Il-Ġimgħa, 20 ta’ Marzu 2020: Fil-kappella tad-Dar Santa Marta, illum il-Papa Franġisku offra l-quddiesa għat-tobba u l-ħaddiema tas-saħħa, partikolarment dawk li jaħdmu fl-inħawi l-aktar milquta mill-imxija tal-coronavirus. Franġisku qal li kien irċieva messaġġ biex jitlob għat-tobba mingħand saċerdot minn Bergamo.
Tkellem ukoll dwar kif nirċievu l-maħfra meta ma hemmx saċerdot …
Il-Papa talab ukoll għall-awtoritajiet ċivili li jridu jieħdu deċiżjonijiet importanti li mhux dejjem jintlaqgħu tajjeb.
Fl-omelija l-Papa ħa spunt mill-ewwel qari meħud mill-Ktieb tal-Profeta Ħosegħa u stedinna biex nitkellmu ma’ Alla bla ma nħarsu lejh bħala mħallef, imma nqisuh bħala missier twajjeb li jħobb u jaħfer dejjem.
Il-Papa Franġisku qal: Meta naqra jew nisma’ dis-silta mill-Profeta Ħosegħa li jgħid: ‘Erġa’ dur, Iżrael, lejn il-Mulej Alla tiegħek,’ niftakar f’kanzunetta li kien ikanta Carlo Buti 75 sena ilu, u li kienet popolari ħafna fost il-familji Taljani fi Buenos Aires: Torna dal tuo papà, la ninna nanna ancora ti canterà. Mur lura: huwa missierek li qed jgħidlek biex tmur lura. Alla hu missierek; mhux l-imħallef, hu missierek: ‘Erġa’ lura lejn id-dar, isma’, ejja.’
U dan – kont għadni tifel – mill-ewwel ifakkarni fil-missier tal-kapitlu 15 ta’ Luqa, dak il-missier li ‘ra lil ibnu ġej mill-bogħod’, dak l-iben li kien telaq bil-flus kollha u berbaqhom. Imma rah ġej mill-bogħod għax kien qed jistennieh. Kien jitla’ fuq is-setaħ – mal-jum, u jiem sħaħ, xhur, forsi anke snin, dejjem jistenna lil ibnu. Rah ġej mill-bogħod. ‘Mur lura għand missierek, għand il-Missier. Hu qed jistenniek.’ Din hi t-tenerezza ta’ Alla xħin ikellimna, speċjalment matul ir-Randan. Hu ż-żmien li nidħlu fina nfusna u niftakru fil-Missier u mmorru lura għandu.
‘Padre, nistħi mmur lura… għax taf, ħawwadt kemm flaħt…’ Xi jgħid il-Mulej? ‘Ejja, jien infejqek mill-infedeltà tiegħek. Inħobbok minn qiegħ qalbi, għax l-għadab tiegħi tbiegħed. Inkun bħan-nida; inti twarrad bħall-ġilju u tħawwel għeruqek bħal siġra tal-Libanu. Erġa’ lura għand missierek li qed jistenniek.’ Alla jfejjaqna bit-tenerezza tiegħu; ifejjaqna minn tant ġrieħi tal-ħajja u minn tant affarijiet koroh li nkunu għamilna. Kull wieħed u waħda minna mhux nieqes minnhom!
Imma niftakru f’dan: li nerġgħu lura lejn Alla jfisser li mmorru lura għat-tħaddina tal-Missier. U niftakru wkoll fil-wegħda l-oħra li jagħmel Iżaija: ‘Jekk dnubietek huma ħomor skarlatt, jien nagħmilhomlok bojod bħas-silġ.’ Hu kapaċi jittrasformana, kapaċi jibdlilna qalbna, imma hemm bżonn nagħmlu l-ewwel pass: nerġgħu lura. Mhux qed immorru għand Alla; le, inkunu qed immorru lura d-dar.
Ir-Randan lejn dan jimmira, lejn dil-konverżjoni tal-qalb li fid-drawwa nisranija sseħħ fis-Sagrament tal-Qrar. Huwa l-waqt li fih nirranġaw il-kontijiet (ma togħġobnix dil-kelma); il-waqt li nħallu lil Alla jagħmilna bojod, isaffina, iħaddanna.
Naf li ħafna minnkom tmorru tqerru fi żmien l-Għid biex terġgħu ssibu lil Alla. Imma ħafna llum jgħiduli: ‘Fejn nista’ nsib saċerdot, konfessur? Għax ma nistax noħroġ mid-dar. Nixtieq nagħmel paċi mal-Mulej, nixtiequ jgħannaqni, nixtieq li Missieri jħaddanni… Kif nista’, la ma nsibx saċerdoti?’
Inti agħmel dak li jgħid il-Katekiżmu. Ċar ħafna: jekk ma ssibx saċerdot biex tqerr, tkellem m’Alla, hu missierek, għidlu l-verità: ‘Mulej għamilt hekk u hekk… aħfrili,’ u itolbu maħfra b’qalbek kollha, bl-Att tal-Indiema, u wiegħdu: ‘Kif inkun nista’ nqerr, imma aħfirli issa.’ U terġa’ tikseb il-grazzja t’Alla. Int stess tista’ tersaq, kif jgħallimna l-Katekiżmu, lejn il-maħfra t’Alla bla ma jkollok saċerdot qrib. Aħsbu ftit: issa huwa l-waqt! Issa hu l-waqt, il-waqt propizju. Att ta’ ndiema sinċiera biex b’hekk ruħna terġa’ ssir bajda bħas-silġ.
Ikun sabiħ kieku llum ukoll jidwi f’widnejna: ‘Erġa’ lura, erġa’ lura għand Missierek.’ Qiegħed jistenniek u jagħmillek festa.
Bħalma għamel ilbieraħ, il-Papa temm iċ-ċelebrazzjoni bi ftit waqtiet ta’ adorazzjoni Ewkaristika u l-barka sagramentali u stedinna nagħmlu t-Tqarbina tax-Xewqa u tenna t-talba li għamel ilbieraħ.
Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber.