Il-Papa f’Santa Marta: Lil min jakkumpanjana fil-mixja tal-ħajja nżommuh fi qlubna

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ġimgħa, 14 ta’ Frar 2020: Fl-omelija li għamel fil-kappella tad-Dar Santa Marta llum, il-Papa rrifletta dwar ir-rutina ta’ kuljum li żżomm ħajja l-kappella tad-Dar Santa Marta. Hu tkellem dwar il-familja, mhux biss dik magħmula mill-ġenituri, l-ulied u l-qraba, imma l-familja wiesgħa ta’ min jakkumpanjana tul il-mixja ta’ ħajjitna. Franġisku spjega li wara 40 sena ta’ ħidma, Patrizia kienet se tispiċċa bil-pensjoni.

Jagħmlilna tajjeb lilna lkoll li ngħixu hawn, qal Franġisku, li naħsbu dwar dil-familja li takkumpanjana; u intom ilkoll, li ma tgħixux hawn, biex taħsbu dwar tant nies li jakkumpanjawkom fil-mixja tal-ħajja: ġirien, ħbieb, kollegi tax-xogħol, tal-istudju…  Aħna m’aħniex waħedna.  Il-Mulej iridna nkunu poplu, iridna nkunu kumpanija għal xulxin, ma jridniex inkunu egoisti: l-egoiżmu huwa dnub.

Fir-riflessjoni li għamel, Franġisku fakkar il-ġenerożità ta’ tant nisa kollegi tax-xogħol li ħadu ħsieb lil min kien marid.  Wara kull isem, hemm preżenza, hemm storja, perjodu qasir li ħalla l-marka, familjarità li tniżżlet f’qalb il-Papa.

Niftakar f’Luisa u Cristina, fin-‘nanna’ tad-dar, Swor Maria li daħlet taħdem meta kienet għadha żagħżugħa u ħadet id-deċiżjoni li tikkonsagra ruħha.  Imma hu u jiftakar fil-familja ‘wiesgħa’, il-Papa ftakar ukoll f’min ħalliena: Miriam, li mietet fimkien ma’ binha tarbija; Elvira, li kienet eżempju ta’ kif tiġġieled għall-ħajja sal-aħħar; u oħrajn li saru pensjonanti jew li marru jaħdmu xi mkien ieħor.  Preżenzi ta’ fejda li kultant ikun diffiċli tinqata’ minnhom.

Jagħmlilna tajjeb illum naħsbu dwar il-persuni li akkumpanjawna fil-mixja tal-ħajja, bħala gratitudni u wkoll bħala ġest ta’ gratitudni lejn Alla.

Grazzi, Mulej, talli ma ħallejtniex waħedna.  Hu minnu li minn dejjem kien hemm il-problemi u fejn ikunu n-nies hemm it-tqassis.  Hawn ġew ukoll.  Isir it-talb u t-tpaċpiċ, it-tnejn li huma.  U xi drabi jkun hemm ukoll nuqqas ta’ karità.  Tidneb, titlef sabrek, imbagħad titlob skuża.  Hekk isir fil-familja.  Jien irrid inrodd ħajr għall-paċenzja ta’ dawn in-nies li jakkumpanjawna u nitlob skuża għan-nuqqasijiet tagħna.

Illum hu jum li fih ngħidu ‘grazzi’ u nitolbu skuża minn qalbna, kull wieħed u waħda minna, lill-persuni li akkumpanjawna fil-ħajja tagħna, għal xi żmien ta’ ħajjitna, tul ħajjitna kollha…  U rrid napprofitta ruħi minn dit-tislima lil Patrizia biex flimkien magħkom nagħmel dan l-att ta’ memorja, ringrazzjament.  Kull wieħed u waħda minna jagħmel dan mal-persuni li jkunu miegħu regolarment.  Lil dawk li jaħdmu hawn, f’did-dar, grazzi kbira, kbira, kbira.

U lilek Patrizia, li se tibda dit-tieni parti ta’ ħajtek, nawguralek 40 sena oħra ħajja.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading