Illum il-Knisja tfakkar lil Santa Marija Josefa Sancho de Guerra

Print Friendly, PDF & Email

Fl-20 ta’ Marzu l-Knisja tfakkar lil Santa Marija Josefa Sancho de Guerra, Reliġjuża li għexet bejn is-snin 1842 sa 1912.

Marija Josefa Sancho de Guerra, twieldet fis-7 ta’ Settembru, 1842, fil-belt ta’ Vitorja, fi Spanja, fir-reġjun Bask. Missierha kien Bernabe Sancho, u ommha Petra de Guerra, hija kienet l-ewwel wild tagħhom.

Ta’ 7 snin tilfet lil missierha u baqgħet tgħix ma’ ommha u ħutha, fejn ħadet formazzjoni reliġjuża tajba minn ommha li wasslitha biex tkun ippreparata tajjeb biex tagħmel l-ewwel tqarbina ta’ 10 snin.

Ta’ 15-il sena marret għal xi żmien tgħix ma’ xi qraba f’Madrid, biex tkompli l-edukazzjoni tagħha. Marija Josefa kienet devota ħafna tal-Ewkaristija u tal-Verġni Mqaddsa Marija. Kellha sensibbilità kbira għall-foqra, morda u dawk weħidhom.

Ta’ 18-il sena rritornat lura d-dar u bdiet ittarraf lil ommha bil-ħajra li kellha li tidħol reliġjuża. Ħadet diversi pariri iżda ma setgħetx tasal għal deċiżjoni ma’ liema ordni se tingħaqad. Meta kienet kważi ddeċidiet, fl-1860, mardet bit-tifu, u din ħaditha bħala l-id t’Alla għaliex kienet se tieħu għażla żbaljata.

Wara ftit żmien hija rnexxielha tidħol fl-istitut tas-Servi ta’ Marija. Bdiet tħoss li kienet imsejħa li twettaq iżjed xogħol minn dak li kienet qed tagħmel. Bil-pariri tal-konfessur tagħha San Soledad Torres Acosta, u l-Arċisqof Claret telqet mill-istitut tas-Servi ta’ Marija. Fir-Rebbiegħa tal-1871, meta kellha 29 sena, ġewwa Bilbao, waqqfet l-istitut tas-Servi ta’ Ġesù. Ingħaqdu magħhom tnejn oħra minn sħabha. Dan l-istitut ġdid ġie mwaqqaf bl-intenzjoni li jgħin lill-morda fl-isptarijiet u fi djarhom, l-anzjani, it-tfal u dawk bla dar.

Mietet fl-20 ta’ Marzu, 1912 wara marda qalila u snin twal ta’ tbatija kbira. Id-djar tagħha dakinhar kienu jġibu 43, u kellha iżjed minn 1000 soru. Indifnet ġewwa ċ-ċimiterju ta’ Bilbao, iżda fl-1926, billi l-fama tal-qdusija tagħha kibret ġiet trasferita għall-kappella tal-istitut. Ġiet ibbeatifikata fis-27 ta’ Settembru, 1992 mill-Qaddis Papa Ġwann Pawlu II u fl-1 ta’ Ottubru, 2000 l-istess Papa kkanonizzaha.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com

Leave a Reply

%d bloggers like this: