Hekk kif ftaħt għajnejja, għal jum ieħor, wara lejl ta’ xogħol bla heda mal-pazzjenti fl-Isptar, intbaħt iva li kien is-Sibt! Is-Sibt! Il-jum tas-Sibt! Urrah! Urrah! Urrah! Ħa ngħidha ħa, għal darba, a la Komunista!
Issa apparti l-komunista u l-komunisti, li naf hu li dak is-Sibt, l-ewwel Sibt tas-sajf, kien tabilħaqq speċjali għalija. U, nemmen jien, għal min jemmen ukoll. Jew jipprova, biex ngħid hekk, jemmen. Bħali! Apparti l-fatt li n-numru tal-jum kien wieħed għal kollox mhux daqshekk tas-soltu, it-22. Jiġifieri l-magħruf numru marbut mas-sorijiet u li jippreżentahom. Xi speċjalità! Veru? Iżda, u fuq kollox, dak is-Sibt ma nista’ ninsieħ qatt l-għaliex, filgħodu, ġiet iċċelebrata l-quddiesa tal-Madonna ta’ Pinu. Kemm ħadt gost u qistha għalija b’barka liema bħalha li l-Patri ta’ qabli qaddes din il-quddiesa dakinnhar! Liema quddiesa intbaħt li hi wkoll ta’ Santa Marija! Jiġifieri ta’ Marija mtella’ fis-sema! Il-festa ta’ ismi!
U tibżgħux! L-għaliex hekk ħassejtha għalija dik il-quddiesa! Ħafna lili jistaqsuni: Imma int, Patri, għalfejn tidħak? U jien, bis-sempliċità u l-ferħ kollu, ngħidilhom: Nidħak u nifraħ għax il-Mulej, li jafni ħafna aktar minn xi wħud li ma nafx kif waħħluha f’rashom li jafuni bil-kriterji mgħawġa ganġ tagħhom ta’ bnedmin, li jiżolqu fin-niexef, jara x’hemm f’qalbi u jafdani! Issa dan Alla tafux! Li ma jiġix ippreġudikat minn xi ‘gosti’ jew paroli żejjed fuq il-proxxmu ta’ xi nies. U li lanqas jaf kif jidħol fi klikka tal-lablaba u joqgħod għar-reogli tagħha. Inkella jispiċċa b’tabella daqshiex Hu! Minfuq! U miskin! Kos hux! X’Alla hu dan! U mela min jista’ ħbieb, bil-verità kollha, u quddiemu, jista’ jippoża, jiddritta u jiffriża għax jgħid li hu qaddis u qaddisa? Min? Għidhuli ħbieb, min? Mela ejja ma ndaħkux! U mhux ilkoll aħna mċekċin quddiemu x’kull waħda tnejn? U, id-daħka, qiegħdha li aktar ma nipprova ngħatti aktar ninkixef! U mela ejja nieqaf naħli l-ħin nidħak bija nnifsi ħi u ngħoxxi bid-daħk lill-oħrajn b’din il-praspura tassew miskina! U b’din il-froġa li nagħmel!
U, dan il-fatt għaqli, u għaqli kemm tridu, jitfgħani fil-ferħ kbir tat-tfulija tiegħi. Liema ferħ, iva, kien l-ewwel u l-aqwa formazzjoni tiegħi għall-ħajja tal-kunvent. Li diġà minn barra kienet qed tagħmilni kuntent! L-għaliex, il-ferħ tiegħi, forsi għal kif waħħluha f’rashom xi wħud, ma kienx le xi ferħ tal-plastik. Dak il-ferħ imżaqżaq għax żlugat b’ħafna kundizzjonijiet u termini li, ikollhom u ma jkollhomx, xorta waħda jkollhom japplikaw! Le ħbieb! U xejn minn dan tafux! Anzi! Kemm l-istorja jaħasra kienet bil-kontra! F’dak iż-żmien ta’ ħajti l-ebda kundizzjoni u l-ebda terminu ma kien japplika għalija. Tafu x’kien japplika biss? Li nirringrazzja lill-Mulej ta’ dak li kien qed jipprovdili ta’ tifel! Fil-qjies sempliċi ħafna ta’ familja normalissima. Li qatt ma kellha min jaqbeż għaliha. La ma’ Alla u lanqas ma Ċesari! U, bil-grazzja li kien jgħaddili l-Mulej permezz tagħha, kont iva nifraħ b’kollox. U nqis bi grazzja dak kollu li kont ngħaddi minnu. Kont nifraħ u ngħix ta’ sinjur fil-faqar tiegħi. Għax kont tabilħaqq sinjur bil-ferħ li kien iġagħlni noħlom!
U hawn hu l-ħolm li kien jitwettaq tassew. Eżattament nhar ta’ Sibt. Fis-sajf. Hemm, filgħodu, mas-seba’, f’dak is-sema sabiħ, ikħal nir, kont noħroġ fil-bitħa. Fil-ġnien żgħir mimli qsari. L-għażiża ommi żgur li tafħirli kemm, ta’ tifel, aqta’ kemm kont inqaċċtilha pjanti u qsari l-għaliex kont nilgħab bil-ballun tal-kamoxxa. Darba minnhom anki l-istatwa tal-Madonna laqtitha miskina! L-għaliex qlajt kannunata u, miskina, ġiet bla ras!
Imma kieku tafu kemm kont nieħu gost nilgħab f’din il-bitħa! L-għaliex, u issa emmnuni jew le, kont qed nistħajjilni nilgħab fil-ground tal-football tal-Marsa. Tat-tmeninijiet! X’għaxqa kien hux dak il-ground f’dawk iż-żminijiet! Niftakar biss fih ġismi jqum xewk xewk bin-nostalġija! Kien tabilħaqq ground li kien isaħħarni!
Imbagħad, fil-bitħa, kont insib lil missieri isaqqi l-pjanti. Taħt il-magħrufa xibka li kien jagħmel fuqhom. Kemm ommi u kif ukoll missieri aqta’ kemm kienu jobduh lill-bravu u mibki Peter Caruana li, fuq Radju Malta, fil-programm mill-isbaħ li kien itella’ fuq is-siġar u pjanti, kien iħobb jgħid: Bix-xtieli fid-dar il-ħajja tkun aħjar! U veru! L-għaliex f’dawk il-pjanti, għad-dell ta’ filgħodu, qabel ma kienet tikkarga dik ix-xemx, jien kont nilmaħ is-sema ikħal nir mifrux quddiemi! Quddiem is-sbuħija tagħhom kont nogħxa! Ħallieha li meta kien ikolli l-ballun f’saqajja kont ninbidel għalihom u nsir bastun! Imma nsomma!
Iżda, waqt li kont inħares lejhom, malajr kont niġi f’tiegħi. Għax, ma’ saqajja ċkejknin, jew kien jiġi l-kelb jew il-kelba. Jilagħquhomli. U jien, ta’ tifel żgħir, kont nieħu gost immellishom. U huma, bid-denb iferfer tagħhom, li kien donnu skrun ta’ ajruplan, arahom iferfruh kemm jifirħu! Heqq! Kienu jifirħu miegħi ħbieb!
Għat-tmienja u nofs, missieri, ħija u z-zijiet, u jien magħhom, konna nerħulha lejn il-baħar. Ngħumu. U, f’dak iż-żmien, bil-qasab jew, kif kien isejħilhom missieri, gafef, biex niġbru r-rizzi. L-aktar Għar id-Dud. U hemm, għal qiegħa tax-xemx, għadni niftakar qisu issa, missieri u z-ziju jtellgħu r-rizzi, ħija jmur għall-ħut bil-ħarpun u z-ziju l-ieħor jaqbad il-grottli fuq ix-xatt.
U, għall-ħabta tal-ħdax u nofs, kien jasal ħin l-ikel. Hemm kien l-għors tiegħi jien! Konna noħorġu dak il-ħobż malti frisk. Kbar u żgħar. Imbagħad dak it-tadam, ġobon tal-bżara, basal, il-platti u l-flixkun taż-żejt. Biex, wara, naqsmu r-rizzi u nibdew nieklu bħala familja. U hekk, għalija, kien tabilħaqq jinfetaħ, f’dak il-ħin, il-bieb tal-ġenna! Xi ġmiel! B’dik ir-riħa ta’ baħar! U aħna hemm … nieklu! U ħa ngħidilkom, tkun żgħir mhux biss tibqa’ tiftakar imma tiekol fuq li tiekol! L-aktar ħdejn il-baħar! Niftakarni niekol ħobża sħiħa tal-Malti mar-rizzi li missieri kien ikissirli! Avolja ta’ disa’ snin, naqra ta’ qrempuċu li kont, kif stajt nieqaf quddiem dik il-benna kollha?
U, wara l-ikla, xarba tajba ilma frisk. U wara konna nieħdu xi ftit rizzi d-dar ukoll. U anki lin-nannu. Il-mawra tiegħi hemm kienet tfisser ikla frott ukoll. U mbagħad, għas-siegħa u nofs, raqda tajba sal-erba’. Meta, fuq l-istazzjon ta’ Radju Malta, kien ikun hemm il-programm famuż ta’ Twanny Scerri dwar il-mużika taljana. Li kien jibqa’ sejjer sas-sitta ta’ filgħaxija. Mela sal-ħin li fih kont nipprepara ruħi ħa mmur il-Mużew għall-lezzjoni.
Biex imbagħad, filgħaxija, wara li ommi u missieri kienu jiġu mill-quddiesa, kont immur magħhom sa baħar iċ-ċagħaq. Fil-ħanut ta’ ħdejn il-baħar. Anki hawn il-Mulej tani grazzi kbar lili! L-għaliex, minbarra li kont nieħu ħafna gost bin-nies li kien ikun hemm fil-ħanut, meta konna noħorġu minn hemm kont nibqa’ imsaħħar bis-sema ikħal u kollu stilel li kien jitfaċċa quddiemi. Dik is-sema tassew li kienet premju stilla għalija!
Bħalissa, jien u nirrakkonta, għajnejja huma mxarrba bid-dmugħ. Imma dan hu dmugħ ta’ ferħ, fejqan u ta’ ħafna kuraġġ! Għalhekk, minn qalbi, inħeġġek ukoll li tmur lura għaż-żminijiet sbieħ. U titfarraġ minnhom! Għax, fl-esperjenzi sbieħ tal-imgħoddi, hemm fejqan kbir! Bħalma fiqt jien meta ftakart fis-sibtijiet sajfin.
Patri Mario Attard OFM Cap