Lectio Divina tat-33 Ħadd. Sena “Ċ”


Vanġelu (Lq 21, 5-19):   Ġesu jasal fit-tmiem tal-vjaġġ tiegħu mill-Galilea għal Ġerusalemm.  Luqa ħa 10 kapitli biex ikopri tal-vjaġġ.  Ġesu jidħol fit-tempju. Ħafna barranin kienu jgħidu fuq il-meravilji tad-dinja: “Imma jekk qatt ma rajt it-tempju ta’ Erodi għadek ma rajt xejn.”  Beda jinbena 19-il sena BC u tlesta fi 8 snin. Is-santwarju tat-tempju ħa sena w nofs. Erodi ħalla f’idejn 1000 saċerdot biex jibnuh, għax l-idejn imbierka w qaddisa tas-saċerdoti biss kienu denji li jmissu l-ġebel tas-santwarju.

Barra li kien tempju meraviljuż, kien id-dar ta’ Alla. Allura meta Ġesu ħabbar li kien se jinqered, min semgħu ħadha bħala dagħwa, għax il-Mulej kien jgħammar hemm.  Se jkun hemm xi sinjali qabel ma jiġri dan?

Nafu li bit-truppi tiegħu, Titu għamel assedju fuq Ġerusalemm u ordna biex ma jmissux is-Santwarju.  Iżda suldat ta n-nar lill-purtiera tas-santwarju u din qabbdet kull m’hemm. Titu ġarr id-deheb u r-rikkezzi li kien hemm.  Menorah tad-deheb kienet tiżen 70 kilo.  Titu ħa tant deheb li l-prezz tiegħu waqa’ fis-swieq ta’ dawk l-inħawi.  Ġesu ma tinteressahx id-data, imma l-fatt li l-waqa’ tat-tempju kellha tfisser li l-Lhud u r-reliġjon qadima spiċċat u hawn oħra ġdida li għandhom iħaddnu.  Ħafna drabi Ġesu kien jikkwota lil Ħosea:  “Jien imħabba rrid mhux sagrifiċċji”.

  1. Ġesu jippreżenta diskors apokaliptiku. Dan ma jifissirx diżastri katastrofiċi bħal terrimot, dulluvju, eċċ. imma li tneħħi dak li hu moħbi, i.e. tikxef il-velu biex tara x’kien qed jaħbi. Aħna naraw il-mard, il-gwerer u l-ġuħ b’ għajnejn umani.   Ġesu jrid ineħħilna dan l-ispeċi ta’ velu biex narawhom b’għajnejn il-Mulej. Hawn għandna tempju li kien ifisser ir-reliġjon Ebrajka tal-antik. It-tiġrif tat-tempju kien ifisser għal-Lhud diżastru u nsult lil Alla.  Ġesu qed jistedinhom biex iħarsu lejn dan it-tiġrif   kif kien qed iħares lejh Alla, i.e. bħala għeluq ta’ era antika u bidu ta’ era ġdida mnedija fuq tagħlim ġdid ta’ Ibnu l-waħdieni.  Diskorsi apokaliptiċi nsibuhom bejn 200 BC u 200 AD.  Il-kittieba tagħhom riedu jwasslu dan il-messaġġ: fid-dinja hawn regħba, skjavitu, mard, ġuħ, eċċ.  Mela hemm bżonn it-tiġrif  ta’ din l-era biex Alla joffri era ġdida fejn il-bniedem seta’ jgħix ħajja aktar umana.  Eżempju ieħor hu t-torri ta’ Babel.  Mela meta tissemma’  l-aħħar tad-dinja,  mhux id-dinja ġografika,  imma d-dinja antika, u dan biex tagħmel post għal waħda ġdida.  L-istess f’Mattew: it-terrimot fuq il-kalvarju u ieħor fl-irxoxt mhumiex ta’ veru imma simboliċi.  “Meta se jiġri dan?” Ġesu jwieġeb:  mhux il-meta, imma x’se jagħmlu l-Appostli:
  2. “Tħallu ‘l ħadd jingannakom” – din għalina wkoll, għax anki llum għandna wħud li huma tal-era l-antika, p.e. pagani u Nsara bierda, fil-waqt li aħna nispera ħaddanna l-era l-ġdida. Sikwit jidher xi ħadd jippoża b’era ġdida li mhux bil-fors tkun ġenwina. Kemm mexxejja politiċi u oħrajn iħabbru li se jisbaħ jum ġdid, se jkollna bniedem ġdid li se jsalva d-dinja mill-problemi li daħlet fiha, iniedu dinja ġdida, qabża ta’ kwalita fil-ħajja. Hitler bir-razza pura li ried joħloq nafu kif spiċċa. Eżempju ieħor: sa ftit tas-snin ilu, kien hawn ċerta osservanza stretta tal-moralita. F’daqqa waħda ħarġu nies jgħidu: dik id-dinja antikwata. Fil-ġdida kulħadd jista’ jagħmel li jrid għax liberi. Il-liberta saret libertinaġġ u permissivita’.  L-istess fiż-żwieġ.  Fil-fatt din  hi d-dinja l-ġdida, jew l-antika moħbija b’qoxra?  Ġesu jwissina minn dawn l-impusturi u r-reklami tagħhom li l-għan tagħhom hu l-qliegħ tal-flus u mhux l-era li jrid Ġesu: “Tiġrux warajhom”.
  3. Meta l-apokaliptiċi jitkellmu fuq terrimoti, taqlib tax-xemx u l-kwiekeb u l-aħħar tad-dinja, dan hu kliem simboliku; i.e. taqliba ta’ taħt fuq biex tispiċċa d-dinja l-antika u tibda l-ġdida. Għalhekk Ġesu jgħid lilna li bdejna ngħixu dil-ħajja: “ Tibżgħux, imma għollu raskom ‘il fuq, għax is-salvazzjoni tagħkom fil-qrib.” Għalhekk aħna rridu nibqgħu nagħmlu parti mill-bini ta’ din l-era l-ġdida billi nistinkaw bla heda biex inqarrbu lil xi ħadd mill-era antika għal dik ġdida. Anki meta jagħmel terrimot veru, u quddiem il-gwerer li għaddejjin bħalissa, ma nitilfux il-konċentrazzjoni biex nibnu din l-era ġdida (is-saltna ta’ Kristu).
  4. L-era antika mhux se ċċedi malajr biex tisparixxi. Trid tkompli tipperpetwa ruħha. Kienet rappreżentata mill-poter reliġjuż tat-tempju, ibbażata fuq ideja żbaljata t’Alla, li. ara ma tmurx tirrabjah b’xi dnub, għax jibagħtlek xita tan-nar u flaġelli oħra. B’hekk is-saċerdoti kienu jikkalmaw ir-rabja t’Alla bis-sagrifiċċji, ħruq ta’ nċens, eċċ. Ġesu qed jgħid li dal-poter reliġjuż qed jersaq lejn it-tmiem imma se jikkumbatti biex jibqa’ għaddej. Għalhekk Ġesu jgħidilna: “Tibżgħux: is-sagrifiċċji li rrid jien huma l-opri tal-ħniena – dawn huma l-unika nċens aċċettat minn Alla:  Għax kont bil-għatx…”  U biex nibdlu l-poter antik tal-iskjavitu  (20% tal-poplu kienu skjavi taħt ir-Rumani), poter miksub permezz ta’ terroriżmu, bombi, eċċ irridu naħdmu biex aktar nies iħaddnu t-tagħlim ta’ Kristu. U x’qed jistenniena f’dil-ħidma: persekuzzjoni imħabba x-xandir tal-isem ta’ Ġesu, swat u ħabs. Minn min?  Minn dawk tad-dinja antika li jaqbdu mqar ma’ tibna biex ma jegħrqux.  Ġesu jwissina:  “Gwaj għalikom jekk ma jippersegwitawkomx.  Jekk  jgħidulkom ‘intom orrajt’ ikun ifisser li waqajtu għad-dinja antika u ma bqajtux il-melħ tal-art.  Kif inġib ruħi waqt il-prova?  Nagħti xhieda.  F’xi talk show,  għand tal-grocer, eċċ kemm jgħajtu l-oħrajn biex joħonquna.  Ma rridux naqtgħu qalbna imma bil-kalma u l-kuraġġ nibqgħu ninsistu li aħna mhux nirbħu l-argument irridu, imma li nuruhom li nħobbuhom u nixtiequ nwassluhom għall-verita, dejjem bil-ħlewwa u bl-imħabba.  Jista’ jkollna t-tentazzjoni biex nippreparaw ir-risposti minn qabel: botta u risposta.  Dan kriterju tal-oħrajn.  Ġesu jgħidlek: “Le. L-Ispirtu jurik u jtik Hu x’għandek  tgħid bi kliem ta’ mħabba u ħbiberija biex lill-ieħor turieh li tixtieqlu l-ġid mhux trid tirbaħlu.  Jekk inkunu aggressivi nitilfuh. Dan jista’ jkun wieħed minn tal-familja.

5.Ġesu mbagħad jgħid:  “Kulħadd isir jobgħodkom minħabba fija (id-dinja l-antika fighting  for survival).” Jekk dan jiġri  lili, irrid nistaqsi:  “ Qed jobogħduni għax għażilt lil Kristu u t-tagħlim tiegħu, jew għal xi raġuni oħra?”  Jekk tal-ewwel, allura Ġesu jikkunslana: “Xagħra waħda minn raskom ma tintilifx, għax bil-perseveranza tagħkom issalvaw irwieħkom”.

Ref:  lachiesa.it / liturgia / data / cerca / omelie / padrefernando armellini