Il-Papa f’Santa Marta: Attenti mill-insara li juru ruħhom riġidi u perfetti.


Fl-omelija li għamel illum it-Tlieta 16 ta’ Otturbu fil-kappella tad-Dar Santa Marta, il-Papa Franġisku kkummenta s-silta tal-Vanġelu li tirrakkuntalna li meta kien mistieden għall-ikel għand il-fariżew, Ġesù resaq fuq il-mejda bla ma nħasel kif titlob il-liġi. Il-Vanġelu, osserva l-Papa, jtina wkoll it-tweġiba iebsa ta’ Ġesù għal dak l-istgħaġib tal-fariżew.
Franġisku qal li l-poplu kien iħobb lil Ġesù, għax kien imissilhom qlubhom, u anki għax kellhom xi ftit tal-interess personali. Da kine kuntrast mal-mibgħeda tad-dutturi tal-Liġi, tal-kittieba, tas-saduċej.

Kienu eżempju ċar tal-formalità, osserva l-Papa, imma dawn in-nies kienu neqsin mill-ħajja. Kienu qieshom, illamtati, iebsin, riġidi. U Ġesù għaraf l-ispirtu tagħhom. Aħna niskandaliżżaw ruħna għax huma kienu jiskandaliżżaw ruħhom b’dak li kien jagħmel Ġesù meta kien jaħfer id-dnubiet, meta kien ifejjaq nhar ta’ Sibt. Kienu jċarrtu ħwejjiġhom: “Xi skandlu!” dan mhux Alla, għax dawn l-affarijiet mhux sew li jsiru!”. Dawn ma kienx moħħhom fin-nies, kien moħħhom biss fil-Liġi, fir-regoli, fil-formalitajiet.

Iżda, nosservaw li Ġesù aċċetta l-istedina għall-ikel tal-fariżew, għax Ġesù hu ħieles, imur għandu. Lill-fariżew li skandaliżża ruħu minħabba l-imġieba mhux skont ir-regoli, Ġesù jgħidlu: “Intom il-fariżej tnaddfu t-tazza u l-platt minn barra, imma minn ġewwa intom mimlija bis-serq u l-ħażen”.

Mhux kliem sabiħ, ikkummenta Franġisku. Ġesù jitkellem ċar għax mhux ipokrita. U jżid jgħid: “Għaliex tħarsu biss minn barra?” Ħares ftit x’hemm ġo fik!” Darb’oħra kien qallu: “Intom oqbra mbajda!” X’kumpliment dak, eh? Sbieħ minn barra, kollox perfett kollha perfetti imma minn ġewwa ntiena, għalhekk serq, ħażen u aktar. Ġesù jagħraf id-differenza bejn dak li jidher u r-realtà interna. Dawn in-nies huma dutturi tad-dieher, dejjem perfetti, imma x’hemm ġewwa?

Il-Papa Franġisku fakkar passi oħra tal-Vanġelu li fihom Ġesù jikkundanna lil dawn in-nies, bħal fil-parabbola tas-Sammaritan it-Tajjeb jew fejn jgħid li huma jqarrsu wiċċhom biex juru li sajmin u jagħtu l-karità biex jidhru. Għax lilhom kien jinteressahom li jidhru, qal Franġisku, u Ġesù lil dawn in-nies isejħilhom ipokriti. Nies bi spirtu ta’ kilba, li jaslu anki joqtlu. Kapaċi jħallsu biex joqtlu jew jikkalunjaw, kif isir illum. Illum ukoll hekk isir: jitħallsu l-flus biex jixxerdu aħbarijiet koroħ, li jħammġu lill-oħrajn.

Fi kliem ieħor, issokta Bergoglio, il-fariżej u d-dutturi tal-Liġi kienu nies riġidi, ma kienux lesti li jinbidlu. Imma din l-ebusija, taħbi problemi gravi, qal Franġisku. Wara l-apparenzi tan-nisrani tajjeb, dak li dejjem irid jidher, hemm il-ħsieb li juru ħaġa b’oħra, hemm il-problemi. Ġesù ma jinsabx fihom, fihom hemm l-ispirtu tad-dinja.

U Ġesù jgħid li huma boloħ u jwissihom biex jiftħu qalbhom għall-imħabba ħalli tidħol fihom il-grazzja. Għax is-salvazzjoni hi don li Alla jtina b’xejn. Ħadd ma jsalva lilu nnifsu, ħadd, tenna Franġisku, lanqas bl-imġieba ta’ dawn in-nies.

Il-Papa Franġisku temm bi twissija: Attenti min-nies riġidi, Attenti mill-insara – lajċi, saaċerdoti, isqfijiet – li juru ruħhom perfetti, iebsin. Fihom m’hemmx l-Ispirtu t’Alla. Huma neqsin mill-ispirtu tal-libertà. U noqgħodu attenti minn nfusna, għax dan kollu għandu jwassalna biex ngħarblu ħajjitna. Jien inħares lejn l-apparenzi biss? Inħalli qalbi tinbidel? Niftaħ qalbi għat-talb, għall-libertà tat-talb, għall-libertà tal-elemożina, għal-libertà tal-opri tal-ħniena?

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Joe Huber

Author: laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.