Illum il-Knisja tfakkar lil San Pawl tas-Salib


Fid-19 ta’ Ottubru l-Knisja tfakkar lil San Pawl tas-Salib, Saċerdot li għex bejn is-snin 1694 sa 1775.

Pawlu Franġisku Daneo twieled f’Ovada, qrib Ġenova, l-Italja, fit-3 ta’ Jannar, 1694. Kien l-ewwel fost sitt itfal li baqgħu ħajjin minn tlettax. Kien wild ta’ familja nobbli li kienet fetħet negozju fil-Lombardija (l-Italja ta’ Fuq), imma li kienet ftaqret. Minn kmieni wera mħabba kbira lejn Ġesù Sagramentat u kien jagħmel ħinijiet twal jitlob quddiemu. F’żgħożitu għen lil missieru li kien negozjant. Fl-1713, priedka li sama’ mingħand il-Kappillan kebbsitlu qalbu bl-imħabba ikbar lejn Alla, għalkemm baqa’ ma ddeċidiex x’vokazzjoni jħaddan.

Fl-1715, mar biex jinkiteb bħala suldat fl-armata li l-Papa Klement XI kien qed iwaqqaf biex jirreżisti lit-Torok. Kien ittama li b’hekk kien ser jagħti ħajtu għall-Fidi tiegħu. Iżda fi triqtu biex jingaġġa fil-Kruċjata, għadda fi knisja biex jinvista lil Ġesù Sagramentat. Kif kien miġbur fil-kwiet qed jitlob, ra ċar li ma kienx imsejjaħ biex ikun suldat.

Fl-1719, fl-eta’ ta’ 25 sena rċieva l-Griżma tal-Isqof. Beda jħoss iktar minn qatt qabel ix-xewqa li jwaqqaf kongregazzjoni li żżomm ħajja u ssaħħaħ il-memorja tal-Passjoni ta’ Ġesù. Hu għadda minn saċerdot għall-ieħor ifittex li jieħu parir u direzzjoni. Fl-aħħar iltaqa’ mal-Isqof Gattinara ta’ Alessandria li nkurraġġieh u ħeġġu biex iwettaq dak li kellu f’moħħu. Ta’ 26 sena ġie mgħarraf permezz ta’ viżjoni biex jibda kongregazzjoni ġdida f’ġieħ il-Passjoni.

Huwa kiteb ir-Regola fl-1720 u l-Isqof tah il-permess li jilbes l-abitu tal-‘Kjeriċi Ħafjin tas-Salib u tal-Passjoni.’ Fit-22 ta’ Novembru fl-1720, l-Isqof libsu l-libsa sewda li l-Passjonisti għadhom jilbsu sal-lum. Wara, taħt id-direzzjoni tal-Isqof għamel irtir ta’ erbgħin jum.

Mar Ruma u hemm beda jistudja biex isir saċerdot. Fl-istess waqt kien idur bil-morda fl-isptar ta’ San Gallicano f’Ruma. Fis-7 ta’ Ġunju, 1727, il-Papa Benedittu XIII ordnah saċerdot. Fis-sena ta’ wara, flimkien ma’ sitt kumpanni oħra mar jgħix f’Monte Argentario fejn waqqaf dak li kellu jkun l-ewwel “Irtir” (hekk kien isejjaħ id-djar tiegħu) tal-Kongregazzjoni tal-Passjonisti. Malajr żdied l-għadd ta’ dawk li riedu jimxu fuq il-passi tiegħu u kontra qalbu, San Pawl tas-Salib ġie maħtur superjur ġenerali, kariga li baqa’ biha sa ma miet.

L-ordni ġdid tal-Passjonisti kien jgħaqqad fih l-awsterità tal-ħajja Kartużjana mal-appostolat attiv tal-Ġiżwiti biex jiġbed l-erwieħ lejn Kristu permezz ta’ kontemplazzjoni devota tal-passjoni tiegħu.

Għad li kien imħabbat bil-ħsieb tat-tmexxija tal-Ordni u tat-twaqqif ta’ Irtiri ġodda, qatt ma ħalla l-predikazzjoni tal-kelma ta’ Alla. Kien jitkellem b’ħeġġa kbira fuq il-Passjoni ta’ Ġesù. Kellu ħabta jisraq qlub il-midinbin u jikkonvertihom. L-hena tiegħu kienet li jressaq in-nies lejn Alla, u hekk inissel il-paċi f’qalbhom u jagħmilhom ferħanin u kuntenti. L-għadd kbir ta’ konverżjonijiet ma naqas qatt. Alla żejnu bid-don tal-mirakli, speċjalment dawk marbutin mal-konverżjoni ta’ midinbin iebsin u li dwarhom intilfet kull tama li jbiddlu ħajjithom.

Għal sittin sena talab biex l-Ingilterra tirritorna għall-vera fidi u kellu diversi viżjonijiet konsolanti dwar din il-ħaġa. Infatti kien permezz tal-Passjonisti li l-Kardinal Newman u eluf ta’ protestanti oħra reġgħu daħlu fil-Knisja Kattolika.

L-aħħar snin ta’ ħajtu għaddiehom Ruma fejn miet fit-18 ta’ Ottubru 1775, fl-età ta’ 81 sena. Il-Papa Piju IX ikkanonizzah fl-1867.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.