It-twissija fil-widnejn


Fil-ħajja, hu x’inhu r-rwol tagħna, ilkoll għandna bżonn ta’ kelma tajba. Jiġifieri dik il-kelma li biha, jekk it-triq taħbat tiċċajprilna, biha nibdew naraw id-dawl. U, aktar ma naraw id-dawl, aktar se nsibu mill-ġdid it-triq. Ħalli ninbnew. U, bil-għajnuna tal-Mulej, nibdew u inkomplu insaħħu iva lil xulxin. Ħalli aktar nissuktaw nikbru u nissaħħu flimkien!

Metodu brillanti u li jibqa’ jgħodd għal kull żmien, biex dan l-idejal daqshekk sabiħ jista’ iseħħ fostna, jibqa’ żgur dak li żera’ il-qaddis kbir li tant ħa ħsieb lit-tfal u liż-żgħażagħ b’mod li jagħti l-frott u frott bil-bosta, San Ġwann Bosco. Il-fundattur tas-Sależjani u wieħed mill-pilastri kbar tal-Knisja, l-aktar fejn tidħol il-formazzjoni sħiħa umana-spiritwali tat-tfal u ż-żgħażagħ, tana l-metodu effikaċi li hu sejjaħlu la parolina all’orrechio. Jew aħjar, it-twissija fil-widnejn. Don Bosco kien juża dan il-metodu bil-għan li jibqa’ viċin it-tfal u ż-żgħażagħ u hekk jinkoraġġiehom u jħeġġiġhom biex jibqgħu jagħżlu dak li hu sewwa mill-ħażin u jipperseveraw f’dak kollu li hu tajjeb u qaddis. Dan il-metodu ta’ formazzjoni fil-ħajja għalliema ta’ Don Bosco ħalla frott abbundanti. Tant hu hekk li s-Soċjetà li hu waqqaf u kif ukoll l-ispiritwalità li ħaddan illum jappellaw ferm għaż-żminijiet li fihom qiegħdin ngħixu. Dan l-għaliex jolqtu wieħed mill-bżonnijiet kbar li, bħala bnedmin, ilkoll għandna: li nikbru u niżviluppaw.

Il-metodu tal-parolina all’orecchio m’huwiex xi wieħed li jappella biss għat-tfal, l-adoloxxenti u għaż-żgħażagħ. Lanqas m’għandu dan il-metodu jillimita ruħu għall-ambjent tal-iskola, l-oratorji jew il-parroċċi. U, wisq anqas, m’għandux għalfejn jibqa’ magħluq fl-erba’ kantunieri tal-Knisja. Għall-kuntrarju, il-metodu tal-parolina all’orecchio għandu jidħol aktar u aktar fis-soċjetà u fil-familji u l-komunitajiet tagħna. Dan l-għaliex meta jiġi ipprattikat b’ħafna għaqal, prudenza, konsistenza, ħlewwa u kuraġġ tassew li jħalli l-frott fejqan mixtieq.

Ejjew ngħiduha kif inhi: ħadd minna m’hu perfett! Ikun tabiħaqq gwaj għalina li ninqatgħu minn xulxin, inkella nitilgħu fuq xi pedistall, jew inkella ningħalqu ma’ xi klikka, għas-sempliċi raġuni li nwaħħluha f’rasna li aħna l-perfetti. Il-maturi. L-integri. Filwaqt li l-bqija tajbin biss għall-ħruq! Għal min minna jemmen, l-att penitenzjali fil-bidu tal-quddiesa jurina biżżejjed kemm dan mhux minnu. Allura nagħmlu sewwa ħafna jekk ilkoll ninvestu l-enerġija li npoġġu biex nidhru li aħna l-aħjar fl-umiltà li naraw fejn ikunu nqasna, nitolbu maħfra u naħdmu ilkoll biex nirrifurmaw ruħna. Ejjew nieqfu nagħmlu qassata wara qassata b’ħajjitna sempliċiment l-għaliex naħsbu li aħna l-aħjar u ta’ l-oħrajn żibel u diżażtru. Ejjew ma ninsewx li illum anki tifel żgħir jgħallmek! Aħseb u ara! Mela ejja ilkoll nammettu li għandna bżonn kbir u daqs il-ħobż li nieklu u l-ilma li nixorbu, li dejjem ninbidlu f’dak li hu l-aħjar. U, dan il-bżonn, jibqa’ dejjem urġenti u attwali. Huma x’inhuma ċ-ċirkustanzi li fihom ngħixu.

Barra minhekk irridu nżommu quddiem għajnejna wkoll li minħabba r-rata ta’ kif il-ħajja qiegħdha tinbidel ġieli issibna fuq sieq waħda wkoll. Għaliex, u ħafna drabi, tajbin kemm ikunu tajbin l-intenzjonijiet tagħna l-ħajja malajr turina kif ċerti ħwejjeġ jinbidlu minn lejl għan-nhar. U faċli wieħed, bl-intenzjonijiet kollha tajba li jkollu, isib lilu nnifsu offside fil-logħba tal-ħajja. U issa mbilli nkun għamilt goal il-ġmiel tiegħu jekk, skont ir-referee, jien kont f’pużizzjoni ta’ offside? Mela ejja nippjana aħjar ħalli ma nitqanżaħx għalxejn.

Għalhekk ikun ferm għaqli u mportanti li, ilkoll kemm aħna, ikollna dik l-attitudni ta’ umiltà. Għax hija din l-attitudni li tiftaħna għall-possibiltà li jien inkun lest li ninbidel, mingħajr ma narmi l-baħar il-prinċipji li jagħtuni d-dinjità tiegħi bħala persuna. Hija l-umiltà li lili tgħinni bis-sħiħ ħalli nibqa’ niżfen iż-żifna tiegħi mal-ħajja tallum. U meta, fl-umiltà kollha, l-għaliex nemmen bis-sħiħ li għadni ma wasaltx, jiena nibqa’ miftuħ biex ninbidel fl-aħjar, huwa hawn li ħajti tkompli toħroġ il-valur kbir u sabiħ li fiha! Biss, dan jista’ iseħħ jekk nifhem li min tassew iridli l-ġid għandu jibqa’ jiftaħli għajnejja. L-għaliex irid jarani ħafna aħjar milli jien stess naħseb li jien u għandi nkun. Għax min jiftaħli għajnejja ikun qed jarani aktar sod u soda fil-ħajja tiegħi. Dik is-sodezza li fuqha jitħaddet Ġesù fil-vanġelu meta jgħid: Niżlet ix-xita, ġew il-widien, qamu l-irwiefen u ħabtu fuq dik id-dar, iżda ma ġġarrfitx għax kellha s-sisien tagħha fuq il-blat (Mt 7 :27). Min jinfetaħ għall-korrezzjoni b’attitudni ta’ umiltà bilfors li jkun qed jissoda l-għaliex ikun qed isejjes ħajtu fuq il-blat tal-verità li tagħti l-frott. Minn naħa l-oħra, min jiġġustifika ruħu f’kollox, ikun qed ilesti għalih it-triq tar-rovina. Kif jgħid Ġesù stess: Niżlet ix-xita, ġew il-widien, qamu l-irwiefen u ħabtu fuq dik id-dar, u ġġarrfet; u kbira kienet il-qerda tagħha! (Mt 7 :27).

Kien Ġesù stess li uża s-sistema tal-parolina all’orecchio. Fil-vanġelu ta’ San Mattew Ġesù jgħidilna: Jekk ħuk jaqa’ f’xi dnub, mur sibu waħdu u widdbu. Jekk jisma’ minnek, tkun irbaħt lura lil ħuk (Mt 18:15). Fl-istess silta naraw li meta dan il-metodu ifalli l-affari tikber u tikber. Isimgħu x’jgħidilna Ġesù: Jekk ma jismax, erġa’ mur u ħu miegħek wieħed jew tnejn oħra, biex kull ma jingħad jissaħħaħ bil-kelma ta’ żewġ xhieda jew tlieta. Jekk imbagħad anqas minnhom ma jkun irid jisma’, mur għid lill-knisja. U jekk anqas mill-knisja ma jkun irid jisma’ żommu b’wieħed pagan u pubblikan (Mt 18:16-17). Ara ftit kemm, l-għaliex il-persuna ma tkunx semgħet mill-parolina all’orrechio, jew mit-twissija fil-widnejn, il-ħaġa tkun kbiret! Issa, fl-istorja, ġew imżeffnin ix-xhieda, il-knisja u, saħansitra, s-soċjetà kollha! Liema soċjetà ikkundannat lil ħati għax ma semax bil-kelma t-tajba!

Ejjew nieħdu ħsieb xulxin billi niftħu għajnejn xulxin bit-twissija fil-widnejn. Rasi u rasek. Rasek u rasi. U hekk, din it-twissija, mhux biss turi t-tajjeb mill-ħażin u l-aħjar minn aħjar imma wkoll tħeġġiġna ħalli t-tajjeb inżiduh! U hekk, ħelu ħelu, l-ansjetajiet u l-beżgħat jibdew jagħtu post għall-kuraġġ, għall-ġid u għat-tama fostna!

 

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.