Illum il-Knisja tagħmel il-Festa ta’ San Ċirillu u San Metodju


Fl-14 ta’ Frar l-Knisja tagħmel il-Festa ta’ San Ċirillu u San Metodju, Appostli tas-Slavi u Patruni tal-Ewropa. San Ċirillu għex bejn is-snin 827 sa 868 u San Metodju għex bejn is-snin 826 sa 840.

Dawn iż-żewġ qaddisin, Appostli tas-Slavi u Patruni tal-Ewropa, huma l-uniċi żewġ qaddisin aħwa, minbarra l-appostli, li għandhom post għalihom fil-kalendarju universali Ruman. Huma mhux biss għallmu lis-Slavi imma huma wkoll awturi tal-liturġija tagħhom.

Huma kienu Griegi mit-Tessalonika u kienu jafu jitkellmu bl-ilsien Slavoniku. Dawn ġew mibgħuta mill-imperatur ta’ Kostantinopli u mill-patrijarka Fozju fil-Moravja bħala missjunarji. Ċirillu kien qassis b’fama ta’ filosfu msemmi. Metodju kien raħeb.

Qabel marru fil-Moravja huma sawru alfabet Slavoniku u ittraduċew il-Vanġeli. Ix-xogħol tagħhom fil-Moravja mar ‘il quddiem, in-nies riedu isqof u għalhekk marret delegazzjoni Ruma biex titlob dan. Hemmhekk Ċirillu daħal raħeb f’monasteru Grieg u miet ħamsin jum wara.

Metodju ġie ordnat qassis u mibgħut bħala legat tal-Papa għas-Slavi kollha. Wara ftit xhur huwa reġa’ mar Ruma u ġie magħmul arċisqof ta’ Sirmium (illum post fl-ex-Jugoslavja) b’ġurisdizzjoni fuq il-Pannonia u l-Moravja kollha u suġġett direttament lejn is-Santa Sede. Billi d-Duka tal-Moravja kien jipreferi l-liturġija Latina, San Metodju ġie akkużat fil-falz, għamel żmien fl-eżilju u kien anke mitfugħ il-ħabs. Il-Papa rnexxielu jeħilsu mill-ħabs u mill-akkużi foloz, u reġa’ kkonferma d-dritt tal-liturġija bl-ilsien tal-post.

San Metodju għadda l-aħħar sittax-il sena bħala isqof jittraduċi l-bqija tal-Bibbja fl-ilsien Slavoniku u jsawwar kodiċi ta’ liġijiet tal-Knisja.

Il-Papa Ġwanni Pawlu II iddikjara lil S. Ċirillu u S. Metodju bħala ko-patruni tal-Ewropa (flimkien ma’ San Benedittu) bl-Ittra Appostolika “Egregi Virtutis” (31 ta’ Diċembru 1980).

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com