Infittxu l-paċi tal-qalb

Print Friendly, PDF & Email

It-Tlieta, 4 ta’ Diċembru 2018: Illum, waqt l-omelija fil-kappella tad-Dar Santa Marta, il-Papa Franġisku ħeġġiġna biex inħejju ruħna għall-Milied billi nibnu l-paċi f’ruħna, fil-familja u fid-dinja. Meta nfittxu l-paċi nkunu qed nixbhu lil Alla għax numiljaw ruħna.

 

Fil-kelma ta’ Iżaija li nsibu fl-ewwel qari hemm wegħda dwar kif se jkun iż-żmien ta’ meta jiġi l-Mulej: il-Mulej iġib il-paċi u l-paċi ssaltan fuq kollox. Iżaija jfisser dan bi xbihat pastorali sbieħ, osserva l-Papa. Dan ifisser li Ġesù jġib paċi li tittrasforma l-ħajja u l-istorja. Għalhekk insejħulu Prinċep tal-Paċi, għax din hi l-kwalità ta’ paċi li jġibilna.

Għalhekk, iż-żmien tal-Avvent hu żmien li fih nitħejjew għal dil-miġja tal-Prinċep tal-Paċi. Hu żmien li fih aħna nfittxu l-paċi l-ewwelnett magħna nfusna, f’ruħna. Ħafna drabi ma jkollniex paċi fina nfusna, inkunu inkwetati, anzjużi, bla tama.

Il-mistoqsija li jagħmlilna l-Mulej illum hi: ‘Kif inhi ruħek? Tinsab fil-paċi?’ Jekk le, jeħtieġ nitolbu lill-Prinċep tal-Paċi biex jikkalmahielna ħalli nitħejjew għal-laqgħa miegħu. Aħna mdorrijin inħarsu lejn ħaddieħor, imma qabel xejn jeħtieġ inħarsu lejn il-qalb tagħna.

Imbagħad jeħtieġ inġibu l-paċi fil-familja. Hemm familji mimlijin imrar, ġlied, gwerer żgħar, firda. F’dal-każ ukoll, issokta l-Papa, jeħtieġ nistaqsu jekk il-familja tagħna hijiex fil-paċi jew fi gwerra, jekk hemmx ħitan li qed jifirduna.

It-tielet ambjent li jeħtieġ inġibu l-paċi fih huwa d-dinja, fejn hemm aktar gwerer milli paċi, firda, mibegħda, sfruttament. X’nista’ nagħmel jien biex ngħin tinġieb il-paċi fid-dinja? X’qed nagħmel biex inġib il-paċi fil-kwartier fejn noqgħod, fl-iskola, fil-post tax-xogħol? Jien dejjem insib xi skuża biex nibda gwerra, biex nobgħod, biex inqassas fuq ħaddieħor, jew jien manswet? Nipprova nibni l-pontijiet? Nikkundanna?

Nistaqsu ftit lit-tfal: ‘X’tagħmel l-iskola meta jkun hemm xi ħadd minn sħabek li ma jogħġbokx, li jkun xi ftit antipatiku jew dgħajjef?’ Int bully jew tipprova ġġib il-paċi? Taħfer? Aħna għandna nkunu artiġjani tal-paċi. Dan meħtieġ f’daż-żmien tal-Avvent bi tħejjija għall-miġja tal-Mulej li hu l-Prinċep tal-Paċi.

Il-paċi mhix ħaġa statika. Il-paċi dejjem tiżviluppa: tibda mill-qalb u hemmhekk terġa’ lura wara li tkun għamlet il-mixja ta’ paċifikazzjoni. Meta nġibu l-paċi nkunu qed nixbhu xi ftit lil Alla għax hu ħafrilna u bagħtilna lil Ibnu biex iġib il-paċi.

Jekk jidhirlek li ma tafx kif iġġib il-paċi, Ġesù jtik it-tweġiba, jgħidlek liema hu l-atteġġjament li jrid ikollok: ‘Inroddlok ħajr Missier tas-sema u l-art għax dawn il-ħwejjeġ ħbejthom lil min hu għaref u wrejthom liċ-ċkejknin.’ Jekk int ma studjajtx, jidhirlek li m’intix għaref… iċċekken, kun umli, aqdi lill-oħrajn. Iċċekken u l-Mulej itik il-ħila li tifhem kif issir il-paċi u jtik il-qawwa biex tagħmilha.

Kull darba li naraw sitwazzjoni li tista’ toħloq xi gwerra żgħira kemm fid-dar u wkoll fi qlubna, fl-iskola, fuq ix-xogħol, nieqfu u nippruvaw inġibu l-paċi. Qatt m’għandna nweġġgħu lil ħaddieħor, qatt, saħaq Franġisku. Kif nista’ nagħmel biex ma nweġġax lil ħaddieħor? Tqassasx dwaru, titfax l-ewwel bomba. Kieku lkoll kemm aħna nagħmlu dan, il-paċi tisseddaq u tissaħħaħ.

Jalla l-Mulej, temm il-Qdusija Tiegħu, iħejjilna qlubna għall-Prinċep tal-Paċi. Imma aħna rridu nagħmlu l-parti tagħna u nfittxu li nnisslu l-paċi fi qlubna, fil-familja, fl-iskola, fil-kwartier fejn noqogħdu, fuq il-post tax-xogħol. Inkunu bnedmin tal-paċi.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Joe Huber.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading