Illum il-Knisja tfakkar lil San Silvestru I


Fil-31 ta’ Diċembru l-Knisja tfakkar lil San Silvestru I, Papa li miet għall-ħabta tas-sena 335.

San Silvestru kien iben ta’ wieħed Ruman jismu Rufinu. Il-Papa San Marċellinu ordnah qassis f’dak iż-żmien ta’ paċi qabel bdiet il-persekuzzjoni ta’ Djoklezjanu. Imbagħad fil-persekuzzjoni, il-Qaddis wera qlubija l-iktar kbira.

Fi żmienu saru l-abdikazzjonijiet tal-Awgusti Djoklezjanu u Massimjanu. Ra jseħħ ukoll it-trijonf ta’ Kostantinu l-Kbir fis-sena 312.

Wara l-mewt tal-Papa San Milzjade, San Silvestru nħatar bħala s-suċċessur tiegħu, it-33 Papa, fis-sena 314.

San Silvestru mexxa l-Knisja b’għaqal u b’responsabbilta’ kbira, meta l-Knisja bis-saħħa ta’ Kostantinu l-Kbir, ħarġet mill-katakombi.

Permezz tad-Delegati tiegħu, San Silvestru I ħa sehem fil-Konċilju ta’ Arles fis-sena 314, li kkundanna l-ereżija tad-Donatisti u wettaq il-validita’ tas-sagramenti amministrati mill-eretiċi; approva l-Konċilju Ekumeniku, dak ta’ Niċea fis-sena 325, li kkundanna l-ereżija ta’ Arju li Ġesù mhux Alla u għalhekk il-Madonna mhix Omm Alla, u fformula l-Kredu ta’ Niċea.

Fi żmien il-papat tiegħu nbnew il-knejjes kbar ta’ San Pietru, ta’ Santa Croce, ta’ San Lawrenz Fuori le Mura, ta’ San Silvestru, u oħrajn. Fi żmienu wkoll il-Palazz tal-Lateran sar ir-residenza uffiċjali tal-Papa.

San Silvestru miet fil-31 ta’ Diċembru tas-sena 335, wara li kien ilu Papa 21 sena u ħdax-il xahar. Difnuh fiċ-ċimiterju ta’ Prixxilla, fit-Triq Salarja.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com