KRISTU GĦAŻILNA GĦALIH


34. Il-Ġimgħa wara l-Ħames Ħadd tal-Għid

Kitba ta’ Angelo Xuereb

Mhux intom għażiltuni, iżda jiena għażiltkom, u ħtartkom biex tmorru tagħmlu l-frott u l-frott tagħkom jibqa’ (Ġw 15, 16).

Din is-silta tfakkarna fit-tagħlim tal-Knisja fuq il-grazzja. Huwa Alla li jagħti l-ewwel grazzja lill-bniedem u x-xogħol tal-bniedem huwa biss li jilqagħha u li jikkopera magħha.

Alla huwa dak li jagħti l-ewwel grazzja. Għalhekk it-tagħlim tal-Fariżej ma kienx fit-triq tas-sewwa. Il-Fariżej kienu jaħsbu li Alla huwa midjun magħhom talli kienu jagħmlu l-opri tajba. Dan narawh ċar fil-parabbola tal-Fariżew u l-Pubblikan. Il-Fariżew kien qiegħed jiftaħar fit-talb tiegħu u donnu ried li Alla kellu jirringrazzjah ta’ dak li kien għamel! Imsejken!

San Pawl skopra l-kobor tal-grazzja ta’ Alla meta fit-triq ta’ Damasku ltaqa’ ma’ Kristu, u nbidel. Induna li l-opri tal-liġi ma jwasslu mkien għax il-liġi waħedha ma tifdix lill-bniedem. Anzi, fl-ittra lir-Rumani jgħidilna li, kieku ma għandniex l-għajnuna tal-grazzja, il-liġi kienet tkun ta’ akkuża għalina. Hekk il-konverżjoni ta’ San Pawl ma għandniex narawha biss bħala mogħdija mid-dnub għall-grazzja, iżda pjuttost hi l-iskoperta tal-grazzja ta’ Alla. San Pawl, li kien Fariżew, induna kemm kien qiegħed fl-iżball.

Il-grazzja ta’ Alla ma tfissirx li aħna għandna nibqgħu passivi. Aħna rridu naħdmu mal-grazzja ta’ Alla peress li Alla ma ħalaqx lill-bniedem bħala strument passiv. Anki mill-Verġni Marija, li Alla taha daqshekk grazzji kbar, ried l-“Iva” tagħha. U jrid l-istess minna, l-“iva” tagħna.

Ħafna qaddisin, li għamlu xogħol kbir fil-Knisja, lanqas kienu joħolmu li jitkabbru. Billi kkoperaw mal-grazzja ta’ Alla, u għamlu r-rieda tiegħu, ħallew bosta frott li baqa’ wara mewthom. Biżżejjed insemmu lil San Franġisk ta’ Assisi, li mexa wara t-tnebbiħ ta’ Alla pass wara pass, sakemm wasal fil-quċċata tal-qdusija u ħalla tant ġid, li wara daqshekk sekli għadu tant maħbub mad-dinja kollha.