L-Isqof ta’ Għawdex f’Konferenza tac-CEI dwar il-Katekiżmu


Il-Ġimgħa, 5 ta’ Lulju 2019: Matul dawn il-jiem, l-Isqof Mario Grech flimkien ma’ Dun Daniel Sultana, Segretarju Pastorali djoċesan, jinsabu f’Terrasini, Sqallija għal Ġimgħa ta’ Formazzjoni Kateketika organizzata mill-Uffiċċju Katekistiku Nazzjonali fi ħdan il-Konferenza Episkopali Taljana. Is-suġġett ta’ din il-konferenza kien: “Iniziazione Cristiana in pratica… con chi?”.

IMG_2175

Fi kliem l-Isqof, il-preżenza u l-parteċipazzjoni ta’ għadd ta’ isqfijiet, saċerdoti, reliġjużi u lajċi minn 114-il djoċesi Taljana għamlet din il-konferenza aktar interessanti, u kienet grazzja li hu u Dun Daniel setgħu jkunu preżenti għaliha.

Kompla jgħidilna li barra li kien hemm kelliema interessanti u stimulanti ħafna, ippreżentaw xi esperjenzi ta’ kif qed issir il-katekeżi (jew kif nafuha aħna d-‘duttrina’) f’xi parroċċi. Huma inizjattivi li jirriflettu ż-żminjiet tal-lum. Biex il-Vanġelu jasal għand il-familji tal-lum, li huma l-ewwel ċentri fejn il-fidi tgħaddi lit-tfal, l-Isqfijiet Taljani qegħdin fi proċess biex jadattaw il-kontenut, il-metodi u l-lingwaġġ tal-katekeżi.

“Aħna għandna l-vantaġġ li nitgħallmu minn għandhom għax aħna wkoll ninsabu għaddejjin mill-bidla li għaddiet minnha l-Knisja u s-soċjetà Taljana. Meta tisma’ ċerti esperjenzi u riflessjonijiet, mill-ewwel tintebaħ kemm fil-qasam tal-Katekeżi aħna għandna ħafna x’naqdfu. Jekk irridu li l-proposta tal-Vanġelu tmiss il-qlub u bħala Knisja nibqgħu nakkumpanjaw lill-familji, huwa urġenti li aħna nagħmlu riforma fil-mod kif ngħinu lill-bniedem iduq il-ħlewwa ta’ Kristu u jagħmel esperjenza tal-għajnuna tiegħu. It-tħassib tiegħi dwar dan kont fissirtu f’diversi interventi li huma ppubblikati fil-librett ‘Naqraw l-arloġġ ta’ żmienna’”, fakkarna l-Isqof tagħna.

Fid-diskors li għamel nhar it-Tlieta fil-Konferenza dwar il-katekeżi tal-bidu tal-ħajja Nisranija fid-Djoċesi ta’ Għawdex, hu qal li l-fatt li ninsabu f’salib it-toroq bejn Kristjaneżmu li qed imut u Kristjaneżmu li qed jitwieled jagħmilha urġenti li l-Knisja lokali tagħmel proposta kateketika friska, kemm fil-kontenut u kemm fil-metodu. “Fil-Knisja għandna ħafna affarijiet li hemm bżonn imutu bħalma huma ċerti clichés teoloġiċi u ekkleżjali li llum saru obsoliti kif ukoll ċerti esperjenzi parrokkjali li jserrħu fuq pjetiżmu puwerili, ċertu kampanaliżmu u reliġjożità sterili. Huwa importanti li dawn imutu. Il-missjoni tal-Knisja mhix li tħares li dawn ma jmutux: dak li għandu jmut aħjar imut u jmut malajr. Ir-rwol tal-Knisja huwa li twelled xi ħaġa wara din il-mewt – li jkollna Knisja tal-post-mortem. B’xorti ħażina, fil-Knisja spiss jiġri li dak li hemm bżonn imut ma jmutx u dak li hemm bżonn jitwieled ma jitwelidx”.

L-Uffiċċju Kateketiku Djoċesan, ikkordinat minn Dun Simon M. Cachia, qed iwettaq ħidma prezzjuża biex tkompli ssir ir-riforma meħtieġa fil-pjan kateketiku għall-Knisja f’Għawdex.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.