L-Isqof Mario fil-Festa ta’ San Koronatu

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħadd, 10 ta’ Novembru 2019: Omelija tal-E.T. Mons. Mario Grech, Amministratur Appostoliku għal Għawdex, fil-Festa ta’ San Koronatu Martri, fil-Bażilika ta’ San Pietru u San Pawl, in-Nadur.

[soundcloud url=”https://api.soundcloud.com/tracks/711148981″ params=”color=#ff5500&auto_play=false&hide_related=false&show_comments=true&show_user=true&show_reposts=false&show_teaser=true&visual=false” width=”100%” height=”100″ iframe=”true” /]

Bil-kortesija ta’ Radju Luminaria.

Omelija tal-E.T. Mons. Mario Grech

IL-BIERED JINBEŻAQ

Meta semgħu lil Ġesù jitkellem u rawh jaġixxi, dak li laqat l-attenzjoni tad-dixxipli kien il-ħeġġa li huwa kellu, tant li japplikaw għalih dak li jgħid is-Salmista: “Il-ħeġġa għal darek fnietni” (Ġw 2:14). Nistaqsi jekk min illum jismagħna nitkellmu jew josserva l-għemil individwali kif ukoll bħala komunità parrokkjali jew ekkleżjali, jasalx għall-istess konklużjoni dwarna u jgħid: Kemm huma mħeġġin! Il-ħeġġa għal Ġesù tikolhom!

Issa li qed intemm il-ministeru tiegħi bħala Isqof tagħkom, għandi memorji sbieħ ta’ dawn l-erbatax-il sena li mxejt magħkom. Għandi f’qalbi tifkira ta’ dawk il-persuni (saċerdoti, reliġjużi u lajċi) li impressjonawni bil-ħeġġa li kellhom u għandhom għal Alla, għall-Knisja u għall-bnedmin. Hija ħaġa sabiħa li fil-Knisja f’Għawdex hawn individwi li qalbhom tikolhom għal Kristu; saħansitra għandna min il-ħeġġa għal Ġesù wasslitu biex iħalli lill-familja u ’l pajjiżu biex imur fil-missjoni (tinsewhomx lil dawn ħutna missjunarji li huma teżor għall-Knisja lokali). Naturalment, jekk tistaqsuni x’nixtieq minn din il-Knisja li ser inħalli warajja, ngħidilkom li nixtieq li din il-ħeġġa titkattar – nixtieq li dak in-nar ma jintefiex. Jekk niftakar sew, kont qed nieħu sehem fis-Sinodu Ordinarju dwar il-Familja meta ltqajt ma’ xi lajċi mill-Awstralja u qaluli din il-frażi: “In our Church we need fire!”. Fi kliem ieħor, ix-xewqa tagħhom kienet li jkun hemm aktar ħeġġa. Għax kif insibu fil-Ktieb tal-Apokalissi, l-Anġlu jgħid lill-Knisja ta’ Loadicea: “Aħjar li kont sħun jew kiesaħ, għax il-biered jien nobżqu minn ħalqi” (3:15). Il-bruda spiritwali hija omiċidjali: toqtol kemm lill-individwu u kemm lill-komunità. M’hemmx marda aktar serja minn meta nagħmlu l-affarijiet b’nofs qalb jew nofs kedda. Għalhekk lil din il-Knisja f’Għawdex nixteqilha “more fire”. Kemm nixtieq li dan in-nar diġà qabad u jkompli jaqbad fina lkoll – presbiteri, ikkonsagrati, lajċi!

Huwa urġenti li nkunu tassew imħeġġin għall-Mulej. Xi drabi nara ħeġġa barra minn postha, anki fil-kuntest tal-komunità Nisranija. Ħallina miċ-ċuċati. Ejjew nindirizzaw l-enerġija, il-ħsieb u l-ħeġġa f’direzzjoni tajba: għal Ġesù! L-għaġna tas-soċjetà tagħna qed tinbidel b’ritmu mgħaġġel. Għajnejna f’wiċċna, u jekk ma aħniex naraw it-tibdil li qed iseħħ, forsi għandna bżonn min jiftħilna għajnejna b’qasba. Ninsabu f’fażi ta’ tranżizzjoni f’diversi livelli, anki fil-Knisja. F’ċerti aspetti din hija ħaġa pożittiva, imma tħalli l-feruti warajha. Ma nistgħux nippermettu li f’dan il-kuntest aħna nkunu moxxi jew bierda. Għandna bżonn iktar ħeġġa. Jiswielna jekk ilkoll (isqof, kappillani, saċerdoti, djakni…) nagħmlu ftit ta’ eżami ta’ kuxjenza u nistaqsu lilna nfusna: Nistgħu ngħidu li l-ħeġġa għal Alla fnietna? Jew hemm interessi u motivi oħra li qed jifnuna? Jistgħu jkunu interessi tajba imma ma humiex f’posthom – ma humiex il-prijorità tagħna bħala Knisja. Ilbieraħ filgħodu ltqajt ma’ missier li b’qalb tqila qalli li wliedu li għadhom adolexxenti ma jridux jafu bit-talb. Mhux għax uliedna huma ħżiena, imma kif għidt, jinsabu għaddejja minn din il-fażi ta’ tranżizzjoni. Kemm nitkellmu magħhom jew bejnietna dwar Ġesù? Din il-mistoqsija nagħmilha lilna l-presbiteri wkoll! Fuq suġġetti oħra ma nibqgħux lura milli nitkellmu – fuq l-insib u l-kaċċa, fuq il-flus, fuq il-politika, fuq il-partiti, fuq l-ambjent u l-bqija. Kollha huma suġġetti tajba, imma fija u fik għandu jispikka l-interess għal Ġesù. Ħasra li ħafna drabi rriduċejna t-twemmin tagħna għal esperjenza privata. B’xorti ħażina dan seħħ anki fil-familja, tant li l-missier jitlob waħdu, l-omm titlob għal rasha, u l-ulied għalihom!

Għalhekk neħtieġu aktar nar! Il-fidi li għandna rċivejniha minn ta’ qabilna. Nistaqsi aħna x’qegħdin ngħaddu lill-ġenerazzjonijiet li telgħin! Skont kemm aħna mħeġġin. Għax jekk aħna entużjasti għal Ġesù, ser ngħaddu dan il-patrimonju spiritwali u reliġjuż lil ta’ warajna – ser nittrasmettulhom lil Ġesù u l-Vanġelu tiegħu; imma jekk aħna mejtin, ma ser inħallulhom xejn, jew jirtu biss ħwejjeġ reliġjużi bla ruħ. Il-fidi Nisranija ma ngħadduhiex bit-tpaċpiċ u l-predikazzjoni biss, imma bix-xhieda tagħna. Fil-fatt, il-fidi ma tiġix ikkomunikata bil-kliem, imma bl-attrazzjoni: meta dak li jkun jinġibed wara Kristu għax ikun ra l-eżempju tagħna, meta dak li jkun jintlaqat mill-ħeġġa tagħna meta jismagħna nitkellmu dwar Ġesù. F’dawn l-aħħar snin jien osservajt xi ħaġa tassew sabiħa fil-Knisja f’Għawdex: adulti barranin li jitolbu li jirċievu l-Magħmudija. Illum fil-Parroċċa tan-Nadur l-Arċipriet ser jippreżentali żewġt itfal li ser jitgħammdu fil-futur qarib, imma hawn ukoll adulti li huma interessati li jkunu jafu lil Ġesù. Niftakar tnejn minn dawn l-adulti jispjegawli li dak li qajjem fihom l-interess għal Ġesù u l-Knisja Kattolika kienu l-eżempji tajba li ħadu minn nies tagħna. Ikkonvertew bil-qawwa tax-xhieda – għax xi ħadd saħħarhom wara Ġesù. (Għalkemm nisimgħu b’affarijiet negattivi fil-Knisja, imma hawn ħafna u ħafna tajjeb!). Għalhekk, aktar ma jkollna ħeġġa, aktar nevanġelizzaw!

Bil-martirju tagħhom il-martri xandru lil Ġesù. Ladarba ż-żagħżugħ San Koronatu ħa l-martirju, ifisser li kien imħeġġeġ waħda sew għal Ġesù – qalbu kienet taqbad għal Ġesù u għall-komunità Nisranija. L-armatura li huwa liebes tixhed il-ħeġġa li kellu biex ixandar lil Ġesù u jwassal lill-oħrajn biex jistaqsu u jitkellmu dwar Ġesù. Ix-xhieda tiegħu qanqlet interess u mħabba f’Ġesù. Tassew li l-ħeġġa għal Ġesù fnietu għax wasslitu għall-martirju.

San Koronatu rawwam fih din il-ħeġġa mill-għaqda li hu kellu ma’ Ġesù. Forsi għalhekk lilna tonqosna din il-ħeġġa: għax ikun hemm dan id-defiċit spiritwali. Dawk li saħħruni bil-ħeġġa li kellhom għal Ġesù kienu nies jemmnu fil-valur tat-talb. F’Awwissu li għadda, meta ma kelli ebda ħsieb li ser ikolli nħallikom, għamilt sejħa lill-Knisja f’Għawdex biex naħdmu ħalli nkunu Knisja mistika – Knisja li kontinwament tfittex lil Alla, Knisja li tgħix b’Alla. Għalhekk, jekk irridu nkunu mħeġġin, irridu nieħdu b’aktar serjetà u impenn il-ħajja spiritwali tagħna. Il-ħeġġa nuruha mhux biss fl-operat tagħna, imma daqskemm infittxu li noqogħdu fil-preżenza tiegħu. Fil-fehma tiegħi waħda mill-opri sbieħ li ser inħallilkom hija li f’dawn l-aħħar snin ħafna mill-parroċċi tagħna fetħu “kappella tal-Ewkaristija” fejn il-bieb huwa dejjem miftuħ biex ilkoll kemm aħna (isqof, qassisin, lajċi) immorru f’riġlejn Ġesù. Minn hawn tiġina l-ħeġġa spiritwali.

Imbagħad nixtieq nara aktar ħeġġa fil-liturġija. Nistgħu nkunu agħar, għax ġieli nkun barra mid-djoċesi nippresiedi xi liturġija u l-ġemgħa tkun assolutament assenti! Nixtieq li fil-liturġija tagħna jkun hemm aktar ħeġġa fil-parteċipazzjoni tagħna, għax l-istess liturġija hija għajn li tħeġġiġna flimkien.

F’Ottubru li għadda ktibtilkon Ittra pastorali fejn għamilt sejħa biex matul din is-sena pastorali naħsbu u naħdmu aktar dwar il-vokazzjonijiet. Intom tafu li f’dak li għandu x’jaqsam mal-vokazzjonijiet saċerdotali u reliġjużi fl-imgħoddi kellna żmien tad-deheb, imma llum storja differenti. Imma l-komunità parrokkjali qed titlob għall-vokazzjonijiet? Il-komunità qed tagħti sehemha biex iż-żerriegħa tas-sejħa li jibgħat Alla fiż-żgħar tagħna ma tinħaraqx imma tikber? Il-kawża tal-vokazzjonijiet mhix tal-Isqof waħdu jew tas-saċerdoti biss, imma tagħna lkoll flimkien. Min qed jiddixxerni dwar is-sejħa saċerdotali jew reliġjuża jew ikkonsagrata, m’għandux bżonn ta’ prietki imma li jara nies vokati mħeġġin.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading