kollox sewwa. Ir-redenzjoni hija sewwa daqs il-krejazzjoni. Dak li Alla beda fil-ħolqien tad-dinja, wara l-waqa’ tal-bniedem li għalqitu fih innifsu, ma jismax u ma jitkellimx, għadu jitkompla sallum, bl-istess mod, bil-ħidma salvifika ta’ Ġesù.

Leave a Reply

%d bloggers like this: