Lectio Divina għat-32 Ħadd, Sena “B”

Vanġelu (Mk 12, 38-44): F’dawn l-aħħar kapitli ta’ Mark, rajna l-vjaġġ ta’ Ġesu’ mill-Galilija għal Ġerusalem.  Kif wasal il-belt, kellu diskussjonijiet mal-Fariżej, is-Sadduċej u l-Erodjani,  Illum Mark jikteb dwar l-attakk ta’ Ġesu’ fuq il-kittieba (l-iskribi).

  1. Fil-Lvant Nofsani kont issib dawn l-iskribi li kienu jieħdu ħsieb id-dokumenti tar-rejiet u l-imperaturi.  F’Israel l-iskribi saru mportanti ħafna meta, fl-eżilju fil-Babilonja, il-qassisin ikkomponew il-ħames kotba tat-Torah.  L-iskribi saru dawk li uffiċjalment kellhom id-dritt li jinterpretaw dawn il-Kotba Mqaddsa.  Billi kienu jafu l-liġi, kienu huma li jaqtgħu is-sentenzi fit-tribunali.  Il-kelma tagħhom kienet meqjusa daqs il-kelma t’Alla.  Ġesu’ kien japprezza l-istudju tat-Torah.  Hu l-atteġġjament tal-iskribi li ma kienx korrett.  In fatti, Ġesu’ kellu  juża lingwaġġ mhux tas-soltu: juża s-satira, l-ironija u jgħaddihom biż-żmien.  Dan jagħmlu għax preokkupat li ma tmurx l-imġieba tagħhom   tinfluwenza d-dixxipli.  Għaliex ironija?  Għax tittratta fuq periklu sottili, moħbi wara maskra.  Dal-periklu jiħtieġ jinkixef, għax in-nies sempliċi jistgħu jaħsbu li ċerti osservanzi tagħhom huma atti ta’ mħabba lejn Alla.   E.g. ħafna jaħsbu li qassis u isqof jixraqlu      ċertu rispett, imma Papa jixraqlu l-aqwa rispett.  Alla jrid li nuru l-akbar rispett lil kull bniedem, hu min hu, għax aħna lkoll ulied indaqs ta’ Alla.  Min fil-Knisja għandu xi titlu (kanonku, kardinal)  jiħtieġlu qatt ma jinsa li hu qaddej tal-oħrajn, u mhux jimla’ rasu bl-inkini u l-bews tal-idejn.  Dak li Ġesu’ jgħid lid-dixxipli  jgħodd għalina wkoll illum: “Oqogħdu attenti!” għax wara dil-kwalita’ ta’ mġieba (tal-kittieba)  hemm moħbi velenu li jattakka ċ-ċentru tal-ħajja Nisranija, u jħajrek biex tidher (Arawni!), biex iċapċpulek, eċċ.  Dan ixejjen il-kliem ta’ Ġesu’ biex tagħżel l-aħħar post.
  2. “Oqogħdu attenti!” Dawn il-kittieba jistudjaw il-Bibbja, imma l-imġieba tagħhom hi perikoluża: (A) “Iħobbu jduru fit-toroq bi lbiesi twal,” biex jidhru u juru li huma speċjali ħdejn il-bqija tal-poplu.  Il-qassis il-kbir, imbagħad, kien ikollu mdendel ma’ sidru pettoral li kellu fih 12-il ħaġra prezzjuża, waħda għal kull tribu’ ta’ Israel.  Dawn kienu jleqqu fix-xemx.  Kellu fardal mad-dawra kollha ta’ qaddu (il-famuż efod) u, mal-keffa tal-libsa kważi tmiss mal-art, kellu miħjutin ħafna qniepen żgħar.  Bil-fors li hekk kien jiġbed l-attenzjoni fuqu, tant li n-nies kienu jqisuh bħala r-rappreżentant dirett ta’ Alla fuq l-art.  Fuq rasu kellu dijadema mal-kappell li fuqha kellu miktub: “Il-qaddis t’Alla.” Skont Ġesu’, dan qisu pupazz tal-moda li mlibbes sabiħ minn barra imma minn ġewwa vojt, bla ħajja.  Din qisa reċta bil-vestwarju.  Ġesu’ jwissi lid-dixxipli biex (i) ma jammirawx dil-kummiedja, forsi jekk kulħadd jinjorahom, jieqfu;  (ii) ma jitħajrux jagħmlu bħalhom, anzi (iii) jikxfu l-qerq ta’ dil-farsa; (B) “jixtiequ min isellmilhom fil-pjazez,” min ibusilhom idhom u min jagħmel inkin jew reverenza quddiemhom.  Min ma jagħmilx hekk kienu jgħajtu miegħu; (Ċ) “fis-sinagoga joqogħdu fl-ewwel postijiet” ma’ xi Rabbi mistieden jew sinjur li jkun għamel xi għotja kbira għall-fqar; (D) “fil-postijiet ewlenin fil-pranzijiet,” i.e. ħdejn sid id-dar, biex iservuhom l-ewwel u mill-aħjar.  Ġesu’ ma jistax għaliha din il-vanita’ kollha.  Kelma oħra għal “uniformi” hija “diviża” (tissepara) għax kull min jilbisha jqun irid jinqata’ minn mal-oħrajn biex jitla’ ‘l fuq u jiddomina.  Ġesu’ jrid lid-dixxipli biex jagħmlu bil-maqlub, i.e. meta jagħmlu xi ħaġa tajba,  jmorru jinħbew qabel ma jfaħħruhom u jirringrazzjawhom; (E) “iberbqu (jiddevoraw) il-ġid tar-romol.”  Din akkuża serja għax ir-romol u l-orfni kienu taħt il-protezzjoni diretta t’Alla.  Imma dawn kienu jabbużaw mid-dgħufija tagħhom u jeħdulhom flus kbar għal xi parir li jitolbu, jew jingannawhom biex iħallu ġidhom kollu f’idejhom biex taparsi jamministrawh huma aħjar minnhom; (F) “idumu ħafna jitolbu” biex, wara li jkunu rvinaw ir-romol, jidhru quddiem in-nies li huma ħbieb m’Alla.  Ġesu’ iebes ħafna fuq imġieba bħal din. In fatti llum għandna l-unika darba li jikkundanna lil xi ħadd:  “Dawn jieħdu kundanna aktar iebsa”, għax tittratta mhux fuq xi midneb kwalunkwe imma fuq il-kasta reliġjuża.  Ġesu’ ma ridhomx ibiddlu biss xi ħaġa żgħira mill-imġieba tagħhom,  imma jaqilbu kollox ta’ taħt fuq.
  3. “Ġesu’ kien qiegħed biswit it-teżor.”  It-teżor tat-Tempju kellu rikkezzi bla għadd, tant li meta ġġarraf it-Tempju, il-prezz tad-deheb fil-Lvant Nofsani niżel bin-nofs.  Ġesu’ kien fil-bitħa fejn setgħu jidħlu n-nisa.   Matul il-ħitan ta’ dil-bitħa kien hemm tlettax-il kaxxa li fuqhom kellhom miktub f’hiex il-flus se jintefqu: inċens, żejt, ħrief, ħatab, eċċ. Kull meta wieħed jitfa’ l-flus, raġel bi tromba kien idoqqha.  Ġesu’ kien qallhom lid-dixxipli: “Meta tagħmlu karita’, toqogħdux iddoqqu t-trombi.”  L-aħħar kaxxa ma kellha xejn miktub fuqha, għax kienet għall-offerti liberi.  Kienet l-unika waħda li wieħed seta’ jitfa’ l-flus hu, għax fl-oħrajn kien jitfa’ l-flus saċerdot jew levita wara li jieħu l-flus minn għand in-nies.  Min kellu ftit flus kien jistħi jagħmel dan u kien juża’ l-aħħar kaxxa.
  4. “Resqet waħda armla fqira,” i.e. m’għandhiex għaxja ta’ lejla.  Ilbiesha ma kienx jaqtagħha min-nies komuni l-oħra.  Mark ma jgħidx li talbet jew niżlet għarkobbtejha. Forsi l-anqas kienet reliġjuża.  Tixħet żewġ muniti li fis-suq ma tixtri xejn bihom.  Ġesu’ jsejjaħ lid-dixxipli: “Araw il-kobor fejn qiegħed, dak li biss jiswa f’għajnejn Alla.  Mhux il-qniepen mas-saqajn, id-dijademi u l-inkini.  Tassew ngħidilkom, din l-armla xeħtet aktar minn dawk kollha.  Dawk taw miż-żejjed tagħhom, hi tefgħet kull ma kellha, dak kollu li kellha biex tgħix.  Dawk tefgħu biex jidhru u biex idoqqu t-trombi.  Din għamlet minn kollox biex ħadd ma jinduna biha.”  Għalkemm qatt ma kienet iltaqgħet ma’ Ġesu’ jew semgħet kliemu, ġa qed iġġib ruħha bħala dixxiplu tiegħu.  Din hi mudell tal-imħabba, bħaż-żewġ nisa oħra li jidhru f’S. Mark: il-kunjata ta’ Pietru (qamet isservihom), u l-mara li dilket ras Ġesu’ (b’ġenerożita’ nefqet kulma kellha fuq il-fwieħa).   Żewġ nisa oħra huma mudelli ta’ fidi: il-mara li sofriet bin-nixxiegħa tad-demm, u l-mara Siro-Feniċja.   Mela, biex jien inkun tassew dixxiplu, mhux biżżejjed nitfa’ ftit ewros fis-sasla kull nhar ta’ Ħadd.  Jiħtieġli noffri ħajti kollha bħala rigal ta’ mħabba għad-dispożizzjoni tal-proxxmu.  U dan nagħmlu bla ma nidher u bla daqq tat-trombi.

Sors: lachiesa.it/liturgia/omelie/padrefernandoarmellini

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading